“Mhux Kulħadd Ġie Mistieden għall-Festa”
IL-Human Development Report 1998 (Ir-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem 1998), rapport annwali miġbur mill-Programm taʼ Żvilupp tal-ĠM (UNDP), iffoka fuq l-espansjoni globali li qatt ma kien hawn bħalha f’dak li hu konsum. Dan irrivela li, fuq skala globali, fejn jidħol il-ġid ekonomiku, aħna issa qed nonfqu sitt darbiet iktar milli konna nonfqu fl-1950 u darbtejn iktar mill-1975. Minkejja din l-espansjoni fil-konsum, id-direttur eżekuttiv tal-UNDP, James Gustave Speth, jgħid: “Mhux kulħadd ġie mistieden għall-festa.”
Biex nagħtu stampa: L-għoxrin fil-mija l-iktar sinjuri tal-popolazzjoni tad-dinja jieklu sebaʼ darbiet iktar ħut milli jieklu l-20 fil-mija l-iktar foqra tad-dinja. L-għoxrin fil-mija l-iktar sinjuri jikkonsmaw ukoll 11-il darba iktar laħam, jużaw 17-il darba iktar enerġija, għandhom 49 darba iktar linji tat-telefon, jużaw 77 darba iktar karti, u jippossiedu 149 darba iktar karozzi mill-20 fil-mija l-iktar foqra tad-dinja.
Billi kkummenta fuq dawn l-istatistiċi ġodda, il-UN Radio nnota li sabiex jonqos id-deklin tar-riżorsi naturali taʼ l-art, id-dinja industrijalizzata għandha bżonn tibdel il-karatteristiċi taʼ konsum tagħha. Fl-istess ħin, hemm bżonn li l-pajjiżi iktar sinjuri jaqsmu iktar mill-ġid li għandhom mal-foqra tad-dinja sabiex dawn ukoll ikunu jistgħu jibbenefikaw iktar mir-riżorsi taʼ l-art. Kemm se jkun hemm bżonn li jitqassam minn dan il-ġid?
Is-Sur Speth jikkalkula li kieku l-pajjiżi industrijalizzati kellhom jirdoppjaw il-livell preżenti taʼ l-assistenza għall-iżvilupp—minn $50 elf miljun [madwar Lm18,500,000,000] għal $100 elf miljun fis-sena [madwar Lm37,000,000,000]—il-foqra kollha taʼ madwar id-dinja jkunu jistgħu jgawdu ikel, saħħa, edukazzjoni, u kenn. Forsi $50 elf miljun jistgħu jinstemgħu bħala kemxa ġmielha. Imma, ifakkarna s-Sur Speth: “Huwa l-ammont li l-Ewropa tonfoq annwalment fuq is-sigaretti, u huwa nofs l-ammont li l-Istati Uniti tonfoq illum fuq xorb alkoħoliku.”
B’mod ċar, mela, jekk kulħadd jagħti sehmu biex ir-riżorsi taʼ din il-pjaneta jitqassmu b’mod iktar ġust għal kulħadd, ikun t’għajnuna kbira biex dan il-faqar kollu niket ma jibqax jeżisti. X’inhu meħtieġ biex dan kollu jsir? Uffiċjal wieħed tal-ĠM osserva: “Fl-aħħar mill-aħħar dak li hemm bżonn huwa t-trasformazzjoni fil-qalb, fil-moħħ, u fir-rieda taʼ dak li jkun.” Ħafna nies jaqblu maʼ dan imma jirrealizzaw ukoll li l-organizzazzjonijiet li jimmaniġġaw l-affarijiet illum, ikollhom kemm ikollhom intenzjonijiet tajbin, m’humiex kapaċi jwettqu bidliet taʼ din il-kwalità, iktar u iktar li jaqilgħu mill-għeruq kwalitajiet bħar-regħba.
Minkejja dan, għal dawk in-nies li huma mħassbin dwar il-futur tal-familja umana u l-pjaneta tagħna, hemm tama. Huwa taʼ inkuraġġiment li tkun taf li l-Ħallieq taʼ l-art wiegħed li se jieħu ħsieb b’mod effettiv il-problemi li għandu l-bniedem. Is-salmista bassar: “L-art tat [“tagħti,” Karm Żammit] il-frott tagħha; iberikna Alla, Alla tagħna! Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet taʼ l-għoljiet.” (Salm 67:7 [67:6, NW]; 72:16) Iva, imbagħad kulħadd, kull wieħed mill-abitanti taʼ l-art, se jkun “mistieden għall-festa”!