Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ X’għandna nżommu f’moħħna jekk irridu nħallu l-assi kollha tagħna jew parti minnhom lill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova wara mewtna?
Meta n-nies imutu, ma jibqax ikollhom kontroll fuq l-affarijiet materjali tagħhom. (Ekk. 9:5, 6) Għalhekk, ħafna nies jagħmlu testment jew dokument legali bil-quddiem li jispjega x-xewqat tagħhom dwar kif għandhom jitqassmu l-assi tagħhom. (2 Slat. 20:1) Dan id-dokument legali ġeneralment jindika wkoll min ikun se jaqdi bħala esekutur. F’ħafna pajjiżi, jekk ma jsirx dan id-dokument, jiddeċiedu l-awtoritajiet kif jitqassmu l-assi taʼ dak li jkun miet. Għalhekk, jekk għandna xi xewqat partikulari dwar x’għandu jsir mill-assi tagħna, bħal pereżempju li kollha jew parti minnhom jitħallew lill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, huwa importanti li nagħmlu dokument legali li fih ikun hemm dan imniżżel bil-miktub. Hu importanti wkoll li nagħżlu bil-ħsieb lill-esekutur. F’Malta, l-International Bible Students Association (Malta) hija l-assoċjazzjoni legali inkarigata biex tieħu ħsieb l-assi materjali tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova lokalment.
L-esekutur għandu responsabbiltà kbira. Skont kemm hu kbir l-ammont taʼ flus jew proprjetà li tkun tħalliet, jistaʼ jinvolvi ħafna dettalji u jieħu ħafna ħin biex hu jiġbor u mbagħad iqassam l-assi. Iktar minn hekk, l-awtoritajiet sekulari spiss ikollhom linji gwida li jeħtieġ jiġu segwiti. Mhux kull min hu membru tal-kongregazzjoni awtomatikament ikun esekutur tajjeb. L-individwu li nagħżlu għandu jkun xi ħadd li nafu li hu kapaċi, taʼ min jafdah, u lest li jirrispetta x-xewqat tagħna.
Jekk Tiġi Mitlub Tkun Esekutur: Jekk xi ħadd jistaqsik intix lest tieħu ħsieb din ir-responsabbiltà legali wara li jmut, l-ewwel kun ċert li tgħodd in-nefqa u tikkunsidra bit-talb jekk tistax terfaʼ din ir-responsabbiltà. (Lq. 14:28-32) Wara l-mewt tal-individwu, ikun jeħtieġ li tinforma lil dawk kollha mniżżlin bħala benefiċjarji. Imbagħad malli jkollok l-awtorità li tagħmel dan, ikun id-dmir tiegħek li tqassam l-assi skont il-liġi u kif jidhru eżattament fit-testment. Kemm jekk l-ammont taʼ flus jew proprjetà jkun kbir u kemm jekk żgħir, l-esekutur ma jistax jinjora dak li jkun hemm miktub fit-testment. Kwalunkwe għotja lil entità legali użata mix-Xhieda taʼ Ġeħova hija tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.—Lq. 16:10; 21:1-4.