Laħqet il-Mira Tagħha
Illum ħafna żgħażagħ m’għandhomx skop fil-ħajja. B’kuntrast, tfajla adolexxenti fl-Italja għamlet mira u rnexxielha tilħaqha, u għandna l-pjaċir naqsmu l-esperjenza tagħha mal-qarrejja tagħna.
MADWAR xahar ieħor jien nagħlaq 14-il sena. Jiena l-kbira fost erbaʼ aħwa. Il-familja tiegħi hija maqsuma spiritwalment, peress li missieri m’huwiex wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Ommi saret Xhud meta jien kelli biss ftit xhur. Sa mill-bidunett, hi ħaditha bis-serjetà r-responsabbiltà li trabbi lil uliedha fit-“twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4; Proverbji 22:6) Fil-fatt, niftakar li minn ċkunitna hi kienet tistudja l-Bibbja magħna regolarment, konna nippreparaw għal-laqgħat flimkien, u noħorġu magħha kull ġimgħa fil-ministeru minn dar għal dar. Anki fl-iskola konna nagħtu xiehda dwar il-fidi tagħna.
Sa minn mindu konna żgħar ħafna, ommi pprovat iddaħħal ġewwa qlubna x-xewqa għall-ministeru full-time. Dan kienet tagħmlu billi taqralna l-esperjenzi taʼ dawk ix-Xhieda li kienu ilhom ħafna snin jaqdu bħala ministri full-time. Fuq kollox, hi għallmitna bl-eżempju tagħha. Fil-fatt, ommi qatt ma stenniet minna li nagħmlu dak li ma kinitx lesta li tagħmel hi.
Għalkemm in-nies jieħdu pjaċir jisimgħu lit-tfal li jkellmuhom fil-ministeru, xi kultant ikunu arroganti mal-kbar li jkun hemm magħhom. Darba waħda, meta kelli tmienja jew disaʼ snin, kont qiegħda nħabbat il-bibien flimkien maʼ anzjan. Fetħet il-bieb waħda mara, u jien bdejt il-preżentazzjoni tiegħi. B’mod arroganti għall-aħħar, il-mara qalet lill-ħu: “Anki lil dawn id-daqsxejn taʼ tfal iġġagħluhom jippridkaw!” “Le, Sinjura,” weġibtha minnufih. “Jien minn jeddi qiegħda hawn!” Malli għedt hekk, il-mara, imbikkma, aċċettat il-letteratura li offrejtilha.
Meta kelli għaxar snin, ħadt sehem fil-ministeru bħala pijuniera awżiljarja matul il-vaganzi taʼ l-iskola f’Lulju, għalkemm kont għadni m’iniex mgħammda. Kelli nagħmel daqsxejn taʼ sagrifiċċju, għax ma stajtx immur il-baħar. Madankollu qatt ma ddispjaċieni, għax ma nistax niddeskrivi l-ferħ li ħassejt fl-aħħar tax-xahar.
Tgħammidt f’Ġunju meta kelli 12-il sena u nofs. Fis-sajf taʼ dik is-sena, erġajt ħadt sehem fil-ministeru bħala pijuniera awżiljarja, u iktar tard, bl-għajnuna taʼ skeda tajba, stajt nieħu vantaġġ ukoll mill-vaganzi tal-Milied. Dan għamiltu għax fil-bidu tas-sena skolastika, għamilt mira u xtaqt nilħaqha. Kont ħadt id-deċiżjoni, u għedt lil Jehovah fit-talb, li kont se nispiċċa b’suċċess is-sena skolastika, nikseb iċ-ċertifikat fl-iskola li kont nattendi, u nidħol fil-ministeru full-time.
Minn x’ħin ħadt din id-deċiżjoni bdew iqumu l-problemi. Peress li kont tajba f’ċerti suġġetti, l-għalliema bdew iħajruni biex inkompli nistudja. It-tentazzjoni kienet kbira ħafna għax l-iskola kont inħobbha, imma l-mira tiegħi u l-wegħda li għamilt lil Jehovah ma nsejthomx.
Meta l-aħbar ġriet maʼ l-għalliema li jien ma ridtx inkompli nistudja, il-pressjoni żdiedet iktar, saħansitra minn għalliem li qabel qatt ma kien wera xi simpatija lejja. Biex inserraħ moħħi, tfajt l-applikazzjoni għall-ministeru full-time minn disaʼ xhur qabel u tajtha lill-anzjani tal-kongregazzjoni tiegħi. Il-pressjoni fl-iskola ma battietx, imma jien kont ċerta minn dak li kont qed nagħmel. Id-determinazzjoni tiegħi għenitni wkoll biex negħleb il-pressjoni li għamluli sħabi tal-klassi.
Fl-aħħar wasal Ġunju u l-iskola spiċċat, u f’Lulju bdejt naqdi bħala pijuniera awżiljarja. Kelli ħafna barkiet, imma mbagħad qamet problema oħra. Fil-fabbrika fejn jaħdem missieri kien hemm bżonn in-nies għax-xogħol, u hu riedni mmur naħdem miegħu full-time. Ma kontx naf x’se naqbad nagħmel, imma Jehovah għenni. Kont għadni m’għalaqtx l-14-il sena, u allura ma setgħux joffruli l-impjieg.
Imbagħad f’Awissu missieri qalli: “Int ġejja taħdem miegħi f’Ottubru.” Li kieku mort naħdem f’dik il-fabbrika, ma kienx jibqagħli biżżejjed ħin għall-ministeru full-time, u billi x-xogħol kien bix-xift, kont se nitlef il-laqgħat ukoll. Għalhekk tlabt lil Jehovah dwar din il-problema.
It-tweġiba mingħand Jehovah ma damitx biex tasal—kważi mill-ewwel sibt xogħol part-time! U għalhekk, b’ferħ, fl-1 taʼ Settembru taʼ l-1987 bdejt fil-ministeru regulari full-time. Tant jien ferħana li m’għandix kliem biex niddeskrivi l-ferħ tiegħi. Inħoss li Jehovah hu qrib tiegħi, u nitlob li hu jkompli jbierek l-isforzi tiegħi.—Kontribwit.