Iffissati Fuq Is-Saħħa Fiżika
“PRODOTT mhux tas-soltu tal-moviment tas-saħħa fiżika,” tgħid The Toronto Star, huma “dawk ossessjonati b’li jagħmlu eżerċizzju iktar milli meħtieġ.” L-iStar tirrapporta li dawk li jagħmlu eżerċizzju iktar milli meħtieġ huma kemm irġiel u kemm nisa. L-irġiel għandhom mnejn jagħmlu eżerċizzju iktar milli meħtieġ biex jerġgħu jħossuhom żgħażagħ, jgħidu xi tobba u terapisti, imma r-raġunijiet fundamentali għala n-nisa jagħmlu eżerċizzju iktar milli meħtieġ huma ġeneralment idea fqira dwar id-dehra tagħhom u taqlib konness maʼ l-ikel.
Ħafna jibdew jagħmlu l-eżerċizzju biex iħossuhom aħjar u jidhru aħjar imma eventwalment jagħmlu eżerċizzju iktar milli meħtieġ sempliċement minħabba bżonn taʼ eżerċizzju. Richard Suinn, psikologu li jittratta problemi relatati maʼ l-isports, u konsulent għal diversi timijiet Olimpiċi, isostni li eżerċizzju eċċessiv ikun evidenti meta jkun “ibbażat fuq impenn emozzjonali iktar milli wieħed sempliċement jipprova jżomm ruħu f’saħħtu.” Meta jittrattaw maʼ din il-problema, it-tobba u t-terapisti jipprovaw jiddeterminaw it-tip taʼ impatt li qed ikollu l-eżerċizzju fuq il-ħajjiet tal-pazjenti. Jekk qegħdin jipprovaw ilaħħqu maʼ karriera li titlob ħafna minnhom u maʼ li jieħdu ħsieb id-dar u t-tfal, eżerċizzju iktar milli meħtieġ se jkollu effett negattiv fuq il-benesseri tagħhom. Skond Dr. Thomas Schwenk, professur tal-prattika ġenerali tal-mediċina, “huma jistgħu jkunu għadhom f’saħħithom fiżikament, imma jkollhom taqlib soċjali, taqlib fuq ix-xogħol u nuqqas taʼ qbil fil-familja.”
L-iStar issemmi xi sinjali taʼ twissija assoċjati maʼ min hu ffissat fuq l-eżerċizzju: ‘Li jagħżlu eżerċizzji taʼ waħedhom, bħalma huma s-sewqan tar-rota, l-għawm, il-ġiri, jew il-weight lifting; in-nuqqas taʼ flessibiltà fl-iskedi taʼ l-eżerċizzju; li jemmnu li l-eżerċizzju huwa obbligatorju u li ma jistgħux jgħaddu mingħajru; u li jittraskuraw aspetti oħrajn tal-ħajja persunali.’
Għalkemm nies li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa fiżika jirrikonoxxu l-benefiċċji t’eżerċizzju moderat, huma jwissu wkoll dwar l-effetti taʼ detriment li għandu l-eżerċizzju eċċessiv.—1 Timotju 4:8.