Mingħand Il-qarrejja
Tfal fi Kriżi Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għas-serje t’artikli fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! t’April-Ġunju, 1999, “Tfal fi Kriżi—Min se Jipproteġihom?” Jien naħseb li s-suġġett drammatiku taʼ l-abbuż fuq it-tfal għandu jkun niggieża kontinwa li tgħin lill-opinjoni pubblika biex tistenbaħ. Huwa d-dmir tagħna li nipproteġu d-dinja taʼ wliedna. Jalla tkomplu bix-xogħol tajjeb tagħkom.
P. P., l-Uffiċċju tal-Kunsillier għat-Tfal, Il-Belt taʼ Ruma, Italja
Il-fatt li hekk kif nersqu lejn is-seklu 21, ħafna tfal għadhom qed jaħdmu bħala lsiera u jintbagħtu joqtlu lil ħaddieħor hija xi ħaġa xokkanti. Xi ħaġa iktar iebsa biex tniżżilha hija li ħafna minnhom għandhom prospett verament żgħir taʼ ħajja aħjar. Għal darb’oħra, Stenbaħ! wera b’mod ċar l-istat imwiegħer tat-tfal fid-dinja.
S. R. B., Brażil
Jiena issa mara divorzjata, wara 36 sena taʼ żwieġ. Sirt naf li r-raġel tiegħi kien ilu jabbuża mill-għeżież tfal bniet tiegħi għal snin sħaħ. (Ma kienx Kristjan.) Moħħi nqaleb taʼ taħt fuq hekk kif sirt naf b’dan. Ħadd ma deher li setaʼ jifhem is-serjetà taʼ l-abbuż sesswali jew l-uġigħ terribbli li jsofru dawk l-uħud innoċenti. Għalhekk nirringrazzja lil Jehovah li intom ktibtu dwar din l-epidemija.
N. M., Stati Uniti
Nagħtu Attenzjoni lill-Anzjani Jien verament apprezzajt l-artiklu “Uri li Jimpurtak.” (April-Ġunju, 1999) Ħafna wħud imdaħħlin fiż-żmien li jgħixu fid-djar taʼ l-anzjani jintesew mill-familji tagħhom. Imma xi ftit tax-xhur ilu, uħud minna ddeċidejna li niddiskutu l-Bibbja maʼ xi nies li jgħixu f’dar taʼ l-anzjani li tinstab fil-viċinanzi tagħna. Wara dan, daqqejnielhom xi mużika fuq il-pjanu u tkellimna magħhom. Għandna f’moħħna li mmorru narawhom taʼ spiss.
C. V., Stati Uniti
Trabi Reqdin Grazzi taʼ l-artiklu “Tarbija kif Għandha Torqod?” (Stenbaħ!, Jannar-Marzu, 1999) Tlift l-ewwel tarbija tiegħi taʼ xagħrejn u nofs bis-sudden infant death syndrome (meta tarbija tmut f’daqqa [SIDS]). Mhux li kelli din l-informazzjoni qabel! Minkejja li għandi żewġt itfal oħra, il-ġmiel tagħhom, xorta għadni nħoss uġigħ emozzjonali kbir li ma nistax niddeskrivih.
A. D., Italja
Jeżistu numru taʼ fatturi sinjifikanti li bihom ikun hemm riskju taʼ SIDS (Ara “Watching the World” fil-ħarġa tat-22 taʼ Jannar, 1997 taʼ l-“Awake!”) Madankollu, f’ħafna modi s-SIDS tkompli tkun misteru mediku. Dawk il-ġenituri li tilfu tarbija minħabba s-SIDS m’għandhomx mela jħossuhom ħatjin għal din it-traġedja. Id-diskussjoni fil-fond fl-artiklu tagħna tat-22 taʼ Jannar, 1988,(“Awake!”) dwar is-SIDS kienet taʼ faraġ għal dawk il-ġenituri li għaddew minn dan l-għali.—ED.
Ħwejjeġ Qed niktbilkom rigward l-artiklu “It-Tip taʼ Ħwejjeġ li Nilbsu—Jagħmel wisq Differenza?” (Stenbaħ!, Jannar-Marzu, 1999) Jien napprezza x-xogħol li tagħmlu biex tipprovdulna ‘ikel fil-ħin.’ (Mattew 24:45) Imma xi ftit mill-kummenti fl-artiklu rajthom li kienu qed jesprimu opinjonijiet persunali. Mhux ġustifikat li tikteb li “T-shirts bl-attur jew bl-istilla taʼ l-isports favoriti tiegħek . . . jistgħu jimbottawk biex tqim lil dawn l-eroj—idolatrija.” Jistaʼ jkun li jogħġbok atleta, jew saħansitra li tammirah mingħajr ma tikser xi kmandament Bibliku.
M.D., Franza
Aħna napprezzaw kummenti diretti bħal dawn, imma ma kinitx l-intenzjoni tagħna li nagħmlu xi liġijiet jew nistabbilixxu xi regoli taʼ kif wieħed għandu jilbes. L-artiklu tagħna inkuraġġixxa lill-qarrejja biex jużaw “l-għaqal” fl-għażliet persunali tagħhom rigward il-ħwejjeġ. (1 Timotju 2:9, 10) Il-kumment rigward it-T-shirts ma kienx dommatiku imma rrikonoxxa l-possibbiltà li jekk wieħed jilbes ċertu stili dawn “jistgħu” jagħmlu ħsara lil min ikun qed jilbishom. Veru li m’hemm xejn ħażin f’li tammira l-abbiltà jew it-talent taʼ xi individwu, imma tkun ħaġa għaqlija li Kristjan jilbes xi ħaġa li lil ħaddieħor tistaʼ tagħtih l-impressjoni li hu jammira l-mod taʼ ħajja u l-morali taʼ xi ħadd li ma jgħixx skond il-livelli tal-Bibbja?—ED.