Ħarsa Lejn Id-Dinja
Drawwiet Taʼ Sewqan Perikoluż
● “Ħamsin fil-mija taʼ l-imwiet f’inċidenti tat-traffiku fil-Brażil huma kkaġunati mix-xorb,” tiddikjara l-gazzetta Gazeta do Povo taʼ Curitiba, fil-Brażil. Sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jikkaġuna “iktar minn 26,000 mewta kull sena.” Dawn l-inċidenti “jseħħu l-iktar waqt vjaġġi qosra u f’temp tajjeb.” Għalkemm sewwieq fis-sakra jistaʼ jħossu kunfidenti, il-kapaċità tiegħu li jirreaġixxi bil-ħeffa tonqos, u b’hekk jipperikola s-sigurtà tiegħu stess u dik taʼ oħrajn fit-triq. Testijiet juru li taħt l-influwenza taʼ l-alkoħol, huwa diffiċli, saħansitra impossibbli, li wieħed jimmaniġġa sitwazzjonijiet mhux mistennijin. Skond il-gazzetta, l-alkoħol jieħu minn sitta sa tmien sigħat biex jiġi eliminat mill-metaboliżmu u la kafè qawwi u lanqas banju kiesaħ ma se jgħinu lil sewwieq fis-sakra jsuq tajjeb.
● Skond stħarriġ li sar fl-Ingilterra, sewwieq jagħmel medja taʼ 50 żball serju fil-ġimgħa. Kollox maʼ kollox, it-300 sewwieq mistħarrġin ammettew li juru traskuraġni minn taʼ l-inqas darba mit-98 fil-mija tal-vjaġġi tagħhom, tirrapporta The Times taʼ Londra. F’wieħed minn kull żewġ vjaġġi, huma esperjenzaw sentimenti taʼ rabja. Il-biċċa l-kbira tas-sewwieqa jieħdu r-riskju tal-veloċità, u ’l fuq minn nofshom qalu li kienu involuti f’xi inċident. Riċerka f’Toronto, il-Kanada, tissuġġerixxi li dawk is-sewwieqa li jużaw it-telefon fil-karozza waqt li jkunu qed isuqu jirriskjaw erbaʼ darbiet iktar li jkollhom inċident. Il-periklu huwa l-akbar matul l-ewwel għaxar minuti wara li t-telefonata tkun bdiet, x’aktarx minħabba li s-sewwieq ikun distratt u jdum relattivament iktar biex jirreaġixxi.
Attent Mill-Istress!
“Miljuni taʼ Brażiljani jiġġieldu kontinwament kontra l-istress,” tirrapporta r-rivista Veja. Ħafna minn dawn jemmnu li billi jaħdmu bl-aqwa tagħhom għal perijodi twal ikunu qed juru l-effiċjenza tagħhom, imma din l-attitudni tistaʼ tkun taʼ ħsara. “Ħaddiem jaħdem tajjeb meta jkun taħt ammont raġonevoli taʼ stress, imma jilħaq il-produttività massima tiegħu meta hu, mingħajr ma jkun jaf, ikun diġà qabeż il-limitu,” tispjega Dr. Marilda Lipp taʼ l-Università Kattolika Pontifikali. “Taħt tensjoni qawwija, il-bniedem jaħdem b’mod taʼ l-għaġeb għal ftit ħin. Imbagħad, sempliċement jaqaʼ żorba.” Dawk li jsibuha diffiċli li jiddelegaw ir-responsabbiltà jsofru stress akbar, jgħid ir-rapport. L-akbar stress jeffettwa lil dawk li, bħalma qalet Dr. Lipp, “isibuha diffiċli li jesprimu s-sentimenti tagħhom, li għandhom it-tendenza li jisplodu f’mumenti taʼ tensjoni u mbagħad jipprovaw ikunu ġentili u jkollhom manjieri tajbin.”
“Funtana Taż-Żgħożija” Medika Ma Teżistix
Skond il-ġerjatrista Andréa Prates, li wieħed jieħu mediċini li jkunu invoga biex jibqaʼ żagħżugħ, bħalma huma ċerti ormoni, jistaʼ “jkun taʼ xi benefiċċju jew ieħor imma jistaʼ wkoll ikun taʼ ħsara kbira għal saħħtek.” Fil-ġlieda kontra x-xjuħija, “drawwiet ġodda huma iktar effiċjenti minn mediċina ġdida,” tagħti parir Dr. Prates. Kif tinnota r-rivista Superinteressante tal-Brażil, drawwiet tajbin li jistgħu jtawlu l-ħajja jinkludu li wieħed ikollu rqad adegwat, iżomm dispożizzjoni kalma, jitmattar u jagħmel xi eżerċizzji moderati, jisforza biex iħaddem moħħu, u jevita x-xaħmijiet. Ukoll huwa importanti li wieħed jieħu vitamini u minerali, li jinsabu fil-frott u l-ħaxix. Ix-xjuħija tinvolvi ċ-ċelloli kollha tal-ġisem, u l-organi diversi tal-ġisem ma jistgħux jibbenefikaw kollha f’daqqa minn sustanza waħda.
Aħsel Idejk!
“Il-ħasil taʼ l-idejn huwa l-iktar mod tajjeb, sempliċi, u ekonomiku biex wieħed jevita t-tixrid taʼ ħafna infezzjonijiet,” tistqarr il-gazzetta Taljana Corriere della Sera. Minkejja dan, “iktar minn tlieta minn kull għaxar Taljani ma jaħslux idejhom wara li jużaw it-toilet, saħansitra jekk eżatt wara jkunu se jieklu.” Ir-riżultati taʼ dan l-istħarriġ huma kważi identiċi maʼ dawk li nkisbu fi stħarriġ simili f’pajjiżi oħrajn. “L-idejn jistgħu jġorru l-mikrobi fl-ikel u jibdew katina taʼ tniġġis,” jispjega l-mikrobijologu Enrico Magliano. Din il-katina kif tistaʼ titkisser? Aħsel idejk—taħt id-dwiefer ukoll—bis-sapun u l-ilma sħun jew fietel għal taʼ l-inqas 30 sekonda (l-inqas ħin meħtieġ biex telimina l-batterja). Dan jinkludi li togħrokhom flimkien għal bejn 10 u 15-il sekonda. Laħlaħhom u ixxottahom tajjeb, billi tibda minn dirgħajk u taħdem lejn subgħajk, jgħid l-artiklu.
Gwerer Taʼ L-Ilma
Saru tbassiriet koroh dwar il-futur tal-provista taʼ l-ilma tad-dinja fl-ewwel Forum Dinji dwar l-Ilma, li sar f’Marrakech, fil-Marokk, f’Marzu taʼ l-1997. It-tniġġis, in-nixfa, u ż-żjieda fil-popolazzjoni qegħdin ipoġġu ħtiġijiet akbar għal riżorsi taʼ l-ilma. Bħalma tirrapporta l-gazzetta Franċiża Le Monde, “il-bżonn għall-ilma qed jikber id-doppju taʼ kemm qed tikber il-popolazzjoni dinjija.” Skond l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija, sas-sena 2025, żewġ terzi tal-popolazzjoni tad-dinja se tkun qed tgħix fi bnadi fejn il-provista ma tlaħħaqx mal-ħtieġa. Sakemm ma tinstabx soluzzjoni xierqa, xi awtoritajiet jibżgħu li l-ilma jistaʼ jkun il-kaġun taʼ gwerra fis-seklu 21. Diġà, “il-ĠM ppontat lejn xi 300 żona taʼ konflitt potenzjali,” tgħid Le Monde.
Tipjip Indirett Huwa Qattiel
“Imutu iktar minn 50,000 ruħ fis-sena minħabba mard tal-qalb u taʼ l-arterji kkaġunat minn li wieħed ikun espost għal tipjip indirett,” meta wieħed jiblaʼ d-duħħan mit-tipjip taʼ nies oħrajn, jgħid rapport fir-rivista Amerikana Good Housekeeping. Barra minn hekk, nies li ma jpejpux u li regolarment iqattgħu ħin f’ambjent fejn ikun hemm ħafna li jpejpu jinsabu f’riskju partikulari li jiżviluppaw bronkite u pulmunite u għandhom riskju akbar taʼ diversi tipi taʼ kanċer. Ir-riħa tinten li tibqaʼ f’kamra għal ġranet sħaħ wara li xi ħadd ikun pejjep hemmhekk m’hijiex meqjusa perikoluża. Madankollu, “kmamar mimlijin bid-dħaħen tas-sigaretti jistaʼ jkollhom tniġġis fl-arja sitt darbiet iktar minn triq prinċipali traffikuża,” stqarr l-artiklu. Qal ukoll li “waħda minn kull tmien imwiet ikkaġunati mit-tipjip hija riżultat taʼ li wieħed ikun espost għal tipjip indirett.”
Id-Devozzjoni Li Qed Tbatti Taʼ “Belt Qaddisa”
Għalkemm tissejjaħ belt qaddisa u għandha l-kap tal-Knisja Kattolika bħala l-isqof tagħha, Ruma m’hijiex reliġjuża daqs kemm jaħsbu xi wħud. Skond stħarriġ nazzjonali kondott mit-Tielet Università taʼ Ruma, madwar 10 fil-mija tat-Taljani kollha jistqarru li m’huma interessati “xejn affattu” fil-Kristjanità, imma f’Ruma din il-figura togħla għal 19 fil-mija. Wieħed u għoxrin fil-mija tar-Rumani l-oħrajn għandhom “ftit” interess fil-Knisja Kattolika, tistqarr il-gazzetta La Repubblica. Min-naħa l-oħra, 10 fil-mija biss minnhom huma interessati ħafna fir-reliġjon. Skond is-soċjologu Roberto Cipriani, 1 biss minn kull 4 Rumani jsegwi mill-qrib dak li tiddetta l-knisja rigward attitudnijiet u kondotta.
Użu Illeċitu Tad-Droga Mad-Dinja Kollha
Id-drogi illeċiti huma responsabbli għal mat-8 fil-mija tan-negozju internazzjonali kollu u jrendu dħul taʼ madwar 400 biljun dollaru Amerikan fis-sena, jistqarr rapport tal-ĠM. Ir-rapport taʼ 332 paġna huwa l-ewwel studju komprensiv dwar l-impatt li għandhom id-drogi illegali fuq id-dinja kollha. Dan juri li kważi 2.5 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja—madwar 140 miljun ruħ—ipejpu l-marijuana jew il-ħaxixa li jagħmlu minnha. Tletin miljun jużaw stimulanti bħal dawk li jkun fihom l-amfetamin, 13-il miljun jużaw xi forma taʼ kokaina, u 8 miljuni jużaw l-eroina. Fil-waqt li aġenziji li jinforzaw il-liġi kkonfiskaw eluf taʼ tunnellati taʼ marijuana, kokaina, eroina, u morfina, ħafna iktar minn hekk baqgħu ma nqabdux. Ir-rati taʼ qbid għall-kokaina huma madwar 30 fil-mija u 10 sa 15 fil-mija biss għall-eroina, qal ir-rapport. L-operazzjonijiet internazzjonali taʼ kontra d-drogi huma sofistikati ħafna. “Il-problema tant laħqet livell globali li ma tistax tiġi ttrattata minn pajjiżi individwali,” jgħid Giorgio Giacomelli, direttur ġenerali tal-ĠM għall-programm fuq il-kontroll tad-droga.
Mikrobi Li Jivvjaġġaw Mad-Dinja
It-tankijiet tad-dranaġġ taʼ l-ajruplani fihom kimiċi li suppost joqtlu l-mikrobi, imma xi mikrobi jibqgħu ħajjin wara li jiġu esposti għad-disinfettant, tirrapporta r-rivista New Scientist. Mark Sobsey, xjenzat ambjentali fl-Università taʼ North Carolina, sab li kważi nofs id-dranaġġ li ttestja hu minn titjiriet internazzjonali li niżlu fl-Istati Uniti kien fih mikrobi ħajjin. Fl-Istati Uniti, l-iskart li jintrema mill-ajruplani ġeneralment huwa proċessat fi stazzjonijiet tad-dranaġġ pubbliku u iktar tard jintrema fl-ambjent. B’hekk, jeżisti l-periklu li xi ftit minn dawn il-mikrobi jistgħu jferrxu mard bħalma huma l-epatite A u E, il-meninġite, u l-poljo. Sobsey jżid: “Il-varjetà taʼ mard li jistgħu jiġu trasmessi mil-linji taʼ l-ajru tad-dinja hija kemxejn inkwetanti.”
“Il-Marmalja Taħkem”
Taħt dan it-titlu, Haim Shapiro, membru taʼ l-istaff editorjali taʼ The Jerusalem Post, jitkellem dwar inċidenti li seħħew f’Marzu li għadda fejn Xhieda taʼ Jehovah ġew attakkati bil-ġebel u l-briks, is-sala tagħhom ġiet żgassata u mfarrka u l-letteratura tagħhom sfat maħruqa. Hu kkummenta: “Meta s-sena l-oħra ġiet attakkata Knisja Kattolika f’Ġaffa, kien hemm minnufih—u b’mod ġustifikat—mewġa taʼ protesta kemm fl-Iżrael u kemm barra mill-pajjiż. Meta ġiet attakkata s-sala f’Lod, bilkemm issemmiet.” Għalkemm hu personalment ‘ma jħobbx u ma japprovax’ lix-Xhieda taʼ Jehovah, Shapiro jiftakar li huma “kienu wieħed mill-gruppi ppersegwitati u mibgħutin fil-kampijiet tal-konċentrament fil-Ġermanja Nazista.” Hu jikteb: “Li timmaġina li xi ħadd jistaʼ jattakka nies bħal dawn, ifarrkilhom il-post tagħhom taʼ qima, jaħraqilhom il-kotba tagħhom u jeħlisha ħafif, iġagħlek titwaħħax, u jfakkrek fl-iktar ġrajjiet xokkanti simili fl-istorja.”
F’Idejn Min Qiegħed Ir-Remote Control?
Riċerkaturi fl-EURISPES (Istitut Għal Studji Politiċi, Ekonomiċi u Soċjali), fl-Italja, dan l-aħħar ippubblikaw ir-riżultati taʼ stħarriġ dwar id-drawwiet tan-nies li jaraw it-TV. Ġew intervistati maʼ l-2,000 familja Taljana. Dawn ġew mistoqsijin, fost affarijiet oħrajn, min fost il-membri tal-familja x’aktarx li jżomm u jopera r-remote control tat-TV, imlaqqam minn artiklu f’gazzetta bħala x-xettru tal-poter ġewwa l-familja fi żmienna. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet kien il-missier li ntqal li huwa fil-kontroll. It-tfal ġew it-tieni bħala dawk li jiddeċiedu meta għandhom jinqalbu l-istazzjonijiet. L-omm ġiet l-aħħar fil-ġlieda dwar min fil-familja se jżomm ir-remote control.
Strutturi Perikolużi Fl-Italja
Matul l-aħħar seklu, it-terremoti ħadu l-ħajjiet taʼ iktar minn 120,000 vittma fl-Italja. Madankollu, madwar 25 miljun Taljan jgħixu f’inħawi fejn “64 fil-mija tal-bini ma jiflaħx għat-terremoti,” tirrapporta l-Corriere della Sera. Fost l-istrutturi perikolużi nsibu sptarijiet, stazzjonijiet tat-tifi tan-nar, u bini ieħor li normalment isiru ċentri t’emerġenza li kieku kellha sseħħ xi diżgrazzja. Kull sena fl-Italja jintefqu medja taʼ 7,000 biljun lira Taljana (4 biljun dollaru Amerikan) biex jissewwew ħsarat ikkaġunati minn diżastri ġeoloġiċi u industrijali. Wieħed espert jispjega li “taʼ spiss dawk l-ammonti kbar taʼ flus li jintefqu wara xi katastrofijiet . . . intużaw biex jinbena [bini] mill-ġdid bl-istess mod inkorrett u fl-istess inħawi taʼ riskju kbir.”