Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Xi Ngħidu Jekk il-Ġenituri Tiegħi Jaħsbu li M’Għandix l-Età biex Noħroġ mas-Sess Oppost?
“Int antikwata, Ma. Dawn m’humiex is-snin 50. Kulħadd joħroġ maʼ xi ħadd! Jien m’għadnix xi tifla żgħira.”—Janie, li għandha 16-il sena.a
TISTAʼ tkun ħaġa taʼ dwejjaq meta jgħidulek li m’għandekx l-età biex toħroġ maʼ xi ħadd. “Nixtieq nagħmel bħalma tgħid il-Bibbja u nweġġaħ lil missieri u lil ommi,” jgħid żagħżugħ wieħed, “imma ma naħsibx li għandhom raġun. Lanqas biss naf kif għandi niddiskuti dan magħhom.” Bħal dan iż-żagħżugħ, int għandek mnejn tħoss li l-ġenituri tiegħek ma jirraġunawx u ma jifhmukx. Forsi ltqajt maʼ xi ħadd li ħadt grazzja miegħu u tixtieq issir tafu aħjar. Jew forsi tħoss li jekk tibda toħroġ maʼ xi ħadd tkun tistaʼ tiġi aċċettat iktar minn dawk taʼ mparek. “Teżisti ċerta pressjoni,” tgħid Michelle. “Jekk ma tkunx qed toħroġ maʼ xi ħadd, it-tfal taʼ l-iskola jaħsbu li int stramba.”
Dwar il-kwistjoni tal-ħruġ maʼ xi ħadd, waħda li xogħolha hu li tagħti l-pariri lill-familji nnotat li l-ġenituri fl-ebda kwistjoni oħra ma jidhru daqshekk bla raġuni daqskemm jidhru f’din. Imma billi l-ġenituri tiegħek jidhru li huma bla raġuni, ifisser dan li tassew huma hekk? Wara kollox, Alla jżomm lill-ġenituri tiegħek responsabbli biex jgħallmuk, iħarrġuk, jipproteġuk, u jiggwidawk. (Dewteronomju 6:6, 7) Jistaʼ jkun li l-ġenituri għandhom raġun jinkwetaw għax jixtiqulek il-ġid? “Qed nara l-periklu ġej,” tgħid waħda omm, “u qiegħed verament ibeżżagħni.” Ħafna ġenituri għala jinkwetaw meta wliedhom jibdew joħorġu maʼ xi ħadd meta jkunu għadhom żgħar?
Sentimenti Perikolużi
“Il-ġenituri tiegħi jagħmluha tidher li fiha xi ħaġa ħażina jekk tkun tiffansja lil xi ħadd,” tilmenta Beth li għandha 14-il sena. Madankollu, jekk il-ġenituri tiegħek huma Kristjani, huma jafu tajjeb li Alla ħalaq iż-żewġ sessi biex jinġibdu lejn xulxin. (Ġenesi 2:18-23) Huma jafu li din il-ġibda hija naturali, u li taħdem fi qbil maʼ l-iskop tal-Ħallieq tagħna biex il-bnedmin ‘jimlew l-art.’—Ġenesi 1:28.
Iktar minn hekk, il-ġenituri tiegħek jifhmu kemm jistgħu jkunu qawwijin ix-xewqat sesswali meta tkun fil-“fjur taż-żgħożija.” (1 Korintin 7:36, NW) Huma jafu wkoll li int ma tantx kellek esperjenza biex titgħallem tikkontrolla dawn ix-xewqat. Jekk tibda tqattaʼ ħafna ħin maʼ xi ħadd tas-sess oppost, sew jekk tagħmilha miegħu, sew fuq it-telefon, jew anki permezz taʼ l-ittri jew bl-E-mail, il-ġibda x’aktarx li se tikber. ‘X’fiha ħażin?’ għandek mnejn tistaqsi. Sewwa, għandek int dritt leġittimu li tissodisfa dawn ix-xewqat? Preparat tassew int biex dawn is-sentimenti twassalhom fejn il-loġika tgħidlek li għandhom iwasslu, jiġifieri għaż-żwieġ? X’aktarx li le.
Għalhekk, jekk tibda toħroġ maʼ xi ħadd minn età żgħira jqumu ċerti perikli serji. Il-Bibbja twissi: “Jistaʼ xi ħadd iġorr in-nar f’ħobbu, u ħwejġu ma jinħarqulux?” (Proverbji 6:27) Fil-biċċa l-kbira, żgħażagħ li jibdew joħorġu maʼ xi ħadd meta jkunu għadhom żgħar jaslu għal sess qabel iż-żwieġ, u b’hekk jiffaċċjaw ir-riskju taʼ tqala barra miż-żwieġ u mard trasmess sesswalment. (1 Tessalonikin 4:4-6) Per eżempju, iż-żagħżugħa Tammy ħasbet li l-ġenituri tagħha kienu qed ikunu inġusti meta ma ħallewhiex toħroġ maʼ xi ħadd. Għalhekk bdiet toħroġ maʼ xi ħadd mill-iskola bil-moħbi. Iżda Tammy malajr inqabdet tqila—u ħajjitha nbidlet. Issa hi tammetti: “M’huwiex daqshekk sabiħ li toħroġ maʼ xi ħadd daqskemm jagħmluh jidher.”
Imma xi ngħidu jekk żewġ żgħażagħ joqogħdu attenti biex ma jmissux lil xulxin b’mod mhux xieraq? Anki f’dan il-każ, xorta jibqaʼ l-periklu li jqumu jew jitqanqlu sentimenti taʼ mħabba qabel il-waqt. (Għanja taʼ l-Għanjiet 2:7) Jekk tqanqal sentimenti li jistgħu biss jiġu sodisfati ħafna snin oħra fil-futur jistaʼ jirriżulta fi frustrazzjoni u miżerja.
Xi punti oħra li għandek taħseb dwarhom: Għandek tassew esperjenza biżżejjed fil-ħajja biex tkun taf x’għandek tfittex f’min trid tiżżewweġ? (Proverbji 1:4) Mill-banda l-oħra, għandek int verament il-kwalitajiet u l-abbiltajiet meħtieġa biex tkun raġel miżżewweġ, jew mara miżżewġa, li tassew se tkun maħbub u rispettat? Għandek int verament il-paċenzja u d-determinazzjoni meħtieġa biex iżżomm relazzjoni fit-tul? Ma niskantawx li l-biċċa l-kbira tar-relazzjonijiet romantiċi fost l-adolexxenti ma tantx idumu wisq u jkunu mimlijin inkwiet. Ftit huma li jirriżultaw fi żwiġijiet fit-tul.
Monica li għandha 18-il sena għalhekk tiġbor kollox sewwa f’dan il-kliem: “Ħbiebi kollha fl-iskola kienu jgħiduli l-istejjer dwar il-ġuvintur tagħhom. Imma dawn jew iżżewġu żgħar jew spiċċaw biex ħassru għax ma kinux lesti għall-pass li kien imiss.” Żagħżugħ jismu Brandon jgħid ukoll: “Meta tinduna li m’intix lest li tintrabat maʼ xi ħadd imma tħoss li diġà marbut għax qed toħroġ miegħu, huwa veru frustranti. Kif tistaʼ tinħall mir-rabta mingħajr ma tweġġaʼ lill-persuna l-oħra?”
Il-ġenituri tiegħek bla dubju qed jipprovaw jiffrankawlek dan l-uġigħ u din il-frustrazzjoni billi jinsistu li m’għandekx toħroġ maʼ xi ħadd sakemm tkun taʼ l-età li tintrabat fiż-żwieġ. Fil-fatt, kulma qed jagħmlu hu li qed jaġixxu fi qbil mal-parir ispirat taʼ Koħèlet 11:10: “Ħarrab ukoll minn moħħok it-tħassib, u żomm il-ħsara ’l bogħod minn ġismek.”
Kif Titwessaʼ fis-Sħubijiet Tiegħek
Iżda dan ma jfissirx li int ma tistax tgawdi l-kumpanija tas-sess oppost. Imma għala tillimita s-sħubija tiegħek għal persuna waħda? Il-Bibbja, f’kuntest differenti, tinkuraġġina biex ‘niftħu qalbna beraħ’ jew nitwessgħu fis-sħubijiet tagħna. (2 Korintin 6:12, 13) Dan huwa parir tajjeb għaż-żgħażagħ. Mod wieħed kif tagħmel dan huwa billi tassoċja fi gruppi mħalltin. “Naħseb li huwa iktar taʼ gost b’dan il-mod,” tgħid Tammy. “Aħjar meta jkollok ħafna ħbieb.” Monica tistqarr: “L-idea taʼ grupp veru hija idea tajba għax tkun tistaʼ tara nies b’personalitajiet differenti u dan iġagħlek tirrealizza li hemm ħafna nies li għadek qatt ma ltqajt magħhom.”
Il-ġenituri tiegħek jistgħu wkoll ikunu lesti li jorganizzaw okkażjonijiet fejn tistaʼ tqattaʼ ħin bnin u pjaċevoli maʼ żgħażagħ oħra. Anne, omm taʼ żewġt itfal, tispjega: “Aħna dejjem nagħmlu ċert li darna tkun post taʼ gost fejn uliedna jixtiequ jkunu. Aħna nistiednu lill-ħbieb tagħhom, nagħtuhom xi ħaġa żgħira x’jieklu, u nħalluhom jilagħbu xi logħob. B’dan il-mod huma ma jħossuhomx li għandhom joħorġu mid-dar biex jieħdu gost.”
M’għandniex xi ngħidu, anki fi grupp xorta trid toqgħod attent li ma tagħtix attenzjoni speċjali lil persuna waħda. Xi żgħażagħ jirraġunaw li sakemm ikunu maʼ nies oħra, ma jkunux qed joħorġu maʼ xi ħadd. Evita li tqarraq bik innifsek. (Salm 36:3 [36:2, NW) Jekk kull darba li tiltaqaʼ mal-ħbieb tiegħek toqgħod maʼ l-istess persuna, dan ikun daqslikieku qed toħroġ magħha.b Stinka biex tuża d-dehen fid-deċiżjonijiet tiegħek rigward il-ħbiberiji tiegħek mas-sess oppost.—1 Timotju 5:2.
Min Jistenna Jithenna
Mhux faċli meta xi ħadd jgħidlek li għad m’għandekx l-età biex tibda toħroġ maʼ xi ħadd. Imma l-ġenituri tiegħek m’humiex qed jipprovaw iweġġgħuk. Għall-kuntrarju, huma qed jagħmlu kulma jistgħu biex jgħinuk u jipproteġuk. Mela minflok ma tafda lil qalbek stess u tirrifjuta l-parir tagħhom, għala ma tużax l-esperjenza li għandhom? Per eżempju, għala ma tfittixx il-parir tagħhom meta darb’oħra jkollok problema kif iġġib ruħek mas-sess oppost? Proverbji 28:26 ifakkarna: “Min jafda fih innifsu hu iblah.” Iż-żagħżugħa Connie tgħid: “Meta jiffansjani xi ġuvni, dak li jgħinni nirreżisti l-pressjoni biex noħroġ miegħu huwa li nitkellem dwar dan maʼ ommi. Hi tirrakkontali x’ġara lil ħbiebha u lill-familja tagħha fil-passat. Dan veru jgħinni.”
Jekk tistenna ftit qabel ma tibda toħroġ maʼ xi ħadd mhux se jfixkillek l-iżvilupp emozzjonali tiegħek jew joħnoqlok il-libertà tiegħek. Peress li tkun għadek ma rfajtx ir-responsabbiltajiet adulti taʼ l-għerusija u ż-żwieġ, int ikollok il-libertà li ‘tithenna fir-rebbiegħa taʼ ħajtek.’ (Koħèlet 11:9) Jekk tistenna se jkollok ukoll biżżejjed ħin biex tiżviluppa l-personalità, il-maturità, u l-iktar ħaġa importanti, l-ispiritwalità tiegħek. (Lamentazzjonijiet 3:26, 27) Kif esprimiet waħda żagħżugħa Kristjana, “l-ewwel trid tintrabat maʼ Jehovah qabel ma tintrabat maʼ xi ħadd ieħor.”
Hekk kif tibda tikber u l-progress tiegħek ikun jidher minn kulħadd, il-ġenituri tiegħek se jibdew iqisuk b’mod differenti. (1 Timotju 4:15) U meta tassew tkun lest biex toħroġ maʼ xi ħadd, bla dubju se tkun tistaʼ tagħmel dan bil-barka tagħhom.
[Noti taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
b Għal iktar informazzjoni, ara paġni 232-3 tal-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampi f’paġna 14]
Jekk tagħżel lil xi ħadd partikulari tas-sess oppost u tagħtih attenzjoni speċjali. . .
. . . ġeneralment se jitqanqlu sentimenti romantiċi
[Stampa f’paġna 15]
Minflok ma tillimita l-interessi tiegħek għal persuna waħda, twessaʼ fil-ħbiberiji tiegħek