Bratislava—Minn Post Antik fejn Kienu Jaqsmu x-Xmara għal Belt Kapitali Moderna
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FL-ISLOVAKKJA
IMMAĠINAK li tistaʼ tivvjaġġa lura fiż-żmien sas-sena 1741. Bl-antiċipazzjoni jistaʼ jinħass ċertu eċċitament fl-arja. Jistaʼ jinstemaʼ d-daqq taʼ trumbetti festivi hekk kif in-nies jimbottaw u jrossu biex jersqu kemm jistaʼ jkun qrib it-triq fejn dalwaqt se tgħaddi l-purċissjoni. Ir-raħlin, lebsin l-aħjar libsa tagħhom taʼ nhar taʼ Ħadd, u l-beltin arroganti mżejnin bl-aħħar stili jinsabu hawn, flimkien man-nobbli li ġew biex jaraw u biex jarawhom. Rappreżentanti rjali qed iqassmu muniti tad-deheb u tal-fidda li fuqhom għandhom il-wiċċ taʼ sinjura żagħżugħa, filwaqt li n-nies qed jgħajtu bl-eċċitament. Għala din l-għagħa kollha? Marija Tereża, l-arċidukessa taʼ l-Awstrija, tinsab fi triqitha lejn il-belt biex tiġi inkurunata bħala r-reġina l-ġdida taʼ l-Ungerija.
Nerġgħu niġu għall-preżent. Kieku xtaqt iżżur il-post fejn saret din l-inkurunazzjoni importanti, fejn kont tmur? Mhux fi Vjenna, fejn illum ħafna turisti jammiraw il-palazz irjali taʼ Marija Tereża, lanqas f’Budapest, il-kapitali taʼ l-Ungerija taʼ żmienna. Ikollok iżżur Bratislava, belt li tinsab fuq ix-Xmara Danubju, xi 56 kilometru lejn il-Lvant taʼ Vjenna.
Bratislava tal-lum, belt taʼ madwar nofs miljun ruħ, hija l-kapitali taʼ l-Islovakkja, pajjiż panoramiku. Meta tqabbilha mal-bliet kapitali qrib tagħha—Budapest, Vjenna, u Praga—Bratislava issa qisha bħal oħt żgħira. Madankollu, għal iktar minn żewġ sekli, din kienet il-kapitali taʼ l-Ungerija u gawdiet il-glorja kollha li kienet tiġi minn dan l-istatus privileġġat. Fil-fatt, l-inkurunazzjonijiet taʼ 11-il ħakkiem Ungeriż saru f’din il-belt. Imma x’għamilha daqshekk speċjali?
Komunità Antika
Bratislava għandha pożizzjoni vantaġġuża fuq id-Danubju, it-tieni l-itwal xmara fl-Ewropa. Fl-imgħoddi, id-Danubju kienet tibda tbatti f’dan il-post u billi kienet titbaxxa kienet toħloq post naturali fejn in-nies jaqsmu x-xmara. In-nies, flimkien mal-bhejjem u l-karettuni tagħhom, kienu jaqsmu x-xmara minn hemm ħafna qabel ma l-pontijiet għaqqdu naħa m’oħra. B’hekk, minn żminijiet imgħoddija ż-żona taʼ madwar dik li issa hi Bratislava kienet post ċentrali t’attività kbira. Sa mill-1500 Q.E.K., minn ġol-belt kienet tgħaddi waħda mir-Rotot taʼ l-Ambra, triqat importanti tan-negozju li kienu jgħaqqdu l-Ewropa taʼ fuq maʼ l-Ewropa t’isfel. Iktar tard, it-traffiku min-naħa għall-oħra tax-xmara kien jiġi kontrollat minn fortizza fuq għolja fil-viċin fejn issa jinsab il-Kastell taʼ Bratislava.
Kieku kont tistaʼ tmur lura fiż-żmien, maʼ min stajt tiltaqaʼ li jkun qed jaqsam minn hawn? Sewwa, jekk kont tasal madwar ir-rabaʼ seklu Q.E.K., kienu se jilqgħuk in-nies Ċeltiċi li għamlu dawn l-inħawi ċentru tal-kultura tagħhom. L-għolja kienet isservi bħala tip t’akropoli għall-komunità Ċeltika, li kienet tipproduċi l-fuħħar u tagħmel il-muniti.
Xi ngħidu kieku għamilt iż-żjara tiegħek fil-bidu taʼ l-Era Komuni tagħna? Kieku kont tkun taf ftit Latin, forsi kont tkun tistaʼ titħaddet man-nies tal-lokal, għaliex sa dak iż-żmien ir-Rumani kienu wasslu l-fruntieri tagħhom tat-tramuntana sad-Danubju. Fl-istess ħin, madankollu, forsi kont tiltaqaʼ man-nies Ġermaniċi li bdew ġejjin mill-punent.
Kieku kellek tippjana ż-żjara tiegħek iktar lejn il-Medju Evu, ngħidu aħna fit-tmien seklu, kont issib ruħek dieħel f’soċjetà taʼ taħlit etniku. Sa daż-żmien, kienet seħħet dik li sirna nafuha bħala l-Emigrazzjoni l-Kbira, u n-nies Slaviċi mil-lvant bdew jiġu joqogħdu f’dan it-territorju. L-Ungeriżi kienu stabbilew darhom lejn in-nofsinhar u kienu daħlu wkoll fir-reġjun taʼ Bratislava. Imma b’xi mod jew ieħor l-element Slaviku kien l-iktar wieħed qawwi. Evidenza taʼ dan tinsab fl-isem Slaviku taʼ l-ewwel kastell taʼ veru f’dawk l-inħawi, li nbena fl-għaxar seklu. Kien magħruf bħala Brezalauspurc, jiġifieri “Kastell taʼ Braslav”—maħsub li ssemma għal uffiċjal taʼ l-armata taʼ grad għoli. Minn dan it-titlu ttieħed l-isem Slovakk Bratislava.
Il-Belt Medjevali
Maż-żmien, il-pajjiż issa msejjaħ Slovakkja sar parti mill-Ungerija. Rakkont storiku li ilu mill-1211 E.K. jsejjaħ lill-Kastell taʼ Bratislava l-iktar kastell fortifikat tajjeb fl-Ungerija. Tletin sena wara, din ir-rimarka wriet ċar kemm kienet minnha meta l-kastell felaħ l-attakk mill-invadenti taʼ Tatar. Is-suċċess ta spinta lit-tkabbir tal-komunità madwar il-kastell, u fl-1291, is-Sultan Ungeriż Ondrej III ta lil dan il-villaġġ il-privileġġi kollha bħala muniċipju. Iċ-ċittadini tiegħu rċivew id-dritt li jagħżlu s-sindku tagħhom stess, li jġorru l-merkanzija fuq ix-Xmara Danubju, u li jinnegozjaw b’mod ħieles “kemm fuq l-ilma u kemm fuq l-art.” Peress li d-dwieli kienu jiffjorixxu fuq il-ġnub xemxin taʼ l-għoljiet tal-belt, iċ-ċittadini kienu japprezzaw speċjalment id-dritt li kellhom li jbigħu l-inbid minn darhom stess.
Iktar tard is-slaten Ungeriżi taw lill-belt privileġġi oħrajn, li kkontribwew għal iktar espansjoni. Fl-1526, Bratislava bdiet ir-renju twil tagħha bħala l-kapitali taʼ l-Ungerija, pożizzjoni li baqaʼ jkollha sa l-1784. Sadattant, it-taħlit etniku taʼ Bratislava sar iktar varjat. Il-popolazzjoni tagħha, fil-biċċa l-kbira Slavika u Ungeriża, kompliet tiżżewwaq bil-wasla taʼ nies Ġermaniżi u Lhud. Fis-seklu 17, hekk kif id-dominju Tork beda jespandi lejn il-punent u lejn it-tramuntana, ħafna Kroati fittxew il-kenn fl-inħawi taʼ Bratislava, bħalma għamlu l-eżiljati Ċeki li kienu qed jaħarbu mill-Gwerra taʼ Tletin Sena bejn il-Kattoliċi u l-Protestanti lil hinn fil-punent taʼ l-Ewropa.
Bratislava fis-Seklu 20
Sa ma beda s-seklu 20, Bratislava laħqet saret belt taʼ diversi nazzjonijiet u kulturi. F’dak iż-żmien, il-mod li bih żgur kont se tieħu dak li ridt minn xi ħanut kien li tistaqsi għalih bil-Ġermaniż jew bl-Ungeriż. Imma ċ-Ċeki u ż-Żingari wkoll kellhom irwol importanti, bħalma kellha l-komunità Lhudija. Qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, xi 15 fil-mija biss tal-popolazzjoni kienet Slovakka. Imma sa l-1921, is-Slovakki kienu saru l-iktar nazzjonalità numeruża mill-ħafna nazzjonalitajiet taʼ din il-belt.
Ftit wara beda jfeġġ l-isħab iswed tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa. B’hekk bdiet parti kerha fl-istorja taʼ Bratislava, li ħawdet l-armonija etnika taʼ din il-belt. L-ewwelnett, iċ-Ċeki ġew imġagħlin jitilqu. Imbagħad, iż-Żingari u l-abitanti Lhud ġew deportati, u eluf mietu f’kampijiet tal-konċentrament. Wara li ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija, il-biċċa l-kbira tar-residenti li kienu jitkellmu bil-Ġermaniż ukoll ġew deportati. Maż-żmien, membri minn kull wieħed minn dawn il-gruppi etniċi reġgħu lura lejn dik li kienet belthom, u l-preżenza tagħhom għadha żżewwaq l-atmosfera taʼ Bratislava sal-lum.
Żjara lejn Bratislava Llum
Għala ma tiġix passiġġata żgħira magħna fit-toroq taʼ Bratislava tal-lum? L-ewwel, inżuru l-Kastell sabiħ taʼ Bratislava li nbena mill-ġdid. Mill-ġnien tal-kastell, nistgħu nitpaxxew b’veduta panoramika tal-belt li tinfirex fuq iż-żewġ naħat tax-Xmara Danubju.
Malli ninżlu l-għolja, eżatt taħt il-kastell, insibu ruħna fil-Belt il-Qadima, iċ-ċentru storiku taʼ Bratislava. Aħna u mexjin fit-toroq dojoq u interessanti ħafna, inħossuna bħallikieku qed ngħixu fis-sekli taʼ l-imgħoddi. Nammiraw l-arkitettura sabiħa tal-palazzi u d-djar tal-belt. Jekk tixtieq, nistgħu nieqfu wkoll f’xi wieħed mill-ħwienet tal-kafè storiċi għal xi kikkra kafè jew tè u għal xi waħda mill-pasti famużi taʼ Bratislava mimlijin ġewż jew żrieragħ tal-peprin.
Matul is-sena kollha, dawk li jiġu jżuruha jieħdu gost jitlajjaw max-xtut tad-Danubju maġenb il-Belt il-Qadima. Hawn ma jistgħux jonqsu li jaraw simbolu taʼ Bratislava moderna—il-Pont il-Ġdid bir-restorant fuq torri mmejjel. Id-disinn jagħti l-impressjoni li r-restorant huwa mdendel fuq iż-żona tad-djar taʼ Petržalka fuq in-naħa l-oħra tax-xmara.
Jekk jgħaddilek minn moħħok li qed jinbena ħafna bini fi Bratislava, għandek raġun. Minbarra li dan l-aħħar inbnew mill-ġdid xi partijiet tal-Belt il-Qadima, l-istrutturi attraenti taʼ l-azzar u l-ħġieġ żdiedu sew matul is-snin 90, u iktar għadu ġej. Huma dawn l-uffiċċji, ċentri kummerċjali, u banek li jagħtu lill-belt ix-xeħta moderna tagħha.
Naturalment, tkun tixtieq tieħu suvenir sabiħ miż-żjara tiegħek. Għalhekk nistgħu ngħaddu sal-ħwienet li jbigħu prodotti magħmulin bl-idejn, bħal tvalji sbieħ tal-bizzilla jew pupi mlibbsin il-kostum nazzjonali. Jew jekk tippreferi dan, nistgħu mmorru sas-Suq tal-Pjazza Prinċipali li hu fil-miftuħ, minfejn tistaʼ tixtri l-istess bħalma ilhom jagħmlu għal sekli sħaħ ir-residenti taʼ Bratislava. Forsi tkun tixtieq iżżur ukoll l-uffiċċju tal-fergħa sabiħ tal-Watch Tower Society li jinsab f’din il-belt.
Għandek mnejn xi darba veru għad iżżur Bratislava. U jekk tagħmel hekk, m’hemm l-ebda dubju li se tieħu pjaċir f’din il-belt kapitali moderna u interessanti li żviluppat minn post fejn in-nies kienu jaqsmu x-xmara.
[Stampa f’paġna 15]
Marija Tereża
[Sors]
North Wind Picture Archives
[Stampa f’paġna 16, 17]
It-Teatru Nazzjonali Slovakk
[Stampa f’paġna 17]
Triq fil-Belt il-Qadima
[Stampa f’paġna 18]
Il-Pont il-Ġdid u t-torri mmejjel tiegħu
[Stampa f’paġna 18]
L-uffiċċju tal-fergħa u Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah