Żammew Kelmithom!
ANTONIO, li kien fl-aħħar sena skolastika tiegħu, ried jagħti xiehda informali lil sħabu tal-klassi. Mela hu ssuġġerixxa lill-għalliema tiegħu taʼ l-istorja biex turi l-vidjo Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault (Ix-Xhieda taʼ Jehovah Jieqfu Sod Kontra l-Attakki tan-Nazi). Għalkemm xettika, l-għalliema qablet u qalet li kienet se turi l-vidjo l-għada.
“Għall-ewwel,” jirrakkonta Antonio, “l-għalliema qagħdet tara l-vidjo b’arja taʼ superjorità; imma meta indunat li dawk li kienu qed jirrakkontaw l-istorja tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-kampijiet tal-konċentrament kienu studjużi eminenti taʼ l-istorja, hi bdiet toqgħod iktar attenta. Wara li rajnieh hi rringrazzjatni talli ssuġġerejt li naraw il-vidjo flimkien.”
Fil-lezzjoni li kien imiss magħha, l-għalliema pprovat tispjega x-xogħol tal-Bibelforscher, kif kienu magħrufin ix-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien fil-Ġermanja; imma hi rrealizzat li kien ikun aħjar li dan jagħmlu Antonio. Antonio spjega l-irwol tax-Xhieda fis-soċjetà u xi ftit mit-twemmin tagħhom. Hu kkonkluda billi qal: “Ovvjament, ħadd ma jistaʼ jieħu benefiċċju mill-messaġġ prezzjuż li aħna nġorru jekk ma jagħtuniex widen, jekk isabbtulna l-bieb f’wiċċna, jew jekk ma jaqrawx il-pubblikazzjonijiet tagħna.”
Il-klassi kollha taʼ Antonio qablet maʼ din ir-riflessjoni, u l-għalliema pproponiet riżoluzzjoni. Maʼ l-ewwel opportunità, kienu se jagħtu widen għal dak li għandhom x’jgħidu x-Xhieda u jaċċettaw il-pubblikazzjonijiet tagħhom. Il-klassi baqgħet titkellem dwar il-vidjo għal xi żmien. Tistaʼ timmaġina x’sodisfazzjon ħass Antonio matul il-jiem taʼ wara meta ra numru mhux ħażin minn sħabu ġejjin fil-klassi bil-pubblikazzjonijiet tal-Watchtower u jismaʼ lil kull wieħed minnhom jgħid bi tbissima: “Qed tara kif żammejt kelmti!”