Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għandna Nattendu Laqgħat Kristjani?
“JIEN kont immur il-knisja, imma issa m’għadnix.” “Naħseb li lil Alla tistaʼ taqdih tkun fejn tkun, mhux biss fi knisja.” “Jien nemmen f’Alla u fil-Bibbja, imma ma nemminx li hemm għalfejn immur il-knisja.” Qatt smajt espressjonijiet simili? Iktar u iktar nies illum jgħidu affarijiet bħal dawn, speċjalment f’pajjiżi tal-Punent. Nies li kienu jmorru l-knisja m’għadhomx jaħsbu li hemm għalfejn. Il-Bibbja x’tgħid dwar li wieħed imur il-knisja?
Il-kliem “knisja” u “knejjes” jidhru 110 darbiet fit-traduzzjoni Biblika tal-King James Version. Traduzzjonijiet oħrajn, fosthom it-traduzzjoni taʼ l-Għaqda Biblika Maltija, ukoll jużaw dawn it-termini. Il-kelma Griega tradotta “knisja” letteralment tfisser “sejħa lejn,” jew, fi kliem ieħor, laqgħa taʼ nies. Per eżempju, Atti 7:38, fil-King James Version, jgħid li Mosè kien “fil-knisja fid-deżert,” jiġifieri, fost il-ġens kongregat, jew miġbur, taʼ Iżrael. F’każ ieħor l-Iskrittura tgħid li “qamet persekuzzjoni kbira kontra l-Knisja,” li kienet tirreferi għall-komunità taʼ Kristjani f’Ġerusalemm. (Atti 8:1) F’waħda mill-ittri tiegħu, Pawlu jsellem “lill-knisja li tinġabar [f’dar Filemon],” il-kongregazzjoni lokali li kienet tiltaqaʼ hemm.—Filemon 2.
Jidher ċar li t-terminu “knisja” kif inhu użat fil-Bibbja jindika, mhux post għall-qima, imma minflok, grupp taʼ nies li jqimu. Billi għaraf dan, Klement taʼ Lixandra, għalliem reliġjuż tat-tieni seklu, kiteb: “Mhux il-post, imma l-kongregazzjoni tal-magħżulin insejħilha l-Knisja.” Xorta waħda, għandhom il-Kristjani jkunu preżenti f’post jew f’xi bini speċifiku sabiex Alla jaċċetta l-qima tagħhom?
Il-Qima fil-Ġens taʼ Iżrael
Il-Liġi taʼ Mosè kienet teħtieġ li l-irġiel Lhud kollha jkunu preżenti f’post speċifiku għal tliet festi fis-sena. Ħafna nisa u tfal ukoll kienu jattendu. (Dewteronomju 16:16; Luqa 2:41-44) F’ċerti okkażjonijiet il-qassisin u l-Leviti kienu jgħallmu lill-folol miġburin, billi jaqrawlhom mil-Liġi t’Alla. Huma ‘qrawh b’mod li jinftiehem, fissruh, u spjegaw il-qari.’ (Neħemija 8:8) Għas-snin tas-Sabat, id-direzzjoni t’Alla kienet tgħid: “Iġbor il-poplu, l-irġiel u n-nisa, it-tfal u l-barranin, li jkunu fl-ibliet tiegħek, biex jisimgħu u jitgħallmu, u jibżgħu mill-Mulej, Alla tagħkom, u jqisu li jagħmlu l-kliem kollu taʼ din il-liġi.”—Dewteronomju 31:12.
L-uniku post fejn persuna setgħet toffri sagrifiċċji lil Alla u tirċievi tagħlim mill-qassisin kien fit-tempju f’Ġerusalemm. (Dewteronomju 12:5-7; 2 Kronaki 7:12) Maż-żmien, ġew stabbiliti djar oħra għall-qima f’Iżrael—is-sinagogi. Dawn kienu postijiet għall-qari taʼ l-Iskrittura u għat-talb. Madankollu, it-tempju f’Ġerusalemm xorta kien il-post prinċipali għall-qima. Dan jidher minn dak li jirrapporta l-kittieb Bibliku Luqa. Hu jsemmi mara anzjana jisimha Anna, u din “ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb.” (Luqa 2:36, 37) Il-qima vera flimkien maʼ nies devoti oħra kien il-punt ċentrali fil-ħajja taʼ Anna. Lhud oħrajn li kellhom il-biżaʼ t’Alla kienu jaġixxu b’mod simili.
Il-Qima Vera wara l-Mewt taʼ Kristu
Wara l-mewt taʼ Ġesù, is-segwaċi tiegħu ma kinux għadhom taħt il-Liġi Mosajka u lanqas ma kien meħtieġ minnhom li jqimu fit-tempju. (Galatin 3:23-25) Xorta waħda, huma komplew jiltaqgħu flimkien biex jitolbu u jistudjaw il-Kelma t’Alla. Ma kellhomx bini elaborat, imma minflok kienu jużaw djar privati u postijiet pubbliċi. (Atti 2:1, 2; 12:12; 19:9; Rumani 16:4, 5) Dawk il-laqgħat Kristjani taʼ l-ewwel seklu, li ma kienx fihom ritwali u ċerimonji, kellhom sempliċità sabiħa wisq.
Fost il-kundizzjonijiet morali koroh u mdallmin li kienu jeżistu matul l-Imperu Ruman, il-prinċipji Bibliċi li kienu jiġu mgħallmin f’dawk il-laqgħat kienu tassew jispikkaw. Xi wħud li ma kinux jemmnu u li attendew għall-ewwel darba setgħu biss jgħidu bi stagħġib: “Tassew li Alla f’nofskom!” (1 Korintin 14:24, 25) Iva, Alla kien verament fosthom. “Hekk il-knejjes [“kongregazzjonijiet,” NW] kienu jitwettqu fil-fidi u jiżdiedu fl-għadd kuljum.”—Atti 16:5.
Setaʼ Kristjan f’dak iż-żmien ikollu l-approvazzjoni t’Alla billi jqim f’tempji pagani jew waħdu? Il-Bibbja tagħti direzzjoni ċara f’din il-kwistjoni: Adoraturi approvati kellhom isiru parti mill-unika knisja, jew kongregazzjoni, vera, il-“ġisem wieħed” t’adoraturi ġenwini. Dawn kienu d-dixxipli taʼ Ġesù, magħrufin bħala Kristjani.—Efesin 4:4, 5; Atti 11:26.
Xi Ngħidu għal-Lum?
Minflok ma tinkuraġġina nqimu fi knisja bħala bini, il-Bibbja tinkuraġġina nqimu mal-knisja, “il-Knisja [“kongregazzjoni,” NW] taʼ Alla l-ħaj,” in-nies li “jadurawh fl-ispirtu u l-verità.” (1 Timotju 3:15; Ġwann 4:24) Il-laqgħat reliġjużi approvati minn Alla għandhom jgħallmu lin-nies biex ‘ħajjithom tkun qaddisa u tajba.’ (2 Pietru 3:11) Għandhom jgħinu lil dawk preżenti biex isiru Kristjani maturi, li jistgħu “jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin.”—Lhud 5:14.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jistinkaw biex isegwu l-eżempju tal-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. Iktar minn 91,400 kongregazzjoni mad-dinja kollha jiltaqgħu regolarment biex jistudjaw il-Bibbja u jinkuraġġixxu wieħed lil ieħor, u dan jagħmluh fi Swali tas-Saltna, djar privati, u postijiet oħrajn. Dan huwa fi qbil mal-kliem taʼ l-appostlu Pawlu: “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-laqgħat tagħna flimkien.”—Lhud 10:24, 25.