Mingħand il-Qarrejja
L-Irquqija L-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għala Jien Daqshekk Irqiq?” kien taʼ interess kbir għalija. (8 t’Ottubru, 2000) Jien mara taʼ 32 sena, imma minn dejjem kont niexfa għuda u nistħi ħafna minħabba d-dehra tiegħi. Minn dejjem kienu jinkuni b’ismijiet bħal Zokk taʼ Sulfarina u Saqajn l-Għasfur. Dan taʼ spiss kien jagħmilni dipressa. Għoġobni meta għedtu li għandna nfittxu nies li japprezzaw dak li aħna minn ġewwa. Il-Kristjani m’għandhomx iċekknu lil oħrajn minħabba d-difetti fiżiċi tagħhom.
W. L., Stati Uniti
L-Univers Grazzi ħafna għas-serje “L-Univers—Beda Dan Jeżisti b’Kumbinazzjoni?” (8 t’Ottubru, 2000) Jien qegħda fl-ewwel sena tiegħi bħala studenta tal-bijoloġija, u l-artikli kienu bħall-kotba taʼ l-iskola—imma miktubin bit-tema taʼ Ħallieq intelliġenti minflok bit-teorija taʼ l-evoluzzjoni. Kemm hu pjaċevoli li tara dan it-tagħrif preżentat b’mod veru u raġunevoli!
K. L., Stati Uniti
Ħadt ħafna gost bis-serje “L-Univers—Beda Dan Jeżisti b’Kumbinazzjoni?” (8 t’Ottubru, 2000) Kien tassew interessanti li nara kif Alla Jehovah ħalaq kollox b’mod daqshekk organizzat. L-artiklu juri biċ-ċar li aħna ġejna permezz tal-ħolqien u mhux taʼ l-evoluzzjoni.
E. V., Stati Uniti
Il-Borża Grazzi għall-artiklu realistiku “Is It Wise to Invest in the Stock Market?” (Awake! tat-8 t’Ottubru, 2000) L-esperjenza għallmitni biex noqgħod attent minn informazzjoni kunfidenzjali tat-titoli li ma jkunux ċerti minnha. Din taʼ spiss twassal għal telfiet kbar. Qabel ma wieħed ikun se jixtri t-titoli, ikun għaqli li jikkunsidra s-sitwazzjoni ġenerali tas-suq.
N. B., Ġermanja
Jien ma naqbilx maʼ dak li ntqal li meta wieħed jinvesti fil-Borża ma jkunx qed ipoġġi fiduċja f’alla tal-“Fortuna.” (Isaija 65:11, KŻ) Meta dak li jkun jinvesti flusu f’sistema li tinbidel b’rata mgħaġġla u taħdem mingħajr stabbilità taʼ xejn ikun qed jinvolvi ruħu fil-logħob taʼ l-ażżard.
P. B., Stati Uniti
Nammettu li meta wieħed jinvesti fil-Borża jkun qed jirriskja bil-kbir li jitlef. U, bħal fi kwalunkwe intrapriża tan-negozju, dejjem ikun hemm involuti fatturi taʼ nuqqas taʼ stabbilità. Madankollu, ma jkunx xieraq li jingħad li n-negozju tat-titoli jfisser logħob taʼ l-ażżard. Il-logħob taʼ l-ażżard jinvolvi li tilgħab il-flus mingħajr ma tieħu lura flokhom affarijiet reali. Madankollu, it-titoli jirrappreżentaw sehem attwali fil-pussess taʼ negozju. B’hekk, in-negozju tat-titoli jistaʼ jitqies bħala l-bejgħ u x-xiri t’affarijiet leġittimi.—ED.
Sport Estrem Reċentement ngħatajt l-opportunità biex nittajjar mill-għoli permezz taʼ tip taʼ ‘tajra’ kbira ħafna. Bdejt nitħajjar imma kont kurjuża dwar xi tgħid il-Bibbja fuq din il-kwistjoni. Ftit jiem wara, irċivejt it-tweġiba fl-artiklu tagħkom “‘Sport Estrem’—Għandek Tieħu r-Riskju?” (8 t’Ottubru, 2000) Ovvjament li wieħed jieħu sehem f’dan l-isport jistaʼ jidher bħala esperjenza taʼ l-għaġeb. Imma r-relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah hija wisq importanti biex nirriskja ħajti f’dan l-isport.
M.M.S., Brażil
Intom għedtu li t-tentazzjoni taʼ Satana lil Ġesù kienet “x’aktarx permezz taʼ viżjoni.” It-tentazzjonijiet ma kinux esperjenzi veri?
C.G.H., Stati Uniti
Diversi aspetti mir-rakkonti Bibliċi huma diffiċli biex tifhimhom jekk tiħodhom letterali. Per eżempju, m’hemm l-ebda muntanja daqshekk għolja biex Satana juri lil Ġesù “s-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom.” U x’aktarx lanqas Ġesù ma kien verament se jħalli lil Satana ‘jieħdu miegħu fil-Belt imqaddsa’ jew iqegħdu “fuq il-quċċata tat-tempju.” (Mattew 4:5-8) Mela dan juri biċ-ċar li kien hemm involuta xi tip taʼ viżjoni. Saret kif saret, Satana tassew ittantah lil Kristu. Il-fatt li Ġesù rrifjuta li jċedi għal tentazzjoni bħal din juri l-integrità soda tiegħu.—ED.