LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 2/8 pp. 8-11
  • Nissaportu bil-Ferħ f’Dinja Mgħaġġla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nissaportu bil-Ferħ f’Dinja Mgħaġġla
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żomm Ħajtek Sempliċi u Mhux Mimlija b’Affarijiet Żejda
  • Uża l-​Ħin Tajjeb u Ddetermina l-​Prijoritajiet
  • Il-​Modestja u l-​Ispiritwalità
  • Evita l-​Ansjetà u Sib il-​Paċi Vera
  • Il-Familja Kristjana Tpoġġi Affarijiet Spiritwali l-Ewwel
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Il-Modestja—Kwalità li Tikkontribwixxi għall-Paċi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Għandek wisq x’tagħmel?
    Stenbaħ!—2017
  • Tfittxija għall-Ispiritwalità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 2/8 pp. 8-11

Nissaportu bil-​Ferħ f’Dinja Mgħaġġla

IL-​BIĊĊA L-​KBIRA TAN-​NIES JISSAPORTUHOM IL-​PRESSJONIJIET TAL-​ĦAJJA, IMMA FTIT JISSAPORTUHOM BIL-​FERĦ. GĦAL DAN HEMM BŻONN TIP SPEĊJALI TAʼ GĦERF.

BILLI għaraf dan, il-​ktieb The 24-Hour Society jgħid: “Għandna bżonn niżviluppaw l-​għerf biex nipproteġu l-​bżonnijiet u n-​natura tal-​bniedem fid-​dinja teknoloġika li ħloqna.”

B’ferħ, l-​għerf prattiku nistgħu nsibuh bil-​lest fl-​iktar ktieb imqassam fid-​dinja—il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Il-​Bibbja, li hija ispirata minn Dak li jifhem perfettament il-​bżonnijiet u n-​natura tal-​bniedem, fiha prinċipji li huma tajbin bil-​provi. Billi tapplika dawn il-​prinċipji tkun tistaʼ tikkontrolla iktar lil ħajtek, u ma jonqosx li jkollok il-​ferħ hekk kif tiffaċċja d-​dinja mgħaġġla tal-​lum.—Isaija 48:18; 2 Timotju 3:16.

Dawn il-​prinċipji jittrattaw tliet aspetti prinċipali. L-​ewwelnett, jindikawlek liema affarijiet tistaʼ taqtaʼ barra billi tuża l-​għaqal. It-​tieni, jistgħu jgħinuk tpoġġi f’ordni tajjeb l-​iktar affarijiet importanti f’ħajtek, il-​prijoritajiet. It-​tielet, dawn jgħinuk tħares lejn il-​ħajja b’mod spiritwali, li huwa bil-​wisq superjuri milli meta tħares lejha b’mod sekulari biss. Issa ejja nikkunsidraw dawn it-​tliet aspetti.

Żomm Ħajtek Sempliċi u Mhux Mimlija b’Affarijiet Żejda

Immaġinak sejjer tikkampja xi mkien għal ftit jiem. Tixtieq tkun komdu, allura tieħu tinda kbira miegħek mgħammra b’kull aċċessorju li tistaʼ timmaġina. Tieħu wkoll vann mimli għamara, apparat tat-​tisjir, friżer, ġeneratur żgħir taʼ l-​elettriku, dwal, televixin, u ħafna affarijiet oħra, fosthom l-​ikel. Madankollu, sakemm tarma kollox jgħaddu ħafna sigħat! Imbagħad, fl-​aħħar tal-​vaganza żgħira tiegħek, terġaʼ tieħu daqstant ħin biex tippakkja kollox—biex ma nsemmux il-​ħin li jiħodlok biex terfaʼ kollox meta tasal id-​dar. Meta tħares lura, tirrealizza li ma kellekx ħin biżżejjed biex tgawdi l-​vaganza! Tibda tiddubita jekk dak l-​isforz kollu għall-​vaganza kienx vallapena jew le.

Għal miljuni taʼ nies illum, il-​ħajja nfisha hija bħal dik il-​vaganza. Huma jqattgħu ħafna iktar ħin milli hemm bżonn biex jiksbu partita affarijiet materjali u biex iżommuhom f’kundizzjoni tajba, affarijiet li din id-​dinja ġġagħalna nemmnu li għandna bżonnhom biex inkunu ferħanin. Għall-​kuntrarju, Ġesù Kristu qal: “Imqar jekk wieħed ikollu bir-​radam, ħajtu ma tiddependix mill-​ġid li jkollu.” (Luqa 12:15) Iva, il-​kwalità tal-​ħajja ma titkejjilx b’kemm ikollok ġid materjali. Fil-​fatt, ħafna drabi r-​rikkezzi jżidu mat-​tensjonijiet u l-​ansjetajiet tal-​ħajja. “L-​għani x-​xabaʼ ma jħallihx jieħu nagħsa,” jgħid Koħèlet 5:11 [5:​12, NW].

Mela ifli sew kull ħaġa li għandek, u staqsi lilek innifsek, ‘Din il-​ħaġa tassew għandi bżonnha, jew hija żejda? Veru ttejjibli l-​kwalità taʼ ħajti, jew tisraqli l-​ħin prezzjuż?’ L-​introduzzjoni tal-​ktieb Why Am I So Tired?, minn Leonie McMahon, tgħid: “L-​invenzjoni taʼ ħafna mill-​apparat, li kien intenzjonat biex ineħħi mid-​dwejjaq tax-​xogħol tad-​dar, irriżultat f’li l-​mara tad-​dar kellha toħroġ taħdem, sabiex tixtrih u tħallas għall-​manutenzjoni tiegħu.”

Meta ħajtek tagħmilha iktar sempliċi, se jkollok iktar ħin għall-​familja, għall-​ħbieb, u għalik innifsek. Dan il-​ħin huwa vitali biex ikollok il-​ferħ. Tkunx bħal dawk in-​nies li jiskopru tard wisq fil-​ħajja li l-​ħbieb u l-​familja huma ħafna iktar importanti—u interessanti—mill-​flus u l-​affarijiet. In-​nies biss jistgħu jħobbuk. Il-​kontijiet fil-​bank, l-​investimenti, il-​kompjuters, is-​settijiet tat-​televixin, u oġġetti oħra, għalkemm għandhom posthom, huma l-​qoxra tal-​ħajja, mhux il-​qalba. Min jagħti prijorità lil dawn l-​affarijiet ikun qed ibaxxi l-​valur taʼ ħajtu u fl-​aħħar mill-​aħħar jispiċċa mdejjaq jew saħansitra mimli rabja.—1 Timotju 6:​6-10.

Uża l-​Ħin Tajjeb u Ddetermina l-​Prijoritajiet

F’ċerti affarijiet, li wieħed juża l-​ħin tajjeb huwa bħal meta tipprova tikkalkula kemm tistaʼ tonfoq skond il-​but tiegħek. Jekk tipprova ddeffes wisq affarijiet fil-​ħin limitat li għandek, m’intix tgħix skond il-​mezzi tiegħek fejn għandu x’jaqsam il-​ħin. Stil taʼ ħajja bħal dan żgur li jwassal għal frustrazzjoni, stress, u eżawriment. Għalhekk tgħallem iddetermina l-​prijoritajiet tiegħek.

L-​ewwelnett, iddetermina x’inhuma l-​iktar affarijiet importanti, u agħtihom biżżejjed ħin. Għall-​Kristjani, l-​affarijiet spiritwali dejjem jieħdu l-​ewwel post. (Mattew 6:​31-34) Jekk affarijiet importanti jsiru bl-​għaġla jew fuq fuq, taʼ sikwit jinqalgħu problemi serji wara. Għaldaqstant, forsi jkollok bżonn tqaċċat kwalunkwe ħaġa li tiħodlok il-​ħin imma li ma tantx hi taʼ benefiċċju.

Meta tkun qed tqis x’inhuma l-​prijoritajiet, ftakar ukoll li għandek bżonn ftit ħin waħdek—ħin għal meditazzjoni bnina u biex terġaʼ tiċċarġja l-​batteriji tiegħek. Il-​ġurnal Psychology Today jgħid li fid-​dinja tant mgħaġġla tal-​lum huwa neċessarju li wieħed iqattaʼ ftit ħin taʼ kwalità waħdu, u li dan il-​ħin ikun rifreskanti u jsaħħaħ il-​ħajja. In-​nies li għandhom wisq x’jagħmlu biex jimmeditaw jistaʼ jibda jkollhom attitudni superfiċjali lejn il-​ħajja.

Il-​Modestja u l-​Ispiritwalità

Il-​modestja u l-​ispiritwalità huma l-​aħjar żewġ affarijiet li jistaʼ jkollok biex tgħix ħajja ferħana u bilanċjata. Il-​modestja hija importanti għaliex din tgħinek tevita li tidħol għal xi biċċa xogħol jew tieħu xi responsabbiltà li ma jkunx realistiku għalik li taċċettahom. Jekk tkun modest, tkun taf meta għandek tgħid le għal xogħol wara l-​ħin jew għal attivitajiet oħra li jistgħu jisirqulek il-​ħin minn affarijiet iktar importanti. Nies modesti ma jgħirux għal dak li jkollu jew jagħmel ħaddieħor; għalhekk għandhom it-​tendenza li jkunu iktar kuntenti. Il-​modestja ġenwina, imbagħad, hija aspett taʼ l-​ispiritwalità, fattur vitali ieħor biex inkunu nistgħu nikkontrollaw iktar lil ħajjitna.—Mikea 6:8; 1 Ġwann 2:​15-17.

L-​ispiritwalità bbażata fuq għarfien eżatt tal-​Bibbja tgħinek issir persuna li taf tuża iktar l-​għaqal u tagħżel x’inhu l-​aħjar. Tgħinek biex ma titqarraqx mill-​mod fjakk u dinji taʼ kif xi individwi jqisu s-​suċċess. Jekk tkun spiritwali, tismaʼ mill-​parir għaqli taʼ l-​1 Korintin 7:31: “[Ħalli] dawk li jgawdu [“jinqdew bi,” Karm Żammit] d-​dinja, [ikunu] bħallikieku ma jgawduhiex: għax is-​sura taʼ din id-​dinja għad tgħaddi!” Il-​Kristjani jinqdew bid-​dinja meta jipprovdu materjalment għalihom infushom u għall-​familji tagħhom, imma ma jħallux lid-​dinja tiblagħhom. Jafu li din ma toffrix sigurtà vera, u li dalwaqt se tiġi meqruda. Jafu wkoll li s-​suċċess veru, jiġifieri sigurtà u ħajja taʼ dejjem f’ġenna taʼ l-​art, jiddependi mill-​waqfa li dak li jkun ikollu quddiem Alla. (Salm 1:​1-3; 37:​11, 29) Mela ismaʼ mit-​twissija taʼ Ġesù, u investi bil-​għaqal billi taħżen “teżori fis-​sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-​kamla u lanqas bis-​sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu.”—Mattew 6:20.

Evita l-​Ansjetà u Sib il-​Paċi Vera

Hekk kif is-​sistema tal-​lum tersaq lejn tmiemha, bla dubju iktar se jkollok pressjoni fuq il-​ħin tiegħek. Għalhekk, kemm hu importanti li tistinka biex tapplika l-​parir tal-​Bibbja: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” Dan it-​tip taʼ sliem ma jistax jinkiseb minn xi ħadd li jħares lejn l-​affarijiet b’mod sekulari u li ma jqisx it-​talb bħala taʼ valur.—Filippin 4:​6, 7.

Madankollu, Jehovah se jagħmel iktar milli jagħtik sliem tal-​moħħ. Hu se jgħinek iġġorr it-​tagħbija tiegħek taʼ responsabbiltà kuljum jekk ‘tixħet fuqu l-​ħsibijiet kollha tiegħek.’ (1 Pietru 5:7; Salm 68:20 [68:​19, NW]) Għalhekk huwa għaqli li tismaʼ kliem Alla kuljum billi taqra silta mill-​Kelma tiegħu. Min jistaʼ jagħtik parir aħjar mill-​Ħallieq tiegħek? (Salm 119:​99, 100, 105) Iva, l-​esperjenza wriet li dawk li jpoġġu lil Alla fiċ-​ċentru taʼ ħajjithom jiġu megħjunin biex jissaportu bil-​ferħ f’din id-​dinja mgħaġġla tal-​lum.—Proverbji 1:33; 3:​5, 6.

[Kumment f’paġna 11]

Iddetermina l-​prijoritajiet, inkluż li tissodisfa l-​bżonn tiegħek għal ftit ħin waħdek u għall-​ispiritwalità

[Stampa f’paġna 9]

Tistaʼ lil ħajtek tagħmilha iktar sempliċi u tneħħi l-​affarijiet żejda minnha?

[Stampa f’paġna 10]

Int tagħti l-​prijorità lill-​affarijiet jew lin-​nies?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja