Kif Tuża t-Televixin bil-Għaqal
SKOND rapport miġbur minn grupp taʼ nies fl-Istati Uniti li josservaw mill-qrib il-mezzi tax-xandir, ix-xogħol ewlieni tat-televixin huwa li jirrakkonta l-istejjer, iżomm lit-tfal kwieti u jiddetermina l-opinjoni pubblika. (Not in the Public Interest—Local TV News in America) Ir-rapport semma wkoll li t-televixin jinsab kulfejn iddawwar wiċċek u jinħass fl-arja, bħad-duħħan tas-sigaretti. U bħalma huwa taʼ ħsara li tiblaʼ d-duħħan tas-sigaretti, l-istess jiġri jekk tintilef sigħat sħaħ quddiem it-televixin, tara programmi magħżulin bl-addoċċ. Dan jagħmel ħafna ħsara, speċjalment lit-tfal.
Rigward il-kriminalità u l-vjolenza fuq it-televixin, l-istess rapport jinnota li “mijiet taʼ studji taʼ riċerka wrew li xeni vjolenti jinfluwenzaw b’mod negattiv it-tagħlim, l-aggressjoni u l-empatija tat-tfal li jarawhom.” The American Medical Association fl-1992 stqarret li “l-vjolenza fuq it-televixin hija fattur riskjuż li qed jhedded lis-saħħa taż-żgħażagħ.”
Kif tistaʼ tikkontrolla kemm uliedek jiġu influwenzati minn dawn il-programmi televiżivi taʼ ħsara? Ir-rapport jagħti xi pariri dwar kif tuża t-televixin iktar bil-għaqal. Dawn ittieħdu minn suġġerimenti mogħtija minn diversi organizzazzjonijiet għas-saħħa pubblika, u dawn li ġejjin huma xi ftit minnhom.
◼ Ippjana u poġġi limitu fuq kemm se tara televixin. Stabbilixxi l-ħin meta t-tfal jistgħu jarawh. Tpoġġix sett tat-televixin fil-kamra tat-tfal.
◼ Ħdejn it-televixin poġġi globu tad-dinja ħalli t-tfal ikunu jistgħu jfittxu l-postijiet li jaraw fil-programmi.
◼ Ara t-televixin flimkien maʼ wliedek sabiex tkun tistaʼ tispjegalhom ċerti affarijiet, bħal per eżempju d-differenza bejn il-fantasija u r-realtà. Ħafna tfal taʼ taħt l-għaxar snin mhux dejjem jirnexxilhom jagħrfu d-differenza.
◼ Tħallix it-televixin f’post fejn jispikka fid-dar. Poġġi s-sett tat-televixin f’xi unit bil-bibien jingħalqu. B’hekk ikun iktar diffiċli biex tixegħlu u toqgħod taqliblu minn stazzjon għall-ieħor.