LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 9/8 pp. 16-19
  • Terremot!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Terremot!
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xogħol taʼ Salvataġġ
  • Il-​Ħidma wara li Seħħ id-​Diżastru
  • “Din l-​imħabba messitilna qalbna”
    Stenbaħ!—2017
  • Jiddikjaraw l-Aħbar Tajba fl-Għelieqi tar-Ross tat-Tajwan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Stenbaħ!—2000
g00 9/8 pp. 16-19

Terremot!

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIT-​TAJWAN

“Kont mimdud, naqra ktieb fl-​appartament tiegħi fid-​disaʼ sular f’Taipei meta d-​dawl tal-​bozza beda jitbaxxa. Imbagħad il-​kamra bdiet tiċċaqlaq ħafna. Kien bħallikieku xi mostru qabad il-​bini u beda jxenglu minn naħa għal oħra. Jien inżilt niġri taħt mejda għax meta bdejt nismaʼ l-​affarijiet jinkisru fis-​sular taʼ fuqi bżajt li s-​saqaf kien se jaqaʼ. Qisu ma ried jieqaf b’xejn.” —Ġurnalist li joqgħod it-​Tajwan.

TERREMOT. Il-​kelma biss ukoll tqajjimlek ġismek xewk xewk, u dan l-​aħħar għandek mnejn inkwetajt daqskemm-il darba ssemmiet. Skond l-​Istħarriġ Ġeoloġiku taʼ l-​Istati Uniti, fl-​1999 kien hemm iktar terremoti kbar mis-​soltu, u l-​għadd taʼ mwiet kien id-​doppju taʼ kemm hu kalkulat li jmutu nies fit-​terremoti kull sena.

L-akbar terremot taʼ l-​1999 seħħ fit-​Tajwan. Hemmhekk insibu li fil-​qoxra taʼ l-​art hemm żewġ saffi kontinentali ewlenin li jiltaqgħu flimkien. B’kollox, huwa magħruf li hemm 51 qasma fil-​qoxra taʼ l-​art li jgħaddu minn ġot-​Tajwan. Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li kull sena hawnhekk jiġu reġistrati mal-​15,000 theżżiża. Madankollu, il-​biċċa l-​kbira minnhom tant ikunu żgħar li lanqas biss jinħassu.

Imma dan ma kienx hekk fil-​21 taʼ Settembru, 1999. Fis-1:47 a.m., it-​Tajwan ġie mheżżeż minn terremot li tant kien qawwi li l-​President Lee Teng-hui sejjaħlu “l-​agħar wieħed li kellha l-​gżira f’seklu.” Dam biss 30 sekonda imma mmarka 7.6 fuq l-​iskala Richter.a It-​tregħid kien fond biss ftit iktar minn kilometru. Peress li ma tantx kien fil-​fond, l-​effetti tiegħu setgħu jinħassu sew. Liu Xiu-Xia, li tgħix ħdejn l-​epiċentru tat-​terremot tgħid: “Jien qomt b’dak it-​tregħid kollu li kien hemm. L-​għamara bdiet tinqaleb, u saħansitra l-​linfa fis-​saqaf waqgħet għal isfel. Ma stajtx noħroġ għax il-​bieb kien imblokkat minn affarijiet li kienu waqgħu u minn ħġieġ miksur.” Huang Shu-Hong, li bit-​terremot taret minn fuq is-​sodda, iffaċċjat xi ħaġa differenti. “Id-​dawl mar mill-​ewwel, u allura kien hemm dlam ċappa,” tgħid hi. “Spiċċajt barra u qattajt il-​bqija tal-​lejl mal-​ġirien fuq il-​bankina. L-​art qisha ma setgħetx tieqaf.”

Xogħol taʼ Salvataġġ

Mas-​sebħ kulħadd setaʼ jara sew l-​effetti li ħalla t-​terremot. Kien hemm 12,000 struttura li waqgħet, minn djar b’sular wieħed għal appartamenti b’ħafna sulari. Hekk kif bdiet tinxtered l-​aħbar li kien sar diżastru, kien hemm nies minn 23 pajjiż differenti li jispeċjalizzaw fis-​salvataġġ, u li ġew it-​Tajwan biex jgħinu lill-​volontieri lokali. Kien għad hemm ħafna vittmi mirdumin fit-​terrapien.

L-ewwel 72 siegħa taʼ wara kull diżastru huma l-​iktar importanti biex jinstabu dawk li jkunu għadhom ħajjin. Imma f’dan il-​każ il-​ħaddiema tas-​salvataġġ kellhom ftit sorpriżi. Per eżempju, tifel taʼ sitt snin salva wara li kien ilu mirdum għal 87 siegħa. U f’Taipei, waqt li l-​ħaddiema kienu qed jużaw makkinarju tqil biex inaddfu t-​taqlib li tħalla wara li waqaʼ bini taʼ 12-il sular, f’daqqa waħda ħareġ żagħżugħ. Hu u ħuh kienu ilhom mirdumin għal iktar minn ħamest ijiem, u t-​tnejn li huma baqgħu ħajjin!

Madankollu, jiddispjaċina ngħidu li mhux kulħadd irnexxielu jintlaħaq, u l-​ħaddiema tas-​salvataġġ għaddew minn mumenti taʼ qsim il-​qalb. Per eżempju, kap taʼ skwadra minnhom b’dispjaċir kbir qal: “Kien ilna nisimgħu tarbija tibki sa xi tmien sigħat ilu. Imma mbagħad waqfet.” Fl-​aħħar, l-​għadd taʼ mejtin fit-​Tajwan żdied għal iktar minn 2,300 ruħ, u iktar minn 8,500 ruħ kienu midruba.

Il-​Ħidma wara li Seħħ id-​Diżastru

Ngħatat spinta kbira biex il-​mijiet t’eluf taʼ nies li spiċċaw bla dar minħabba t-​terremot jingħataw post fejn jorqdu. Għall-​ewwel, xi vittmi ma ridux jerġgħu jidħlu ġewwa. U dan nistgħu nifhmuh, għax fl-​għaxart ijiem taʼ wara l-​ewwel terremot ġew reġistrati kważi 10,000 theżżiża! Waħda minnhom immarkat 6.8 fuq l-​iskala Richter u minħabba fiha waqaʼ ħafna bini li diġà kien dgħajjef.

Minkejja dan kollu, ix-​xogħol kompla sejjer biex tingħata l-​għajnuna. Għadd taʼ organizzazzjonijiet mhux governattivi—inkluż skwadri barranin taʼ salvataġġ, il-​grupp Buddist Tzu Chi, u skwadri tat-​tifi tan-​nar—taw mill-​ħin u mill-​abbiltajiet tagħhom biex jaħdmu fejn kien hemm il-​bżonn. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah wkoll ħadmu biex jagħtu l-​għajnuna. Fl-​ispirtu tal-​parir mill-​Bibbja f’Galatin 6:10, huma kellhom żewġ miri. Huma riedu (1) jipprovdu għal qrabathom fil-​fidi u (2) jagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd, inkluż dawk li ma kinux jemmnu bħalhom.

Fi tmiem l-​ewwel ġurnata, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu diġà qed iġibu trakkijiet taʼ ikel, ilma, tined, u apparat biex isir it-​tisjir barra. Peress li ma kienx għad baqaʼ mezzi taʼ komunikazzjoni, l-​anzjani mis-​sitt kongregazzjonijiet fl-​inħawi tad-​diżastru ngħaqdu flimkien u għamlu kull sforz biex ifittxu lil Xhieda sħabhom u lil qrabathom kif ukoll lill-​istudenti tal-​Bibbja u wħud interessati. Ix-​Xhieda li nstabu u li kienu bla dar ġew inkuraġġiti li jikkampjaw flimkien sabiex il-​volontieri setgħu jieħdu ħsiebhom kollha bl-​aħjar mod u jilħquhom malajr. L-​indokraturi li jivvjaġġaw u membri tal-​Kumitat tal-​Fergħa tat-​Tajwan żaru lil kull grupp u lil kull kongregazzjoni biex jinkuraġġuhom.

Il-pass li kien imiss kien li jissewwew id-​djar u s-​Swali tas-​Saltna li kienu ġarrbu ħsara. Kull kongregazzjoni għamlet lista taʼ kulmin kellu bżonn l-​għajnuna. Imbagħad il-​Kumitat Reġjonali tal-​Bini dderieġa lil timijiet taʼ volontieri li ntbagħtu biex jagħmlu t-​tiswijiet li kien hemm bżonn. Fi żmien xahar mit-​terremot, ix-​xogħol kien tlesta.

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għenu wkoll lill-​ġirien tagħhom li ma kinux Xhieda bħalhom. Per eżempju, ix-​Xhieda żaru l-​isptarijiet u l-​komunitajiet fejn kien hemm it-​tined sabiex ifarrġuhom. Huma qassmu wkoll fotokopji taʼ l-​artiklu “Natural Disasters—Helping Your Child to Cope” (Diżastri Naturali—Kif Tgħin lil Uliedek Ikampaw), pubblikat fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​22 taʼ Ġunju, 1996. Ħafna nies ħassewhom grati li rċivew din l-​informazzjoni u mill-​ewwel bdew jaqrawha. Malli t-​toroq bdew jinfetħu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah bagħtu trakkijiet mimlijin provvisti lejn żoni muntanjużi li kienu maqtugħin għalihom u li kienu ġew effettwati bl-​ikrah mit-​terremot.

Dawk li jistudjaw il-​Bibbja jirrealizzaw li, żmien twil ilu, din bassret li l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet kellhom ikunu mmarkati minn ġrajjiet bħal li “l-​art titheżżeż f’ħafna bnadi.” (Mattew 24:7) Imma l-​Bibbja tiżgurana wkoll li dalwaqt, taħt il-​ħakma paċifika tas-​Saltna t’Alla, l-​umanità mhix se tibqaʼ tgħix fil-​biżaʼ minħabba diżastri naturali. Dakinhar l-​art se tkun ġenna tassew.—Isaija 65:17, 21, 23; Luqa 23:43.

[Nota taʼ taħt]

a Mill-banda l-​oħra, it-​terremot traġiku li seħħ fit-​Turkija f’Awissu 1999 kien jimmarka 7.4, però fih sfaw mejtin sebaʼ darbiet iżjed nies milli sfaw mejtin fit-​Tajwan.

[Stampi f’paġna 17]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kellhom il-​laqgħat tagħhom meta kienu qed jgħixu fil-​kampijiet

[Stampa f’paġna 18]

It-​terremot farrak ħafna toroq

[Sors]

San Hong R-​C Picture Company

[Sors tal-​istampa f’paġna 16]

San Hong R-​C Picture Company

[Sors tal-​istampa f’paġna 18]

Sismogramma f’paġni 2, 16-18: Figure courtesy of the Berkeley Seismological Laboratory

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja