LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 4/8 pp. 4-7
  • Għala Tieqaf Tpejjep?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Tieqaf Tpejjep?
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif it-​Tipjip Jeffettwa lil Ħaddieħor
  • L-​Ispiża Hi Kbira
  • Ikun Inqas taʼ Periklu jekk Taqleb għal xi Ħaġa Oħra?
  • Il-​Benefiċċji jekk Tieqaf
  • Għala Hu Daqshekk Diffiċli li Tieqaf
  • Kun Lest għal Meta Ssibha Diffiċli
    Stenbaħ!: Kif Tistaʼ Taqtaʼ s-Sigaretti
  • It-tipjip—Kif iqisu Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • “Int Tistaʼ Taqtgħu ​—Aħna Rnexxielna!”
    Stenbaħ!—1998
  • Kif Int Tistaʼ Tieqaf
    Stenbaħ!—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 4/8 pp. 4-7

Għala Tieqaf Tpejjep?

IT-​TIPJIP ma jgħoddx għal dawk li jridu jgħixu ħajja twila u ferħana. Għal min ilu jpejjep żmien twil, il-​probabbiltà li fl-​aħħar mill-​aħħar imut bit-​tabakk hija taʼ 1 minn kull 2. Id-​direttriċi-ġenerali taʼ l-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa (WHO) tistqarr: “Sigarett huwa . . . prodott magħmul bis-​sengħa, li jagħti l-​ammont eżatt taʼ nikotina biex dak li jieħdu jibqaʼ jiddependi minnu għal għomru qabel ma joqtlu.”

Mela, raġuni waħda għala għandek tieqaf tpejjep hi għax it-​tipjip jipperikolalek saħħtek u ħajtek. Jingħad li t-​tipjip hu konness maʼ iktar minn 25 marda li thedded il-​ħajja. Per eżempju, dan huwa fattur prinċipali li jikkontribwixxi għal attakki tal-​qalb, il-​puplesija, il-​bronkite kronika, l-​enfisema, u diversi mard tal-​kanċer, speċjalment il-​kanċer tal-​pulmun.

M’għandniex xi ngħidu, wieħed jistaʼ jkun ilu jpejjep snin sħaħ qabel ma tolqtu xi marda minn dawn. Sadattant, it-​tipjip mhux se jagħmel lil dak li jkun isbaħ f’għajnejn ħaddieħor. Ir-​reklami jpinġu lil dawk li jpejpu bħala nies attraenti u b’saħħithom. Ir-​realtà hija mod ieħor. It-​tipjip jagħmel in-​nifs jinten, u jtebbaʼ s-​snien u s-​swabaʼ u jġibhom kannella fl-​isfar. Dan jikkontribwixxi għall-​impotenza fl-​irġiel. Jikkaġuna s-​sogħla għal min ipejjep u l-​qtugħ taʼ nifs. Min ipejjep għandu iktar ċans li jitkemmixlu wiċċu qabel iż-​żmien u li jkollu problemi oħra fil-​ġilda.

Kif it-​Tipjip Jeffettwa lil Ħaddieħor

Il-​Bibbja tgħid: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) L-​imħabba għal għajrek—u l-​membri tal-​familja tiegħek huma għajrek l-​iktar fil-​qrib—hija raġuni soda biex tieqaf.

It-tipjip jagħmel il-​ħsara lil ħaddieħor. Sa ftit ilu, xi ħadd li jpejjep setaʼ jqabbad sigarett kulfejn ried u ma kien jistenna l-​ebda oġġezzjoni. Imma l-​attitudnijiet qed jinbidlu għax iktar nies qed jifhmu l-​periklu li jiġi meta wieħed jiblaʼ d-​duħħan li jkun ġej mis-​sigaretti taʼ ħaddieħor. Per eżempju, xi ħadd li ma jpejjipx u li jkun miżżewweġ lil xi ħadd li jpejjep għandu 30 fil-​mija iktar riskju li jiżviluppalu kanċer tal-​pulmun milli kieku jkun miżżewweġ lil xi ħadd li ma jpejjipx. Tfal li jgħixu maʼ ġenituri li jpejpu għandhom iktar ċans li jiżviluppaw pulmunite jew bronkite fl-​ewwel sentejn taʼ ħajjithom milli għandhom tfal li jgħixu fi djar fejn ħadd ma jpejjep.

Nisa tqal li jpejpu qed ipoġġu lit-​trabi mhux imweldin tagħhom fil-​periklu. In-​nikotina, il-​monossidu tal-​karbonju (carbon monoxide), u kimiċi perikolużi oħrajn li hemm fid-​duħħan taʼ sigarett jidħlu fid-​demm taʼ l-​omm u jgħaddu direttament għand it-​tarbija fil-​ġuf. Il-​konsegwenzi jinkludu ċans akbar taʼ korriment, trabi mweldin mejtin, u mewt fost trabi żgħar. Iktar minn hekk, ir-​riskju taʼ l-​inċidenza taʼ mewt f’daqqa fost it-​trabi hija tliet darbiet akbar għal trabi li ommhom tkun pejpet matul it-​tqala.

L-​Ispiża Hi Kbira

Raġuni oħra għala għandek tieqaf hi li t-​tipjip iqumlek ħafna flus. Studju li sar mill-​Bank Dinji kkalkula li l-​ispejjeż għall-​kura tas-​saħħa kaġunati direttament mit-​tipjip jammontaw għal madwar Lm77 elf miljun fis-​sena. M’għandniex xi ngħidu, din iċ-​ċifra assolutament ma tinkludix it-​tbatija u l-​uġigħ li jġarrbu dawk li jlaqqtu l-​mard kaġunat mit-​tabakk.

L-ispiża diretta tas-​sigaretti għal wieħed li jpejjep faċli tikkalkulaha. Jekk tpejjep, l-​ammont taʼ flus li tonfoq fis-​sigaretti f’ġurnata waħda trid timmoltiplikah għal 365 darba. Dan se jurik kemm tonfoq flus f’sena. Immoltiplika dan l-​ammont b’għaxra, u tkun taf kemm se jqumulek is-​sigaretti jekk tpejjep għal għaxar snin oħra. Tistaʼ tibqaʼ mbellah bir-​riżultat. Aħseb x’tistaʼ tagħmel iktar b’dawk il-​flus kollha.

Ikun Inqas taʼ Periklu jekk Taqleb għal xi Ħaġa Oħra?

L-​industrija tat-​tabakk tirriklama sigaretti b’inqas qatran u nikotina—jgħidulek li huma sigaretti ħfief jew mhux daqshekk qawwijin—bħala mezz kif tnaqqas ir-​riskji tas-​saħħa mis-​sigaretti. Madankollu, dawk li jaqilbu għal sigaretti b’inqas qatran u nikotina jibqgħu bil-​leblieba għall-​istess doża taʼ nikotina bħal taʼ qabel. Minħabba f’hekk, dawk li jpejpu u jaqilbu għal sigaretti bħal dawn ġeneralment ipattu billi jpejpu iktar sigaretti, billi jieħdu nifsijiet iktar spissi u ’l ġewwa, jew billi kull sigarett idumu jpejpuh iktar. Anki għal dawk li ma jagħmlux xi bidla bħal din biex ipattu, il-​benefiċċji għal saħħithom huma ftit meta tqabbilhom mal-​vantaġġi li jkollhom jekk jieqfu kompletament.

Xi ngħidu għall-​pipa jew is-​sigarru? Għalkemm l-​industrija tat-​tabakk ilha tippromwovi l-​pipa u s-​sigarru bħala xi ħaġa taʼ prestiġju, id-​duħħan li joħroġ minnhom huwa fatali daqs dak li joħroġ mis-​sigaretti. Anki jekk dawk li jpejpu ma jiħdux in-​nifs tad-​duħħan mis-​sigarru jew mill-​pipa, huma għandhom riskju akbar li jiżviluppaw kanċer fix-​xofftejn, fil-​ħalq, u fl-​ilsien.

It-tabakk li ma jdaħħanx ma fihx periklu? Dan jiġi f’żewġ għamliet: tabakk tat-​trab u tabakk tal-​magħda. It-​tabakk tat-​trab ġeneralment jinbiegħ f’bottijiet jew fi qratas. Taʼ spiss, min jużah ipoġġi ftit minnu fix-​xoffa taʼ taħt jew f’waħda mill-​ħaddejn. It-​tabakk tal-​magħda jinbiegħ fi stikek twal, ġeneralment f’xi borża. Il-​mod kif jissejjaħ jindika li dan trid tomogħdu mhux iddewbu f’ħalqek. It-​tabakk tat-​trab u t-​tabakk tal-​magħda t-​tnejn li huma jikkaġunaw nifs jinten, snien imtebbgħin, kanċer fil-​ħalq u fil-​farinġi, dipendenza fuq in-​nikotina, ulċeri bojod fil-​ħalq li jistgħu jwasslu għal kanċer, ħniek li jinxtorbu, u telf t’għadam madwar is-​snien. Jidher ċar li tabakk tat-​trab jew tal-​magħda m’huwiex alternattiva għaqlija għat-​tipjip.

Il-​Benefiċċji jekk Tieqaf

Ejja ngħidu li int ilek tpejjep ħafna. X’jiġri meta tieqaf? Wara 20 minuta li tkun ħadt l-​aħħar sigarett, il-​pressjoni tad-​demm tiegħek titbaxxa għan-​normal. Wara ġimgħa ġismek jeħles min-​nikotina. Wara xahar is-​sogħla, il-​konġestjoni fis-​sinus, l-​għeja, u l-​qtugħ taʼ nifs jibdew jonqsu. Wara ħames snin ir-​riskju li tmut minn kanċer tal-​pulmun se jkun niżel b’50 fil-​mija. Wara 15-il sena r-​riskju taʼ mard tal-​qalb jonqos u jiġi daqs taʼ xi ħadd li qatt ma pejjep.

L-​ikel se tibda ttegħmu aħjar. Nifsek, ġismek, u ħwejġek se jkollhom riħa aħjar. Mhux se jkollok iktar l-​intrigu jew l-​ispejjeż biex tixtri t-​tabakk. Se jkollok sens taʼ sodisfazzjon. Jekk għandek it-​tfal, l-​eżempju tiegħek se jnaqqas iċ-​ċans li jibdew ipejpu. X’aktarx li se tgħix iktar fit-​tul. Iktar minn hekk, se tkun qed taġixxi fi qbil mar-​rieda t’Alla, peress li l-​Bibbja tgħid: “Ħa nitnaddfu minn kull tidnis tal-​ġisem.” (2 Korintin 7:1) Tibdiex tħoss li huwa tard wisq għalik biex tieqaf; iktar ma tieqaf malajr, tant aħjar.

Għala Hu Daqshekk Diffiċli li Tieqaf

Huwa diffiċli li wieħed jieqaf ipejjep—anki għal dawk li għandhom motivazzjoni qawwija. Prinċipalment, dan hu minħabba li n-​nikotina fit-​tabakk hija droga li ġġagħlek tiddependi ħafna minnha. “Fi klassifika tad-​dipendenza li jipproduċu drogi psiko-attivi, ġie determinat li n-​nikotina ġġiegħel lil individwu jkun dipendenti minnha iktar mill-​eroina [u] l-​kokaina,” tgħid il-​WHO. Kuntrarju għall-​eroina u l-​kokaina, in-​nikotina ma tipproduċix evidenza drammatika taʼ telf mis-​sensi, u għalhekk faċli li tissottovaluta l-​qawwa tagħha. Madankollu, minħabba s-​sens ħafif t’ewforja li din tipproduċi, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jibqgħu jpejpu sabiex iħossuhom hekk darba wara l-​oħra. In-​nikotina tassew tbiddillek il-​burdata; veru sserħek mill-​ansjetà. Madankollu, parti mit-​tensjoni li tonqos bis-​sigarett hija kaġunata mill-​leblieba għan-​nikotina stess.

Huwa diffiċli wkoll li tieqaf tpejjep għax it-​tipjip huwa vizzju fl-​imġiba. Minbarra li jkun jiddependi min-​nikotina, min ipejjep jiżviluppa rutina taʼ li jqabbad sigarett u jieħu nifs minnu u dan jagħmlu taʼ spiss darba wara l-​oħra. ‘Għandha x’taqsam maʼ l-​idejn.’ ‘Biex nimla l-​ħin,’ jistgħu jgħidu xi wħud.

It-tielet fattur li jagħmilha diffiċli biex tieqaf hu li t-​tabakk hu minsuġ fil-​ħajja taʼ kuljum. L-​industrija tat-​tabakk tonfoq kważi elfejn miljun lira fis-​sena f’kampanji taʼ reklamar li jpinġu lil dawk li jpejpu bħala nies attraenti, attivi, f’saħħithom, u intelliġenti. Taʼ spiss iġibuhom rekbin xi żiemel, jgħumu, jilagħbu t-​tennis, jew jieħdu sehem f’xi attività sabiħa oħra. Fil-​films u l-​programmi televiżivi jidhru nies ipejpu—u mhux dejjem ikunu l-​ħżiena. It-​tabakk jinbiegħ legalment u jistaʼ jinstab tistaʼ tgħid kullimkien. Il-​biċċa l-​kbira minna qatt ma nkunu ’l bogħod minn xi ħadd li jpejjep. Ma tistax taħrab minn dawn l-​influwenzi.

Sfortunatament, m’hemm l-​ebda pillola li tistaʼ tieħu biex tneħħi x-​xewqa li tpejjep bħalma tieħu xi aspirina biex tneħħi l-​uġigħ taʼ ras. Biex wieħed jirnexxilu jaqtagħhom, irid ikun motivat. Dan jirrikjedi determinazzjoni soda għal żmien twil, bħal meta tkun trid tonqos mill-​piż. Ir-​responsabbiltà għas-​suċċess qegħda f’idejn il-​persuna li tpejjep.

[Kaxxa f’paġna 5]

Jinqabad il-​Vizzju minn Kmieni

Studju fl-​Istati Uniti wera li 1 minn kull 4 żgħażagħ li pprovaw is-​sigaretti fl-​aħħar mill-​aħħar qabdu dan il-​vizzju. Dan kien jixbah lir-​rata taʼ dawk li qabdu l-​vizzju tad-​drogi li esperimentaw bil-​kokaina u l-​eroina. Għalkemm 70 fil-​mija taʼ l-​adolexxenti li jpejpu jiddispjaċihom li bdew, ftit huma dawk li kapaċi jieqfu.

[Kaxxa f’paġna 5]

X’Fih id-​Duħħan tas-​Sigaretti?

Id-​duħħan tas-​sigaretti fih il-​qatran, li jikkonsisti f’iktar minn 4,000 kimika. Minn dawn il-​kimiċi, 43 huma magħrufin li jġibu l-​kanċer. Fosthom hemm iċ-​ċjanur, il-​benzina, il-​metanol, u l-​aċitilena (fuel użat f’xi torċi). Id-​duħħan tas-​sigaretti fih ukoll ossidu tan-​nitroġenu (nitrogen oxide) u monossidu tal-​karbonju, li t-​tnejn huma gassijiet velenużi. L-​ingredjent attiv prinċipali huwa n-​nikotina, droga li ġġagħlek tiddependi ħafna minnha.

[Kaxxa f’paġna 6]

Kif Tgħinu Jieqaf lil xi Ħadd Maħbub

Jekk int ma tpejjipx u taf il-​perikli li fih it-​tipjip, x’aktarx li tħossok imdejjaq meta ħbiebek u l-​maħbubin tiegħek jibqgħu xorta jpejpu. X’tistaʼ tagħmel biex tgħinhom jieqfu jpejpu? It-​tgergir, il-​qrid, l-​insistenza, u r-​ridikolar ma tantx se jirnexxu. Kantaliena taʼ priedki mhux se jirnexxu lanqas. Minflok ma jieqaf, xi ħadd li jpejjep jistaʼ jmur ifittex sigarett biex itaffi l-​uġigħ emozzjonali li jistaʼ jħoss jekk int tuża dawn it-​tattiki. Għalhekk ipprova ifhem kemm hu diffiċli li tieqaf u li xi wħud isibuha iktar diffiċli minn oħrajn.

Ma tistax iġġiegħel lil xi ħadd jaqtaʼ t-​tipjip. L-​individwu li jpejjep irid ikollu s-​saħħa minn ġewwa u l-​konvinzjoni li jieqaf. Int trid issib kif b’imħabba tistaʼ tinkuraġġih u tappoġġah fix-​xewqa tiegħu li jieqaf.

Dan kif tistaʼ tagħmlu? F’mument xieraq, int tistaʼ tesprimi l-​imħabba li għandek għalih u tgħidlu li int inkwetat minħabba l-​vizzju tiegħu. Spjegalu li jistaʼ jistrieħ fuqek jekk jiddeċiedi li jieqaf. M’għandniex xi ngħidu, jekk tuża dan il-​metodu taʼ spiss, jistaʼ jkun li jitlef l-​effettività u l-​iskop tiegħu.

X’tistaʼ tagħmel jekk xi ħadd li tħobb jiddeċiedi li jieqaf? Żomm f’moħħok li dak li jkun jistaʼ jbati minn sintomi taʼ l-​astinenza. Dawn jinkludu burdata ħażina u dipressjoni. L-​uġigħ taʼ ras u diffikultà fl-​irqad jistgħu jkunu problema wkoll. Fakkar lill-​maħbub tiegħek li dawn is-​sintomi huma biss temporanji u li huma sinjal li l-​ġisem qed jaġġusta għal stabbilità ġdida u b’saħħitha. Kun ferrieħi u pożittiv. Għidlu kemm tħossok ferħan li hu se jieqaf ipejjep. Matul dan il-​perijodu t’astinenza, għin lill-​maħbub tiegħek jevita sitwazzjonijiet stressanti li jistgħu jwassluh biex jerġaʼ jaqbad is-​sigaretti.

U x’jiġri jekk jerġaʼ jaqbadhom? Ipprova tagħmilx għaġeb sħiħ. Agħdru. Qis is-​sitwazzjoni bħala esperjenza biex it-​tnejn li intom titgħallmu minnha. B’hekk, l-​attentat li jkun imiss hemm iktar ċans li jirnexxi.

[Stampa f’paġna 7]

L-​industrija tat-​tabakk tonfoq kważi elfejn miljun lira fis-​sena fuq ir-​reklamar

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja