Skola li Tħejjina Għal Dak li Hu l-Iktar Importanti
1. X’inhu l-għan tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, u liema pubblikazzjoni ġdida se tgħinna nilħqu dan l-għan?
1 L-għan tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku hu li tippreparana biex ngħallmu l-fidi tagħna lil oħrajn. Għalhekk, meta nattendu l-iskola kull ġimgħa, inkunu qed niksbu abbiltajiet li se jħejjuna għall-attivitajiet l-iktar importanti fil-ħajja. Sabiex niġu megħjunin b’dan, mit-3 taʼ Jannar, 2011, se nibdew nużaw il-ktieb Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Ejja naraw kif nistgħu nużaw din il-pubblikazzjoni ġdida ħalli nsiru għalliema iktar effettivi tal-Kelma t’Alla.
2. Fejn nistgħu nsibu s-sitwazzjonijiet tat-taħditiet, u min jistaʼ jagħżilhom?
2 Sitwazzjonijiet: Bħalma hu indikat f’paġna 45 tal-ktieb Skola tal-Ministeru, jistaʼ jkun li l-indokratur tal-iskola jikteb is-sitwazzjoni tal-inkarigu. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-aħwa nisa jistgħu jagħżlu sitwazzjoni mil-lista f’paġna 82. Jekk oħt tagħti taħdita waħda kull xahrejn, it-30 sitwazzjoni se jipprovdu biżżejjed varjetà għal ħames snin. L-aħwa nisa li jagħżlu n-Nru. 30, jiġifieri, “Sitwazzjoni oħra xierqa għat-territorju tiegħek,” għandhom jiktbu s-sitwazzjoni fin-naħa t’isfel tal-paġna jew fuq wara tal-karta tal-inkarigu (S-89). L-indokratur tal-iskola għandu jikteb id-data tat-taħdita tal-istudenta f’paġna 82 tal-ktieb tagħha ħdejn is-sitwazzjoni li tkun użat. Hu jistaʼ jagħmel dan meta jkun qed jimla l-formola tal-pariri tal-istudenta.
3. Il-formola tal-pariri fejn tinsab, u kull student x’għandu jagħmel bil-ktieb tiegħu wara li jkun ta t-taħdita tiegħu?
3 Formola tal-Pariri: Il-formola tal-pariri tiegħek tinsab fil-ktieb tiegħek. Din qiegħda f’paġni 79-81. Għalhekk, jeħtieġ li wara kull taħdita li tagħti, tnewwel il-ktieb tiegħek lill-indokratur tal-iskola. L-indokratur tal-iskola għandu jżomm nota tal-pariri li l-istudenti jkunu qed jaħdmu fuqhom.
4. X’jistaʼ jgħin lil dak li jagħti l-pariri janalizza preżentazzjoni taʼ taħdita?
4 Għal Xiex Għandu Joqgħod Attent: X’jistaʼ jgħin lil dak li jagħti l-pariri janalizza preżentazzjoni taʼ taħdita? It-tielet kaxxa li tinsab fil-biċċa l-kbira mit-53 kapitlu numerati tal-ktieb Skola tal-Ministeru fiha ġabra fil-qosor taʼ dak li għandu joqgħod attent għalih. L-indokratur tal-iskola għandu wkoll jagħti kas taʼ xi tfakkiriet jew suġġerimenti oħrajn fil-ktieb li se jgħinuh janalizza malajr kemm il-materjal ikun ġie żviluppat b’mod koerenti u preżentat b’mod effettiv. Pereżempju, innota s-serje taʼ mistoqsijiet li hemm fil-bidu taʼ paġna 55 u l-ideat fuq in-naħa t’isfel taʼ paġna 163.
5. X’inhu l-iskop tal-ispazji vojta u l-ġnub tal-paġni wesgħin fil-ktieb?
5 Imla l-Vojt: Minbarra li għandu l-ġnub tal-paġni wesgħin, il-ktieb Skola tal-Ministeru għandu għadd taʼ spazji vojta mfasslin biex int tkun tistaʼ żżid xi noti waqt li tkun qed tagħmel l-istudju persunali u meta tattendi l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. (Ara paġni 77, 92, 165, 243, 246, u 250.) Qis li ġġib il-ktieb miegħek kull ġimgħa. Segwi minn fuq il-ktieb matul it-taħdita tal-bidu. Żomm il-ktieb miftuħ matul il-kumplament tal-iskola. Agħti kas is-suġġerimenti li jsiru mill-indokratur tal-iskola. Oqgħod attent għall-metodi taʼ tagħlim, il-mistoqsijiet, l-eżempji, il-figuri tat-taħdit, it-tixbihat, l-użu taʼ xi stampi u affarijiet simili, u l-kuntrasti li jintużaw mill-kelliema. Bin-noti utli li tieħu, se tkun tistaʼ tiftakar u tuża l-ħafna punti eċċellenti li tkun ksibt mill-iskola.
6. X’int determinat li tagħmel?
6 Ġesù Kristu kien jaf li l-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla huwa l-aqwa privileġġ li jistaʼ jiġi offrut lil xi ħadd. Dan kien l-inkarigu ewlieni tiegħu. (Mk. 1:38) Hu qal: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Lq. 4:43) Bħala wħud li aċċettajna l-istedina biex insegwuh, aħna wkoll għandna ħafna x’nagħmlu fl-ippritkar tal-aħbar tajba, u dejjem nistinkaw biex intejbu l-kwalità tas-“sagrifiċċju taʼ tifħir” tagħna. (Ebr. 13:15) Għal dan l-għan, jalla nkunu determinati li nipparteċipaw regolarment fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, skola li tgħinna nkunu mħejjijin għal dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja.