LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g97 1/8 pp. 21-23
  • Popocatepetl Il-​Vulkan Maestuż u Minaċċuż Tal-​Messiku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Popocatepetl Il-​Vulkan Maestuż u Minaċċuż Tal-​Messiku
  • Stenbaħ!—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Istorja Tal-​Vulkan
  • Il-​Vulkan Jistenbaħ
  • Inżuru l-“Muntanja tan-Nar”
    Stenbaħ!—2005
  • Kif Skansajna Nixxiegħa Lava tal-Biżaʼ!
    Stenbaħ!—2002
  • Agħti Kas it-Twissija!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Imħabba Kristjana Kontra Vulkan
    Stenbaħ!—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1997
g97 1/8 pp. 21-23

Popocatepetl Il-​Vulkan Maestuż u Minaċċuż Tal-​Messiku

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-​MESSIKU

TITĦAJJAR tmur toqgħod biswit vulkan mill-​isbaħ, imma li jhedded li jiżbroffa? Forsi taħsibha darbtejn. Madankollu, din hi s-​sitwazzjoni reali għal eluf taʼ nies li jgħixu fl-​ibliet u l-​irħula taʼ madwar il-​vulkan maestuż taʼ Popocatepetl, fil-​Messiku.

L-​Istorja Tal-​Vulkan

Ismu fil-​lingwa Naħwati jfisser “Muntanja” jew “Għolja Li Ddaħħan.” Hu għoli 5,452 metru u jinsab fil-​muntanji taʼ Sierra Nevada, fl-​istat taʼ Puebla, qrib il-​fruntieri maʼ l-​istati tal-​Messiku u taʼ Morelos. Għandu forma lembutija mill-​isbaħ u maestuża, bil-​borra fuq il-​quċċata tul is-​sena kollha. Matul is-​snin, dan il-​vulkan impressjonanti ħarbat il-​ħajjiet tar-​raħħala li joqogħdu f’dawk l-​inħawi billi sbroffa xi 16-il darba bejn l-​1347 u l-​1927. Madankollu, ebda sbroff minnhom ma kien sinjifikanti.

Il-vulkan jinsab bejn żewġ oqsma urbaniċi: il-​belt taʼ Puebla, li tinsab 44 kilometru lejn il-​Lvant u l-​belt tal-​Messiku, li tinsab madwar 70 kilometru lejn il-​Majjistral. Barra minn hekk, fl-​istat taʼ Puebla, hemm 307 irħula, fejn b’kollox joqogħdu maʼ l-​400,000 ruħ, li huma qrib il-​vulkan. Għalkemm huwa minnu li mhux dawn in-​nies kollha joqogħdu f’inħawi taʼ periklu kbir, l-​impatt ekonomiku u soċjali li sbroff kbir taʼ Popocatepetl jkollu fuqhom ikun ħażin ferm għal dawk l-​inħawi kollha.

Lejn tmiem l-​1994, kien hemm żjieda konsiderevoli fl-​attività tal-​vulkan​—tant li ngħata l-​allarm u n-​nies bdew jiġu evakwati minnufih. Fil-​21 taʼ Diċembru, 1994, dehru mhux inqas minn tliet fetħiet f’qiegħ il-​ħofra tal-​vulkan, li minnhom beda ħiereġ gass u fwar. Ix-​xita taʼ rmied, li firxet sal-​belt taʼ Puebla, ammontat għal xi 5,000 tunnellata. Il-​gvern imbagħad implimenta programm t’evakwazzjoni għal madwar 50,000 ruħ, li 30,000 minnhom kellhom joqogħdu f’postijiet taʼ kenn.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah ukoll wieġbu billi pprovdew djar għal dawk fil-​bżonn. (Qabbel Atti 4:​32-​35.) Ir-​rapport mingħand il-​kumitat tax-​Xhieda li ħa ħsieb jagħti l-​għajnuna jgħid: “Minkejja l-​ħin inopportun u l-​urġenza tas-​sitwazzjoni, ir-​rispons taʼ l-​aħwa fil-​belt taʼ Puebla u l-​inħawi tal-​viċin kien taʼ l-​għaġeb. Saru arranġamenti biex jiġu akkomodati ’l fuq minn 600 ruħ. Stazzjon tat-​televiżjoni kkummenta: ‘Ix-​Xhieda taʼ Jehovah aġixxew b’ħeffa kbira. Evakwaw lil ħuthom miż-​żona tal-​periklu minnufih.’”

Il-​Vulkan Jistenbaħ

Skond tagħrif uffiċjali, f’jum it-​Tlieta, 5 taʼ Marzu, 1996, fit-​3:50 a.m., ġiet innotata żjieda ħesrem fiċ-​ċaqliq taʼ l-​art mill-​vulkan, li x’aktarx kellu x’jaqsam mal-​kxif taʼ kanali kbar li nfetħu bil-​gass u l-​fwar li beda ħiereġ fil-​21 taʼ Diċembru, 1994. Ir-​ritratti u t-​tagħrif li nkiseb ikkonfermaw li dawk il-​kanali kienu staddew bl-​irmied, u dan ħoloq żjieda fil-​pressa interna tal-​vulkan. Dil-pressa, imbagħad, sa fl-​aħħar reġgħet fetħet il-​kanali.

Il-gazzetta El Universal, tat-​Tlieta, 9 t’April, 1996, ikkummentat: “Il-​Popocatepetl kellu nixxiegħa taʼ lava fil-​ħofra tiegħu, u għalhekk il-​komunità xjentifika u l-​awtoritajiet mill-​Aġenzija tal-​Protezzjoni Ċivili jinsabu għal-​lest, għax jistaʼ jkun hemm xi żjieda fl-​attività tal-​vulkan.” Ir-​rapport jistqarr li l-​bidliet “jifformaw l-​għamla taʼ ‘koppla,’ li se ġġiegħel lill-​‘kanali’ tal-​Popocatepetl jimtlew fuq medda taʼ xi xhur, u dan jistaʼ jġagħalhom ifuru ’l barra.”

F’jum il-​Ħamis, 2 taʼ Mejju, 1996, waqt laqgħa fil-​belt taʼ Puebla, ġiet diskussa l-​imġiba tal-​vulkan Popocatepetl fil-​fażi l-​ġdida tiegħu. Dr. Servando de la Cruz Reyna, membru taʼ l-​Istitut tal-​Ġeofiżika fl-​Università Nazzjonali u Awtonoma tal-​Messiku, ikkummenta: “Naturalment, dan jikkawża tħassib kbir . . . Hemm dejjem il-​possibiltà li l-​vulkan jevolvi għal fażi iktar splussiva. Dan jistaʼ jiġri, u żgur li m’aħniex se niċħduh.”

Saret kritika li għalkemm il-​gvern jitkellem dwar programmi taʼ djar u evakwazzjoni u jagħmel laqgħat biex jagħti direzzjoni lill-​popolin, ir-​realtà hi li n-​nies li joqogħdu fir-​reġjun iħossu li ma rċevewx gwida ċara dwar x’għandhom jagħmlu f’każ li l-​vulkan jiżbroffa. Per eżempju, fil-​laqgħa li semmejna qabel, diversi rappreżentanti minn irħula li jinsabu qrib il-​vulkan ipprotestaw li ma kinux jafu lejn liema post jew postijiet taʼ kenn kellhom imorru f’każ taʼ xi diżastru.

It-twissijiet li l-​vulkan ilu jibgħat għandhom jittieħdu bis-​serjetà. Nies prudenti sejrin bla dubju jagħmlu dak kollu li huwa possibbli biex jipproteġu ħajjithom, anki jekk dan ifisser li jissagrifikaw affarijiet materjali. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah li jgħixu f’dik iż-​żona huma mħejjijin biex jevakwaw mir-​reġjun jekk jinqalaʼ l-​bżonn. Inħatar kumitat t’għajnuna biex iżur lix-​Xhieda f’dik iż-​żona regolarment, ħalli jiggwidahom dwar x’għandhom jagħmlu f’każ taʼ diżastru. Xi wħud li jgħixu iktar qrib iż-​żona taʼ periklu ġew imħeġġin jabbandunaw dak ir-​reġjun waqt li għad hemm iż-​żmien, ladarba l-​vulkanoloġisti wissew b’mod ċar li l-​vulkan huwa taʼ periklu imminenti. M’għandniex xi ngħidu, id-​deċiżjoni titħalla f’idejn kull familja.

Għal issa, in-​nies li jgħixu fl-​inħawi tal-​vulkan qegħdin jgħixu ħajja normali. Madankollu, is-​sens komun jiddetta li l-​popolazzjoni għandha tkun għal-​lest għal kwalunkwe twissija mill-​vulkan jew mill-​awtoritajiet li jistgħu jindikaw sitwazzjoni t’emerġenza. M’huwiex għaqli li wieħed jibqaʼ indifferenti għat-​twissijiet tal-​vulkan maestuż imma minaċċuż taʼ Popocatepetl.

[Kaxxa fʼpaġna 22]

Rakkomandazzjonijiet F’Każ Taʼ Diżastru

Iċ-​Ċentru Nazzjonali għall-​Prevenzjoni tad-​Diżastri pprovda lista taʼ passi li għandhom jittieħdu qabel iqum xi diżastru:

• Kun af ir-​rotta għall-​evakwazzjoni tiegħek. (Fittex postijiet fl-​għoli, mhux inħawi li jxaqilbu ’l isfel li lejhom inixxu l-​lava, l-​ilma, jew it-​tajn)

• Ħalli bagalja għal-​lest b’dokumenti persunali, mediċini, ilma, xi tibdila taʼ ħwejjeġ (preferibilment xi ħaġa tqila li tgħatti l-​ġisem kollu), kappell, maktur biex tgħatti mnieħrek u ħalqek, xi torċ, radju, batteriji, u kutra

• Agħmel arranġament maʼ qrabatek li jkunu jistgħu jipprovdulek akkomodazzjoni alternattiva u b’hekk tevita l-​użu taʼ postijiet taʼ kenn pubbliku

• Ħu biss dak li hu essenzjali. Tiħux annimali

• Kun af kif issibhom il-​postijiet taʼ kenn pubbliku

• Skonnettja l-​elettriku, il-​gass, u l-​ilma

• Ibqaʼ kalm

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja