Bilanċ Xieraq Jistaʼ Jagħti Ħlewwa Lil Ħajtek
IT-TOLLERANZA hija bħaz-zokkor f’kikkra kafè. L-ammont xieraq jistaʼ jżid daqsxejn ħlewwa lill-ħajja. Imma waqt li nistgħu nkunu ġenerużi biz-zokkor, aħna taʼ spiss xħaħ inkwantu għat-tolleranza. Għala?
“L-esseri umani ma jridux ikunu tolleranti,” kiteb Arthur M. Melzer, professur fl-Università taʼ l-Istat taʼ Michigan. “Dak li jiġi naturali hu . . . l-preġudizzju.” Mela l-intolleranza m’hijiex sempliċement difett fil-karattru li jeffettwa biss minorità; li wieħed ikun taʼ moħħ magħluq jiġi naturali lilna lkoll għaliex il-bnedmin kollha huma imperfetti.—Qabbel Rumani 5:12.
Deffisin Potenzjali
Fl-1991, ir-rivista Time irrapportat dwar iż-żjieda f’imħuħ magħluqa fl-Istati Uniti. L-artiklu ddeskriva “deffisin f’dak li huwa mod taʼ ħajja,” nies li jipprovaw jimponu l-livelli tagħhom taʼ kondotta fuq kulħadd. Dawk li ma kkonformawx sfaw vittimizzati. Per eżempju, waħda mara f’Boston tneħħiet mill-impjieg tagħha għax irrifjutat li tagħmel il-makeup. Raġel f’Los Angeles tkeċċa għax kien oħxon iżżejjed. Għala dan iż-żelu kollu biex inġagħlu lil oħrajn jikkonformaw?
Nies taʼ moħħ magħluq ma jirraġunawx, huma egoisti, rashom iebsa u dommatiċi. Imma l-biċċa l-kbira tan-nies m’humiex uħud li ma jirraġunawx, egoisti, rashom iebsa, jew dommatiċi sa ċertu punt. Jekk dawn il-karatteristiċi jiksbu qabda soda fil-personalità tagħna, aħna nkunu moħħna magħluq.
Xi ngħidu għalik? Tqarras wiċċek għall-preferenzi taʼ ħaddieħor fl-ikel? Waqt diskursata, trid li tkun int li tgħid l-aħħar kelma? Meta tkun qiegħed taħdem maʼ grupp, tistenna minnhom li jsegwu l-mod taʼ kif taħsibha int? Jekk inhu hekk, jistaʼ jkun taʼ ġid li żżid naqra zokkor mal-kafè tiegħek!
Imma, bħalma ssemma fl-artiklu taʼ qabel, l-intolleranza tistaʼ tiġi fil-forma taʼ preġudizzju ostili. Fattur wieħed li jistaʼ jiggrava l-intolleranza huwa anzjetà kbira.
“Sens Profond Taʼ Inċertezza”
L-etnoloġisti fittxew fl-imgħoddi taʼ l-umanità biex jiskopru meta u fejn kien evidenti l-preġudizzju razzjali. Huma sabu li din ix-xorta taʼ intolleranza ma tfeġġx il-ħin kollu, lanqas m’hija murija f’kull pajjiż sa l-istess grad. GEO, ir-rivista Ġermaniża dwar ix-xjenza naturali, tirrapporta li tilwim razzjali jfeġġ fi żmien taʼ kriżi meta “n-nies ikollhom sens profond taʼ inċertezza u jħossu li l-identità tagħhom tinsab mhedda.”
Huwa “sens profond taʼ inċertezza” bħal dan mifrux maʼ kullimkien illum? Mingħajr dubju. Bħal qatt qabel, l-umanità qiegħda tintlaqat minn kriżi wara l-oħra. Il-qagħad, l-għoli esaġerat tal-ħajja, il-popolazzjoni żejda, it-tnaqqis fis-saff taʼ l-ożonu, il-kriminalità fl-ibliet, it-tniġġis taʼ l-ilma tax-xorb, it-tisħin globali—biżaʼ kontinwu minn kwalunkwe waħda minn dawn iżid l-anzjetà. Il-kriżijiet irawmu l-anzjetà, u anzjetà bla bżonn tiftaħ il-bieb għall-intolleranza.
Intolleranza bħal din tfeġġ, per eżempju, fejn jitħalltu gruppi etniċi u kulturali, bħal f’xi pajjiżi Ewropej. Skond rapport min-National Geographic fl-1993, pajjiżi taʼ l-Ewropa tal-Punent kienu f’dak iż-żmien jospitaw iktar minn 22 miljun immigrant. Ħafna Ewropej “ħassewhom maħnuqin bid-dħul fil-pajjiż taʼ nies ġodda” taʼ lsien, kultura, jew reliġjon differenti. Kien hemm żjieda taʼ sentimenti kontra l-istranġieri fl-Awstrija, fil-Belġju, fil-Britannja, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja, fi Spanja, u fl-Isvezja.
Xi ngħidu għall-mexxejja dinjin? Matul is-snin 30 u 40, Hitler għamel l-intolleranza parti mill-politika tal-gvern. B’dispjaċir, xi mexxejja politiċi u reliġjużi llum jużaw l-intolleranza biex jilħqu l-finijiet taʼ moħħhom. Dan kien il-każ f’postijiet bħall-Awstrija, Franza, l-Irlanda, ir-Russja, l-Irwanda u l-Istati Uniti.
Evita N-Nassa Taʼ L-Apatija
Ftit wisq zokkor fil-kafè tagħna u nindunaw li hemm xi ħaġa nieqsa; wisq zokkor u jkollna togħma tant ħelwa f’ħalqna li ddardarna. Huwa l-istess fejn tidħol it-tolleranza. Ikkunsidra l-esperjenza taʼ wieħed raġel li jgħallem f’kulleġġ fl-Istati Uniti.
Xi snin ilu, David R. Carlin, Jr., sab mod sempliċi u madankollu effettiv kif jistimula diskussjoni fil-klassi. Kien jagħmel stqarrija maħsuba biex tisfida l-veduti taʼ l-istudenti tiegħu, billi kien jaf li se jipprotestaw. Ir-riżultat kien diskussjoni ħajja. Fl-1989, madankollu, Carlin kiteb li l-istess metodu ma baqax jiffunzjona tajjeb. Dan għala? Waqt li l-istudenti xorta baqgħu ma jaqblux maʼ dak li kien jgħid, ma baqgħux iżjed iħabblu rashom biex jargumentaw. Carlin spjega li kienu adottaw it-“tolleranza faċli tax-xettiku”—attitudni indifferenti taʼ x’jimpurtani.
Hija attitudni taʼ x’jimpurtani l-istess bħal tolleranza? Jekk ħadd ma jimpurtah x’jaħseb u x’jagħmel ħaddieħor, m’hemm ebda livelli affattu. In-nuqqas taʼ livelli huwa apatija—nuqqas assolut taʼ interess. Kif tistaʼ sitwazzjoni bħal din tippreżenta ruħha?
Skond il-Professur Melzer, l-apatija tistaʼ tinfirex f’soċjetà li aċċettat bosta livelli differenti taʼ mġiba. In-nies jibdew jemmnu li kull xorta taʼ kondotta hija aċċettabbli u li kollox huwa sempliċement kwistjoni t’għażla persunali. Minflok ma jitgħallmu jaħsbu u jistaqsu dwar x’inhu aċċettabbli u x’m’huwiex, in-nies “taʼ spiss jitgħallmu ma jaħsbu xejn affattu.” Huma neqsin mis-sinsla morali li tqanqal lil dak li jkun biex b’kuraġġ jirreżisti l-intolleranza t’oħrajn.
Xi ngħidu għalik? Qatt xi drabi ssib lilek innifsek tadotta attitudni taʼ x’jimpurtani? Tidħak int għal ċajtiet li huma oxxeni jew razzisti? Tħalli lil ibnek jew bintek adolexxenti jaraw videos li jippromwovu r-regħba jew l-immoralità? Tħoss int li jkun sew għal uliedek li jilagħbu logħbiet vjolenti tal-kompjuter?
Wisq tolleranza, u xi familja jew soċjetà se taħsad diqa, ladarba ħadd ma jaf—jew jimpurtah—x’inhu tajjeb jew ħażin. Is-Senatur Dan Coats taʼ l-Istati Uniti wissa dwar “in-nassa tat-tolleranza meta fil-fatt din tkun apatija.” It-tolleranza tistaʼ twassal għal li wieħed ikun moħħu miftuħ; wisq tolleranza —apatija—għal li wieħed ikollu rasu vojta.
Mela, x’għandna nittolleraw u x’għandna nirrifjutaw? X’inhu s-sigriet taʼ li wieħed jikseb il-bilanċ xieraq? Dan se jkun is-suġġett taʼ l-artiklu li jmiss.
[Stampa fʼpaġna 5]
Stinka għal reazzjonijiet bilanċjati f’diversi sitwazzjonijiet