Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi—Il-Ħames Parti
Kif Tiddeċiedi Kemm Tkopri Materjal
1 Meta kien jgħallem, Ġesù kien iqis il-limitazzjonijiet tad-dixxipli tiegħu u kien ikellimhom “sakemm setgħu jisimgħu.” (Mk. 4:33; Ġw. 16:12) B’mod simili llum, dawk li jgħallmu l-Kelma t’Alla jridu jiddeċiedu l-ammont taʼ materjal li jistgħu jkopru meta jikkonduċu studju tal-Bibbja. L-ammont taʼ materjal li jistaʼ jiġi kunsidrat jiddependi mill-abbiltà u ċ-ċirkustanzi taʼ l-għalliem u taʼ l-istudent.
2 Ibni Fidi Soda: Xi studenti għandhom bżonn żewġ sessjonijiet jew tlieta biex jifhmu dak li studenti oħrajn kapaċi jifhmu f’sessjoni waħda. Huwa iktar importanti li ngħinu lill-istudent jifhem ċar il-materjal milli li ngħaddu ħafna materjal fi żmien qasir. Kull student għandu bżonn bażi soda għall-fidi li jkun għadu kif kiseb fil-Kelma t’Alla.—Prov. 4:7; Rum. 12:2.
3 Hekk kif tikkonduċi l-istudju ġimgħa wara ġimgħa, uża l-ħin li hemm bżonn biex tgħin lill-istudent jifhem u jaċċetta dak li qed jitgħallem mill-Kelma t’Alla. Evita li timxi b’pass tant mgħaġġel li l-istudent ma jiħux il-benefiċċju sħiħ tal-veritajiet li jkun qed jiġi mgħallem. Ħalli biżżejjed ħin biex tiċċentra fuq il-punti prinċipali u biex tikkunsidra l-iskritturi fundamentali li jipprovdu l-bażi tat-tagħlim.—2 Tim. 3:16, 17.
4 Żomm mat-Tema taʼ l-Istudju: Filwaqt li ma rridux ngħaġġlu żżejjed, irridu nevitaw ukoll li niżvijaw mill-istudju. Jekk l-istudent iħobb jitkellem fit-tul dwar affarijiet persunali, forsi nistgħu niftiehmu biex dawn niddiskutuhom wara l-istudju.—Koħ. 3:1.
5 Mill-banda l-oħra, l-entużjażmu tagħna għall-verità jistaʼ jagħmilha diffiċli għalina biex ma nitkellmux iżżejjed waqt l-istudju. (Salm 145:6, 7) Kultant ikun t’għajnuna jekk inżidu xi punt jew ngħidu xi esperjenza, imma dan m’għandux isir spiss jew jieħu fit-tul b’tali mod li jtellef lill-istudent milli jieħu għarfien eżatt tat-tagħlim bażiku mill-Bibbja.
6 Billi ngħaddu ammont raġunevoli taʼ materjal f’kull sessjoni taʼ l-istudju, aħna ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja biex ‘jimxu fid-dawl tal-Mulej.’—Is. 2:5.