Ħarsa Lejn Id-Dinja
Il-Herpes Ġenitali Qed Tiżdied
“Minkejja l-enfasi fuq is-sess fiż-żgur bħala prevenzjoni mill-AIDS, il-herpes ġenitali żdiedet ħames darbiet iktar mill-aħħar tas-snin 70 fost l-adolexxenti bojod” fl-Istati Uniti, jgħid rapport taʼ l-Associated Press. Madankollu, ġie nnotat li iżjed mard trasmess sesswalment, bħall-gonorrea, naqas matul l-istess perijodu. Il-herpes għala qed tiżdied? Fost ir-raġunijiet hemm iż-żjieda fis-sess qabel iż-żwieġ u nies li għandhom bosta imseħbin fis-sess. Issa ġie kkalkulat li 45 miljun Amerikan huma infettati bil-mikrobu tal-herpes, u l-biċċa l-kbira minnhom lanqas biss jafu b’dan. Il-mikrobu jipproduċi ħżież li jitfaċċaw kull tant żmien jew ħakk fil-parti ġenitali u xi drabi madwar il-warrani jew fil-koxox.
Prattiċi Distruttivi tas-Sajd
Flotot kummerċjali tas-sajd qed jinvestu f’tagħmir biex inaddfu l-qiegħ taʼ l-oċean fit-tfittxija għal numru taʼ ħut li dejjem qed jonqos. Biex itellgħu l-ispeċi li qabel ġew injorati, it-tagħmir f’qiegħ il-baħar, magħruf bħala t-tagħmir mobbli, jiġi mkaxkar mal-qiegħ tal-baħar f’fond taʼ iktar minn 1,200 metru. Il-problema hi li numru kbir taʼ “dud tal-baħar, sponoż, anemoni, idrazoa, rizzi, u ħlejjaq oħrajn tal-baħar” jinqabdu waqt dan il-proċess u “jintremew bħala skart,” tirrapporta s-Science News. Billi jeqirduhom qed iżidu n-nuqqas fin-nisel tal-ħut. Minħabba li dawn il-ħlejjaq jipprovdu ikel u kenn għall-ħut iż-żgħar, Elliott Norse, id-direttur tal-Marine Conservation Biology Institute f’Redmond, Washington, l-Amerka, jgħid li l-qerda taʼ l-ambjent taʼ qiegħ il-baħar b’dan il-metodu taʼ sajd tistaʼ titqabbel mal-“qerda għalkollox tal-foresti fuq l-art.”
Il-Knisja Kattolika Titlob Maħfra
Il-Knisja Kattolika Rumana ġewwa Franza ħarġet “Dikjarazzjoni taʼ Ndiema” formali, fejn titlob lil Alla u lin-nies Lhud maħfra għall-“indifferenza” li l-Knisja Kattolika wriet lejn il-persekuzzjoni tal-Lhud taħt il-gvern Franċiż taʼ Vichy fi żmien il-gwerra. Mill-1940 sa l-1944, iktar minn 75,000 Lhudi ġew arrestati u mkeċċijin minn Franza għall-kampijiet tal-mewt tan-Nazi. Fi stqarrija li qara l-Arċisqof Olivier de Berranger, il-knisja ammettiet li kienet ħalliet l-interessi tagħha stess “idallmu d-dmir bibliku taʼ rispett lejn kull esseri uman maħluq fix-xbiha t’Alla,” tirrapporta l-gazzetta Franċiża Le Monde. Għalkemm numru żgħir tal-kleru Franċiż tkellmu favur il-Lhud, il-maġġuranza appoġġjaw il-gvern taʼ Vichy u l-politika tiegħu. Parti mid-dikjarazzjoni stqarret: “Il-knisja trid tirrikonoxxi li rigward il-persekuzzjoni tal-Lhud, u speċjalment rigward il-bosta miżuri kontra l-Lhud, ordnati mill-awtoritajiet taʼ Vichy, in-nuqqas taʼ interess għeleb bil-wisq iktar għadab bi stmerrija. Is-silenzju kien ir-regola ġenerali, u l-kliem favur il-vittmi kien rari. . . . Illum, aħna nistqarru li dak is-silenzju kien żball. Nirrikonoxxu wkoll li l-knisja ġewwa Franza falliet fil-missjoni tagħha bħala l-edukatriċi tal-kuxjenzi umani.”
Ommijiet li Jaħdmu
Fl-1991, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tan-Nisa li Jaħdmu kkalkulat li “sa nofs is-snin 90, 65 fil-mija tan-nisa [Amerikani] bi tfal li għadhom ma jmorrux l-iskola u 77 fil-mija taʼ dawk bi tfal li jmorru l-iskola, se jkunu qed jaħdmu.” Kemm kienet eżatta t-taħbira tagħhom? Fl-1996, skond il-U.S. Census Bureau, 63 fil-mija tan-nisa bi tfal taʼ taħt il-ħames snin kienu qed jaħdmu, tirrapporta The Washington Post. Min-nisa bi tfal li jmorru l-iskola, 78 fil-mija kienu ommijiet li jaħdmu. Xi ngħidu dwar l-Ewropa? Skond tagħrif li nġabar mill-Uffiċċju Statistiku taʼ l-Unjoni Ewropea, il-“proporzjon taʼ nisa li jaħdmu bi tfal taʼ minn 5 sa 16-il sena” fil-pajjiżi Ewropej matul l-1995 kien, il-Portugall b’69 fil-mija, l-Awstrija 67, Franza 63, il-Finlandja 63, il-Belġju 62, il-Britannja 59, il-Ġermanja 57, l-Olanda 51, il-Greċja 47, il-Lussemburgu 45, l-Italja 43, l-Irlanda 39, u Spanja 36.
Il-Vizzju tad-Droga Jqum il-Flus
Rapport tal-gvern Amerikan ikkalkula li fl-1995 l-Amerikani nefqu 57.3 biljun dollaru [Lm21,700,000,000] fi drogi illegali. Żewġ terzi tal-bejgħ kienu kokaina, u l-bqija kienu eroina, mariħwana, u drogi illeċiti oħrajn. Id-direttur tal-White House Office of National Drug Control Policy, Barry McCaffrey, innota li bil-għadd taʼ flus li ntefqu fuq dawn id-drogi kienu setgħu jinxtraw erbaʼ snin taʼ tagħlim fil-kulleġġ għal miljun individwu jew 83 biljun litru ħalib biex jitimgħu lit-trabi li m’humiex mitmugħin tajjeb, tirrapporta l-Associated Press. Iktar minn hekk, din il-figura ma tinkludix in-nefqiet soċjali, bħaż-żjieda fil-kriminalità, il-firda fil-ħajjiet persunali u tal-familja, u t-tixrid taʼ mard bħall-epatite u l-AIDS.
Waqqfu l-Kompetizzjoni jekk Jogħġobkom
Il-World Council of Churches (WCC), li fih 330 knisja bħala membri, “talab għat-tmiem taʼ l-attentati ‘kompetittivi’ minn xi knejjes biex jakkwistaw membri ġodda minn knejjes oħrajn,” tirrapporta l-ENI Bulletin. Il-WCC “jikkritika speċifikament l-użu t’‘għajnuna umanitarja’ f’pajjiżi li qed jiżviluppaw . . . biex jinfluwenza lil uħud foqra, lil dawk waħedhom u lil dawk li telqu minn pajjiżhom, biex ibiddlu l-alleanza minn mal-knisja tagħhom.” Ġew offruti linji taʼ gwida biex jiddistingwu bejn ‘xhud aċċettabbli għall-Vanġelu u proselitiżmu mhux aċċettat.’ Fost dan taʼ l-aħħar hemm il-“kritiċiżmu inġust” taʼ knisja oħra, li wieħed jippreżenta l-knisja u t-tagħlim tiegħu bħala li huma l-veri, li joffri opportunitajiet taʼ tagħlim jew għajnuna umanitarja biex jipperswadi lil oħrajn biex jingħaqdu maʼ knisja oħra, li juża pressjoni vjolenti jew psikoloġika biex iġiegħel lin-nies ibiddlu l-għaqda reliġjuża tagħhom, u li jieħu vantaġġ mill-hemm tan-nies jew mid-“diżillużjoni bil-knisja tagħhom stess biex ‘jikkonvertihom’.”
Id-Deżert fl-Italja
Għalkemm m’huwiex pajjiż normalment assoċjat maʼ deżerti, fl-Italja twaqqaf Kumitat Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra d-Deżert. Għala? L-infertilità tal-ħamrija qed tavanza b’ritmu mgħaġġel lejn it-Tramuntana taʼ l-Italja. “Jekk ma tiġix introdotta politika serja taʼ l-ambjent biex tnaqqas l-użu taʼ gassijiet li huma responsabbli għall-effett serra u biex tbiddel ċerti prattiċi agrikoli li jagħmlu l-ħsara,” tgħid il-gazzetta La Stampa, “sa ftit t’għaxriet taʼ snin oħra, 27 fil-mija tat-territorju [Taljan] jistaʼ jsir art maħruqa.” L-allarm ngħata waqt konferenza taʼ l-Organizzazzjoni taʼ l-Ikel u Agrikultura tal-Ġnus Magħquda li ttrattat dwar id-deżert f’Ruma. Ġie spjegat li n-naħiet taʼ riskju m’għadhomx biss Sqallija, Sardinja, Kalabrja, Apulja, u Bażilikata, ir-reġjuni Taljani tan-Nofsinhar, imma ċerti naħiet tradizzjonalment produttivi tat-Tramuntana wkoll ġew effettwati u issa qed jirreġistraw tnaqqis fil-fertilità tal-ħamrija.
“Mard taʼ l-Uffiċini”
Iktar minn 80 fil-mija tat-Taljani jesperjenzaw problemi taʼ wġigħ fil-ġisem minħabba li jqattgħu ħafna ħin bil-qiegħda, skond studju li sar mill-Professur Maurizio Ricciardi, direttur taċ-ċentru dwar l-uġigħ fil-ġisem, fl-Università taʼ Siena. Iktar minn nofs taʼ dawk li jbatu mill-“mard taʼ l-uffiċini” jilmentaw ukoll dwar affarijiet bħal uġigħ taʼ dahar, uġigħ taʼ ras, dardir, sturdament u problemi fl-ekwilibriju, taqlib fil-pressjoni tad-demm, dijaréa, kostipazzjoni, kolite, u gastrite, tirrapporta l-gazzetta Il Messaggero. “Wara kull siegħa xogħol, il-Ġappuniżi u ċ-Ċiniżi jagħmlu ftit eżerċizzji sempliċi” biex jikkumbattu dawn il-problemi, jgħid Ricciardi, “waqt li għalina, l-uniku brejk hu għal kafè.”
Xogħol, Tensjoni, u Attakki tal-Qalb
It-tensjoni mentali fix-xogħol hija t-tieni fattur taʼ riskju l-iktar importanti għal problemi ċirkolatorji u tal-qalb, u t-tipjip huwa fl-ewwel post, tirrapporta l-Frankfurter Rundschau. Billi ġabar fil-qosor l-istħarriġ li sar mill-Federal Institute for Occupational Safety and Health, f’Berlin, il-Ġermanja, ir-rapport jgħid: “Dawk l-iktar fir-riskju huma l-impjegati li għandhom ftit li xejn libertà biex jagħmlu deċiżjonijiet u li xogħolhom joffri ftit varjetà. Jekk iħossuhom ukoll taħt pressjoni matul il-ħin liberu tagħhom, forsi minħabba li qed jibnu d-dar tagħhom stess jew minħabba li qed jieħdu ħsieb taʼ xi qarib marid, imbagħad ir-riskju għal attakk tal-qalb jiżdied għal kważi disaʼ darbiet.” Wieħed espert jinkuraġġixxi biex lill-impjegati tingħatalhom iktar libertà biex jagħmlu deċiżjonijiet. “Sempliċement diskussjoni waħda fix-xahar bejn il-ħaddiema kollha f’dipartiment, tistaʼ ttejjeb is-sitwazzjoni.”
Il-Bulijiet Jiżdiedu
Stħarriġ li sar mill-Università La Sapienza taʼ Ruma jirrivela li ħafna studenti jiffaċċjaw ħafna forom taʼ bbuljar li jinkludu insulti, abbuż, serq taʼ oġġetti taʼ valur żgħir, aggressjoni fiżika, u theddid. L-offiżi ġew speċjalment innotati f’Ruma, fejn ’il fuq minn 50 fil-mija taʼ kemm subjien kif ukoll bniet kienu sofrew episodji taʼ bbuljar f’perijodu taʼ tliet xhur. “Waqt konversazzjonijiet iktar fil-fond,” spjegat ir-riċerkatriċi Anna Costanza Baldry, “ħafna bniet irrakkontaw episodji saħansitra taʼ molestja serja li ma kinux irrapportaw qabel, kemm minħabba l-biżaʼ u . . . kemm minħabba li jikkunsidraw ċerti tipi taʼ mġiba immorali bħala normali,” qalet il-gazzetta Taljana La Repubblica.
L-ibbuljar ma jesperjenzawhx biss it-tfal. L-Irish Times tirrapporta li ħafna adulti jesperjenzaw l-ibbuljar fuq il-post tax-xogħol tagħhom, il-biċċa l-kbira minn dawk taʼ pożizzjoni ogħla minnhom. “L-aggressjoni bil-kliem, il-kritiċiżmu dwar ix-xogħol tan-nies u ċ-ċirkolazzjoni t’għajdut dwarhom huma t-tattiċi favoriti tal-bulijiet fuq il-post tax-xogħol,” qalet din. “L-umiljazzjoni u t-tqegħid taʼ miri taʼ xogħol mhux realistiċi kienu wkoll komuni.” L-ibbuljar għandu konnessjoni m’effetti psikoloġiċi li jinkludu “l-ansjetà, l-irritabilità, id-dipressjoni, il-paranojja, it-tensjoni, it-telf taʼ fiduċja, it-telf taʼ stima tal-bniedem innifsu u li wieħed jinqataʼ għalih waħdu,” tgħid it-Times. F’każi estremi dan it-tip taʼ bbuljar jistaʼ jwassal għal “brejkdawn jew saħansitra għal suwiċidju.”