GĦIX BĦALA KRISTJAN
Kif issir student li jħaffer fil-fond fl-Iskrittura
Meta tgħaddi minn provi, tixtieq tkun leali bħalma kien Danjel? Danjel studja l-Kelma t’Alla b’mod diliġenti, anki l-profeziji profondi. (Da 9:2) Xi ħaġa li tgħinek biex tibqaʼ leali hi li tħaffer fil-fond fil-Bibbja. Għax dan jgħinek biex ikollok iktar fidi fil-wegħdi taʼ Ġeħova li se jseħħu żgur. (Ġoż 23:14) Jistaʼ jgħinek ukoll biex ikollok iktar imħabba għal Alla, li se timmotivak biex tagħmel dak li hu sew. (Sa 97:10) Imma minn fejn se taqbad tibda? Ikkunsidra s-suġġerimenti li ġejjin.
X’għandi nistudja? Rutina tajba taʼ studju tinkludi li tipprepara għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Il-qari tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa se jkun iktar taʼ benefiċċju jekk tieħu l-ħin biex tfittex fuq punti li ma tifhimx. Apparti minn hekk, xi wħud għażlu li jitgħallmu iktar dwar il-profeziji tal-Bibbja, l-aspetti differenti tal-frott tal-ispirtu t’Alla, il-vjaġġi missjunarji tal-appostlu Pawlu, jew saħansitra l-ħolqien taʼ Ġeħova. Jekk matul il-ġurnata tiġik f’moħħok mistoqsija dwar il-Bibbja, iktibha u studja dwarha waqt l-istudju li jmiss.
Fejn nistaʼ nsib l-informazzjoni? Għal xi ideat, ara l-vidjow Għodda biex tagħmel riċerka ħalli ssib teżori spiritwali. Biex tipprattika, fittex dwar min huma l-qawwiet dinjin li huma deskritti bħala bhejjem f’Danjel kapitlu 7.
Kemm għandi nqattaʼ ħin nistudja? Studju regulari huwa importanti ħafna biex tkun b’saħħtek spiritwalment. Jekk hemm bżonn, ibda billi ma ddumx ħafna tistudja u żid il-ħin bil-mod il-mod. Meta tistudja l-Kelma t’Alla, ikun bħal meta tħaffer għal teżori moħbijin; iktar ma ssib teżori, iktar tkun trid tħaffer! (Pr 2:3-6) Ix-xenqa tiegħek għall-Kelma t’Alla se tiżdied, u b’hekk l-istudju tal-Bibbja regulari se jsir parti mir-rutina tiegħek.—1Pt 2:2.
X’JIRRAPPREŻENTAW IL-BHEJJEM LI JISSEMMEW F’DANJEL KAPITLU 7?
MISTOQSIJA OĦRA:
Kif twettqet l-iskrittura taʼ Danjel 7:8, 24?
L-ISTUDJU LI JMISS:
X’jirrappreżentaw il-bhejjem li jissemmew f’Rivelazzjoni kapitlu 13?