Cherrapunji—Wieħed mill-Iktar Postijiet Fejn Tagħmel Xita fid-Dinja
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-INDJA
WIEĦED mill-iktar postijiet fejn tagħmel xita fid-dinja? Imma kif jistaʼ jkun? Hawnhekk fl-Indja hija xi ħaġa komuni mhux ħażin li jkollna nuqqas taʼ ilma, u fil-biċċa l-kbira tal-ġranet ma jkollokx bżonn umbrella! X’inhu dan il-post mhux tas-soltu li qed niddeskrivu? Il-post jismu Cherrapunji. Din hija belt fl-istat taʼ Meghalaya, lejn il-grigal taʼ l-Indja, li jmiss mal-Bangladexx. Meghalaya tant hu sabiħ li hemm min isejjaħlu “l-Iskozja taʼ l-Orjent.” Ismu stess ifisser “dar is-sħab.” Imma Cherrapunji għala ilu żmien twil jitqies bħala wieħed mill-iktar postijiet fejn tagħmel xita fid-dinja? Ejja nagħmlu mawra qasira u nżuru din il-meravilja naturali u affaxxinanti.a
Nibdew il-vjaġġ tagħna f’Shillong, il-belt kapitali taʼ l-istat taʼ Meghalaya. Wara li nirkbu xarabank għat-turisti, nerħulha ’l isfel lejn in-nofsinhar. Hekk kif ngħaddu qalb l-għoljiet u pjanuri mħaddrin, naraw quddiemna ħafna sħab jistenniena u dan mill-ewwel ifakkarna kemm hu xieraq l-isem taʼ Meghalaya.
Triqitna hi għat-telgħa u sserrep tul ix-xifer taʼ ħondoq fond li hu miksi għalkollox bis-siġar. Nixxigħat taʼ l-ilma jgelglu mill-għoli ferm, u dawn jisqu x-xmara li tgħaddi minn ġol-wied. Hekk kif ix-xarabank tagħna tieqaf f’Mawkdok, naraw ħafna sħab baxx għaddej minn qalb l-għoljiet. F’daqqa waħda jgħatti għalkollox parti sħiħa mill-veduta u mbagħad iwarrab bl-istess ħeffa biex jidher kollox. Għal mument wieħed, aħna wkoll ninksew b’din il-massa taʼ sħab u ninħbew f’kutra ratba bajda li tagħmilna inviżibbli. Iżda s-sħab malajr iwarrab ’l hemm, u x-xemx iddawwal ix-xena li taqtagħlek nifsek.
Cherrapunji jinsab 1,300 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Meta naslu hemm, ma tidher lanqas sħaba waħda tax-xita, u ħadd ma qed iġorr umbrella. Aħna l-viżitaturi biss ninsabu mħejjijin għal xi ħalba xita! Allura x-xita meta tinżel?
Reġjuni tropikali jkollhom xita qawwija meta x-xemx tevapora volum kbir taʼ ilma mill-partijiet taʼ l-oċean li jkunu iktar sħan. Meta l-irjieħ niedja ferm mill-Oċean Indjan jolqtu l-ġnub imżerżqa lejn in-nofsinhar tal-Muntanji tal-Ħimalaja, u b’hekk ikollhom jogħlew ’il fuq, dawn ibattlu t-tagħbija tagħhom f’sura taʼ xita bil-qliel. Il-pjanura taʼ Meghalaya hi waħda mill-iktar li taqlaʼ xita fuqha. Iktar minn hekk, donnu jidher illi peress li dawn l-inħawi li qegħdin fl-għoli jirċievu l-qawwa kollha tax-xemx tropikali matul il-ġurnata, is-sħab tax-xita jogħla u jħuf fuq il-pjanura sakemm tiffriska l-art fil-għaxija. Dan għandu mnejn jispjega għala l-biċċa l-kbira mix-xita tinżel matul il-lejl.
Matul ix-xahar taʼ Lulju taʼ l-1861, għamlu xejn inqas minn 930 ċentimetru taʼ xita f’Cherrapunji! U b’kollox niżlu 2,646 ċentimetru taʼ xita tul il-perijodu taʼ 12-il xahar bejn l-1 t’Awissu, 1860, u l-31 taʼ Lulju, 1861. Bejn wieħed u ieħor, illum ix-xita tinżel f’Cherrapunji għal 180 jum fis-sena. Ix-xita tkun l-iktar qawwija minn Ġunju sa Settembru. Peress li fil-biċċa l-kbira x-xita tinżel matul il-lejl, dawk li jżuru l-belt jistgħu jgawdu ż-żjara turistika tagħhom bla ma jsiru għasra b’xi ħalba xita qawwija.
Diffiċli temmen kif, meta tinżel daqstant xita, dan ir-reġjun jistaʼ qatt ikun nieqes mill-ilma. Madankollu, dan spiss jiġri matul ix-xhur tax-xitwa. Fejn imorru dawn l-ilmijiet kollha? Peress li sar ħafna u ħafna tqaċċit taʼ siġar sewwa sew ftit ’il barra minn Cherrapunji, ħafna mill-ilma tax-xita jinżel ’l isfel mill-inħawi għoljin u jimla x-xmajjar fil-pjanuri taʼ isfel li ħafna minnhom inixxu għal ġol-Bangladexx. Hemm il-ħsieb li jsiru proġetti għall-ilqugħ taʼ l-ilma tax-xmajjar u għall-bini taʼ ġibjuni kbar. Imma skond is-sultan tat-tribù taʼ Mawsynram, G. S. Malngiang, ma sar “ebda sforz serju biex tissolva l-problema taʼ l-ilma.”
Iż-żjara lejn Cherrapunji kienet tabilħaqq waħda eċċitanti u edukattiva. Il-post tassew għandu xenarju mill-isbaħ x’joffri! U hemm fjuri veru sbieħ, inkluż xi 300 speċi taʼ orkidej u speċi unika taʼ pjanta karnivora magħrufa bħala nephenthes kasiana. Iktar minn hekk, hemm varjetà kbira taʼ annimali salvaġġi u ħxejjex x’tammira, għerien tal-ġebla tal-ġir x’tesplora, u megaliti x’teżamina. L-imsaġar kbar tal-larinġ f’dawk l-inħawi jipproduċu din il-frotta kollha meraq u jagħmlu possibbli l-produzzjoni naturali taʼ għasel delizzjuż tal-larinġ. Dan kollu hemm lest għal kulmin iżur Meghalaya, “dar is-sħab,” u Cherrapunji, wieħed mill-iktar postijiet fejn tagħmel xita fid-dinja.
[Nota taʼ taħt]
a Il-Muntanja Waialeale fuq il-gżira taʼ Kauai fil-Ħawajj u l-villaġġ taʼ Mawsynram, li jinsab xi 16-il kilometru ’l bogħod minn Cherrapunji, ġieli kellhom medja taʼ xita iktar minn Cherrapunji.
[Mappa f’paġna 14]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
INDJA
Cherrapunji
[Sors]
Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.
[Stampa f’paġna 15]
Nixxigħat taʼ l-ilma jgelglu mill-għoli ferm u jisqu x-xmara li tgħaddi minn ġol-wied
[Stampa f’paġna 15]
Din l-ispeċi unika tal-pjanta karnivora “nephenthes kasiana” ssibha biss f’din ir-rokna tad-dinja
[Sors]
Ritratt meħud minn Matthew Miller