Statistiċi dwar l-AIDS li Jaħsduk!
MINN KITTIEB TAʼ STENBAĦ! FL-AFRIKA T’ISFEL
THEMBEKA hija tifla taʼ 12-il sena li tgħix f’raħal imwarrab fin-nofsinhar taʼ l-Afrika. Il-ġenituri tagħha mietu bl-AIDS, u hi issa trid tieħu ħsieb tat-tliet ħutha bniet iżgħar minnha, waħda t’għaxar snin, waħda taʼ sitta u l-oħra t’erbgħa. “Dawn il-bniet ma jaqilgħu xejn u jiddependu għalkollox fuq il-qalb tajba tal-ġirien . . . xi ħobża, ftit patata,” qalet riporter taʼ gazzetta. Intwera ritratt taʼ dawn l-erbat ibniet orfni fuq il-faċċata taʼ gazzetta fl-Afrika t’Isfel, li rrapportat dwar it-tlettax-il Konferenza Internazzjonali dwar l-Aids, konferenza li nżammet matul Lulju taʼ l-2000 f’Durban fl-Afrika t’Isfel.
Miljuni taʼ tfal li spiċċaw orfni minħabba l-AIDS, jiffaċċjaw sitwazzjoni li tixbah lil dik taʼ Thembeka u ħutha ż-żgħar. Il-konferenza ddiskutiet xi metodi kif għandha tiġi trattata l-kriżi li dejjem qed tikber taʼ l-AIDS. Fosthom issemmew l-edukazzjoni fuq il-prevenzjoni taʼ l-AIDS billi jintużaw il-kondoms; l-użu taʼ kura inqas għalja għall-AIDS, li issa tistaʼ tinkiseb; u li jkun hemm iktar fondi għall-iżvilupp taʼ titqib kontra l-AIDS. Ġie diskuss ukoll il-fatt li n-nisa, speċjalment it-tfajliet żgħar, għandhom iktar ċans li jintlaqtu minn din il-marda.
B’dispjaċir, ħafna li saru orfni minħabba l-AIDS jiġu mfittxijin minn irġiel li jemmnu li jekk ikollhom x’jaqsmu sesswalment maʼ verġni se jfiqu mill-mard trasmess sesswalment. Iktar minn hekk, ħafna rġiel ma jiżżewġux tfajla jekk l-ewwel ma tkunx diġà kellha tarbija. Għalhekk, l-użu tal-kondoms jitqies bħala ostaklu kemm għaż-żwieġ u kemm għal li jsiru ommijiet.
Sfortunatament, ħafna tfajliet ma jafux bir-riskju taʼ l-AIDS. Il-gazzetta Sowetan taʼ l-Afrika t’Isfel ikkummentat dwar rapport li nħareġ fil-konferenza mill-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal (UNICEF): “L-istħarriġ li sar mill-Unicef sab li 51 fil-mija tat-tfajliet taʼ bejn il-15 u d-19-il sena fl-Afrika t’Isfel ma kinux jafu li xi ħadd li jidher b’saħħtu jistaʼ jkun infettat bl-HIV u jgħaddihulhom.”
Fattur ieħor li huwa involut fit-tixrid taʼ l-AIDS huwa l-abbuż sesswali fuq in-nisa. Ranjeni Munusamy, li attendiet din il-konferenza, irrapportat dan fis-Sunday Times taʼ Johannesburg, l-Afrika t’Isfel: “Il-vjolenza fuq in-nisa, l-iktar forma kerha tal-poter taʼ l-irġiel, tibqaʼ ostaklu prinċipali għall-prevenzjoni u l-kura taʼ l-HIV. Il-ħafna forom tagħha—stupru, inċest, swat fuq nisa miżżewġin, u abbuż sesswali—ifissru li s-sess ħafna drabi jsir bil-forza, u fih innifsu dan huwa fattur taʼ riskju għall-infezzjoni taʼ l-HIV.”
L-istatistiċi li ħarġu fil-konferenza kienu tal-biżaʼ, kif turi t-tabella li qed tidher hawnhekk. Kuljum huwa stmat li 7,000 żagħżugħ u żagħżugħa u 1,000 tarbija jiġu infettati bl-HIV. F’sena waħda, l-1999, xi 860,000 tifel u tifla fil-pajjiżi fl-Afrika ’l isfel mid-deżert tas-Saħara tilfu l-għalliema tagħhom minħabba l-AIDS.
Skond stħarriġ pubblikat mill-Kunsill tar-Riċerka Medika taʼ l-Afrika t’Isfel, 4.2 miljun ruħ fl-Afrika t’Isfel huma infettati bl-HIV, u dan jirrappreżenta wieħed minn kull 10 ċittadini. Is-sitwazzjoni fil-pajjiżi ġirien hija agħar. Il-gazzetta The Natal Witness irrapportat fuq kalkolu li ngħata mill-Uffiċċju taċ-Ċensiment taʼ l-Istati Uniti: “Il-popolazzjonijiet taʼ xi pajjiżi Afrikani milqutin bl-Aids dalwaqt se jibdew jinżlu hekk kif miljuni jmutu bil-marda, u sa għaxar snin oħra t-tul taʼ ħajja mistenni se jinżel għal madwar 30 sena.”
It-traġedja taʼ l-AIDS hija evidenza oħra li l-bnedmin qed jgħixu fiż-“żmien iebes” li l-Bibbja bassret li kellu jiġi fl-“aħħar tad-dinja.” (2 Timotju 3:1-5) Dawk li jħobbu l-Kelma t’Alla, il-Bibbja, iħarsu ’l quddiem lejn soluzzjoni kompleta u permanenti għall-AIDS u għall-problemi l-oħrajn kollha li jifilġu lill-bnedmin. Dalwaqt, is-Saltna t’Alla se tieħu t-tmexxija taʼ l-affarijiet taʼ l-art f’idejha. Fid-dinja l-ġdida taʼ tjieba, il-faqar u l-moħqrija se jkunu affarijiet taʼ l-imgħoddi. (Salm 72:12-14; 2 Pietru 3:13) Minflok, dawk li jgħammru fuq l-art se jerġgħu jingħataw saħħa perfetta, u ħadd minnhom m’hu qatt se jgħid: “Jien marid.”—Isaija 33:24.
[Kumment f’paġna 14]
Mad-dinja kollha hemm xi 13,000,000 orfni minħabba l-AIDS
[Tabella/Mappa f’paġna 15]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
NUMRU T’ADULTI (BEJN 15 u 49 SENA) BL-HIV/AIDS, SA L-AĦĦAR TAʼ L-1999
L-Amerika taʼ Fuq 890,000
Il-Karibew 350,000
L-Amerika Latina 1,200,000
L-Ewropa tal-Punent 520,000
L-Ewropa tal-Lvant u Ċentrali 410,000
L-Afrika taʼ Fuq u l-Lvant Nofsani 210,000
Il-pajjiżi fl-Afrika ’l isfel/
mid-deżert tas-Saħara 23,400,000
L-Asja t’Isfel u tax-Xlokk 5,400,000
L-Asja tal-Lvant u l-Paċifiku 530,000
L-Awstralja u n-New Zealand 15,000
[Sors]
Sors: UNAIDS
[Graff/Stampa f’paġna 15]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
PERSENTAĠĠ T’ADULTI (BEJN 15 u 49 SENA) BL-HIV/AIDS F’16-IL PAJJIŻ AFRIKAN, SA L-AĦĦAR TAʼ L-1999
1 Il-Botswana 35.8%
2 Is-Sważiland 25.2
3 Żimbabwe 25.0
4 Il-Lesoto 23.5
5 Iz-Zambja 20.0
6 L-Afrika t’Isfel 20.0
7 In-Namibja 19.5
8 Il-Malawi 16.0
9 Il-Kenja 14.0
10 Ir-Repubblika Afrikana Ċentrali 14.0
11 Il-Możambik 13.2
12 Ġibuti 11.7
13 Il-Burundi 11.3
14 L-Irwanda 11.2
15 Côte d’Ivoire 10.7
16 L-Etjopja 10.6
[Sors]
Sors: UNAIDS
[Stampa]
Thembeka flimkien maʼ ħutha
[Sors]
Ritratt: Brett Eloff