Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
Għeżież Sħabna Xhieda taʼ Ġeħova:
L-appostlu Pawlu ħa vantaġġ minn kull opportunità biex jesprimi l-imħabba u l-apprezzament tiegħu għal sħabu fit-twemmin. Lill-Kristjani f’Ruma, hu kitbilhom: “Nirringrazzja lil Alla tiegħi permezz taʼ Ġesù Kristu għalikom ilkoll, għax fid-dinja kollha qed jitkellmu fuq il-fidi tagħkom.” (Rum. 1:8) Iva, fl-Imperu Ruman kollu kemm hu, dawn il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu magħrufin għall-fidi soda tagħhom, kif ukoll għall-attività taʼ l-ippridkar żeluża tagħhom. (1 Tess. 1:8) Mhux taʼ b’xejn li Pawlu kellu affezzjoni tant profonda għal ħutu!
Bħal Pawlu, aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova kull darba li naħsbu dwarkom. Aħna nħobbukom ħafna! U tistgħu tibqgħu ċerti li Ġeħova jħobbkom personalment. Xi wħud minnkom qed tiffaċċjaw oppożizzjoni ħarxa, imma tibqgħu tippridkaw. Min jaf kemm l-attitudni qalbiena u bla biżaʼ li turu tferraħ qalb Ġeħova!—Prov. 27:11.
Hekk kif taqra u timmedita sew fuq is-sezzjoni “Acts of Jehovah’s Witnesses in Modern Times” (L-Atti tax-Xhieda taʼ Ġeħova fiż-Żmien Modern) li tidher f’din l-edizzjoni tal-Yearbook eċċitanti u li ssaħħaħ il-fidi, se tara biżżejjed evidenza li l-Mulej Ġesù Kristu ‘ħiereġ jirbaħ u jtemm ir-rebħa tiegħu,’ u li kwalunkwe arma li tissawwar kontra s-segwaċi taʼ Kristu m’hijiex se tirnexxi.—Riv. 6:2; Isa. 54:17.
Lill-Kristjani f’Filippi, Pawlu kitbilhom: “Irrodd ħajr lil Alla tiegħi . . . minħabba l-kontribut li tajtu għall-aħbar tajba.” (Flp. 1:3-5) Aħna l-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna nħossuna bl-istess mod dwarkom. Matul is-sena taʼ servizz 2007, kien hemm 6,691,790 pubblikatur li qattgħu total taʼ 1,431,761,554 siegħa jippridkaw l-aħbar tajba f’236 pajjiż madwar id-dinja. X’kontribut tremend qed tagħtu biex l-aħbar tajba tibqaʼ tiġi pridkata! Aħsbu dwar il-mijiet t’eluf taʼ ħajjiet li ġew effettwati permezz taʼ l-isforzi magħqudin tagħna, kollox għat-tifħir taʼ Ġeħova!
F’okkażjoni oħra, Pawlu wera li kellu empatija kbira għal ħutu. Hu kiteb lil dawk f’Tessalonika: “Bla waqfien inżommu f’moħħna . . . s-sabar tagħkom minħabba t-tama tagħkom fil-Mulej tagħna Ġesù Kristu quddiem Alla u Missierna.” (1 Tess. 1:2, 3) Iva, il-ħajja fiha ħafna sfidi. Il-problemi jqumu, imma huwa vitali li aħna nissaportu. Liema sfidi qed tiffaċċja int personalment? Qed tħossok frustrat minħabba li xi marda serja llimitat ħafna dak li tistaʼ tagħmel fis-servizz taʼ Ġeħova? Il-Qabar, l-iktar għadu li ma jixbaʼ qatt, ħadlek lir-raġel jew lill-mara tiegħek li ilek tant tgħożż? (Prov. 30:15, 16) Qiegħed int tfittex, donnok għalxejn, sieħeb jew sieħba għaż-żwieġ li għandha l-istess imħabba għal Ġeħova filwaqt li int iżżomm lealment mal-parir Skritturali biex tiżżewweġ biss fil-Mulej? (1 Kor. 7:39) Qiegħed int tistinka biex trabbi lil uliedek f’ċirkustanzi ekonomiċi diffiċli ħafna? Hi x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek, jekk tpoġġi l-interessi tas-Saltna l-ewwel, tistaʼ tibqaʼ ċert li Ġeħova mhux se ‘jinsa għemilek u l-imħabba li wrejt għal ismu.’ Jekk jogħġobkom, aħwa rġiel u nisa, ‘tiqfux tagħmlu dak li hu tajjeb.’—Ebr. 6:10; Gal. 6:9.
X’se jgħinek tissaporti? Bħal fil-każ tat-Tessalonikin, hija ‘t-tama fil-Mulej tagħna Ġesù Kristu.’ Mhux taʼ b’xejn li iktar tard Pawlu xebbah “it-tama tas-salvazzjoni” m’elmu b’saħħtu li jistaʼ jipproteġi Kristjan minn ħsibijiet negattivi u dubji persistenti.—1 Tess. 5:8.
Fir-realtà, billi tissaporti bil-ferħ, tkun qed tagħti tweġiba għat-tgħajjir taʼ Satana fil-kwistjoni kbira tas-sovranità universali. Satana jistqarr li l-qaddejja t’Alla minnhom infushom huma egoisti u filwaqt li għandhom mnejn ikunu lesti li jaqdu lil Alla minn jeddhom għal żmien limitat, huma se jnaqqsu l-pass fil-qima tagħhom jekk jiżdiedu l-provi jew jekk is-sistema dinjija ddum iktar milli stennew. Int għandek il-privileġġ li toħroġ lix-Xitan taʼ giddieb vili li tassew hu! Kull ġurnata tressqek eqreb biex tirċievi l-barkiet li qed tittama għalihom.
Sewwasew bħalma Pawlu kien ferħan li jieħu opportunitajiet biex ifaħħar lil ħutu għall-fidi dinamika tagħhom, għall-kontribut ġeneruż tagħhom fix-xogħol taʼ l-ippridkar, u għas-sabar tagħhom, hekk aħna ferħanin li nieħdu din l-opportunità biex infaħħrukom u biex nassigurawkom mill-imħabba tagħna għalikom. Ibqgħu agħmlu dan ix-xogħol siewi!
Jalla s-sena li ġejja tkun mimlija b’barkiet abbundanti mingħand Alla. B’xewqat sbieħ, aħna
Ħutkom,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova