Il-Kura li Tagħżel Int
FIL-KTIEB tiegħu dwar il-mediċina alternattiva, it-Tabib Isadore Rosenfeld enfasizza l-punt li jekk taqbad grupp taʼ nies bl-addoċċ u tagħtihom xi tip taʼ kura jew terapija għas-saħħa u tiżgurahom li se tkun effettiva, f’50 fil-mija tal-każi se jkun hemm titjib.
Dan jissejjaħ l-effett tal-plaċebo, li jfisser li anki pillola taz-zokkor tistaʼ tkun effettiva jekk il-persuna temmen li hekk se tkun. L-effett tal-plaċebo jistaʼ jserraħ lil dak li jkun minn sintomi li jkun qed iħoss li għandu, inkluż l-uġigħ, id-dardir, l-għeja, l-isturdament, l-ansjetà, u d-dipressjoni. Dan il-fatt x’juri?
L-ewwelnett, juri li f’ħafna każi fattur importanti ferm biex wieħed imur għall-aħjar huwa li jkollu fiduċja li l-kura li jkun qed jieħu, tkun liema tkun, se tirnexxi. Fl-istess ħin, tistaʼ tkun ħaġa għaqlija li tiċċekkja jekk xi tip taʼ kura hix qegħda tilħaq il-bażi tal-problema u mhux is-sintomi biss. Dan jistaʼ jsir billi tkejjel l-effetti tal-kura b’mezzi oħrajn taʼ min joqgħod fuqhom, bħalma huma testijiet tal-laboratorju u eksrejs.
Madankollu, dak li jkun jistaʼ jagħmel iktar affarijiet meta jkun se jagħżel tip taʼ kura medika.
Passi Importanti li Trid Tieħu
Ikun għaqli li tagħmel riċerka qabel ma tieħu xi deċiżjoni. Staqsi xi mistoqsijiet. Liema riżultati tistaʼ tistenna? X’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi? Kemm taħseb li se tonfoq u kemm hija mistennija li ddum il-kura? Tkellem maʼ nies li ħadu l-kura li qed tikkunsidra. Staqsihom jekk għenithomx. Ftakar iżda li l-evidenza waħedha minn esperjenzi taʼ ħaddieħor tistaʼ tqarraq bik.
Jekk ċertu tip taʼ terapija alternattiva ġġiegħel lil dak li jkun ma jiħux kura li ilha magħrufa li tirnexxi, aħjar ma jiħodhiex, avolja r-rata taʼ suċċess tat-terapija tradizzjonali hija limitata. Rapport f’The New England Journal of Medicine wera l-ħsara li tistaʼ tirriżulta. Ir-rivista ddeskriviet l-iżvilupp tal-kanċer f’żewġ pazjenti żgħar li ma ridux terapiji tradizzjonali waqt li kienu qed jieħdu kura alternattiva. Wieħed minn dawn il-pazjenti miet.
Dawk li għandhom mard kroniku jew li qed jheddidilhom ħajjithom ikunu għaqlin jekk jibqgħu għassa għall-fatt li faċilment jistgħu jkunu l-vittmi taʼ nies li taparsi jifhmu u li jipprovaw imexxu ’l quddiem terapiji foloz. Oqgħod attent minn kwalunkwe prodott li jgħid li jfejjaq varjetà taʼ mard. M’ilux kien hemm eżempju taʼ dan li kien jinvolvi vitamina ġdida. Kien qed jingħad li din “kienet tajba biex tneħħi kull problema, minn problemi tan-nifs u nuqqas t’enerġija sa mard perikoluż għall-ħajja.” Meta din il-“vitamina” ġiet analizzata, instab li ma kienet xejn ħlief ilma mielaħ.
M’għandniex xi ngħidu, ċerti tipi taʼ terapiji alternattivi jistgħu jkunu taʼ ġid f’li jtejbu s-saħħa. Madankollu, kun realistiku f’dak li tippretendi. Ikun għaqli li tikkonċentra fuq affarijiet bħal li tiekol ikel sustanzjuż, torqod biżżejjed, tagħmel eżerċizzju kemm hemm bżonn, u toqgħod attent meta tiġi biex tagħżel il-kura medika.
Jinkiseb Dak li Hu Mfittex
Ovvjament, l-ebda terapija mill-bniedem ma tistaʼ ttemm il-mard kollu u fl-aħħar mill-aħħar il-mewt. Ir-raġuni hi li dawn l-affarijiet writniehom mill-ewwel ġenitur tagħna, l-ewwel raġel, Adam. (Ġob 14:4; Salm 51:7 [51:5, NW]; Rumani 5:12) Ħafna mill-kuri mediċi—ikunu taʼ liema tip ikunu—veru li forsi jkunu t’għajnuna. Però, dawn jipprovdu biss soluzzjonijiet temporanji li jistgħu jtawlu l-ħajja għal ftit u jagħmluha iktar pjaċevoli għal żmien limitat. Madankollu, hemm soluzzjoni ċerta għall-problemi tas-saħħa, u hemm miljuni taʼ nies li diġà skoprew x’inhi.
Din is-soluzzjoni pprovdieha l-Ħallieq tagħna, Alla Jehovah, it-Tabib il-Kbir. Is-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ibnu, Ġesù Kristu għandu l-mertu li jpatti għad-dnub. Billi tieħu vantaġġ minn dan u turi fidi f’Jehovah, int se tkun tistaʼ tgawdi saħħa perfetta u ħajja taʼ dejjem f’dinja ħielsa mill-mard! (Mattew 20:28) Il-Bibbja twiegħed li f’dik id-dinja ġdida, “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24.
[Kumment f’paġna 12]
Miljuni taʼ nies sabu l-unika tama ċerta għal saħħa perfetta