Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Se Jismaʼ Alla t-Talb Tiegħi?
“Jien nitlob dwar kollox għax Jehovah hu l-ħabib tiegħi, u naf li se jgħinni meta jkolli xi problema.”—Andrea.
IŻ-ŻAGĦŻUGĦA Andrea hija ċerta li Alla jismaʼ t-talb tagħha. Imma mhux iż-żgħażagħ kollha huma ċerti bħalha. Xi wħud iħossuhom ’il bogħod wisq minn Alla biex javviċinawh. Huma jistgħu saħansitra jaħsbu li Alla ma jimpurtahx biżżejjed minnhom u allura m’huwiex vallapena li jitolbu.
X’inhu s-sigriet tat-talb? Fi ftit kliem, huwa li jkollok ħbiberija vera m’Alla. Is-salmista talab: “Fik jittama min jagħraf lil ismek.” (Salm 9:11 [9:10, NW]) Xi ngħidu għalik? Tafu biżżejjed lil Alla biex tafdah li se jismaʼ t-talb tiegħek? Qabel ma tkompli taqra, jekk jogħġbok ipprova wieġeb il-mistoqsijiet fil-kaxxa intitolata “Kemm Tafu Sew lil Alla?” Kemm-il waħda taf twieġeb?
KEMM TAFU SEW LIL ALLA? Tweġibiet f’paġna 27
1. X’inhu l-isem t’Alla, u xi jfisser?
2. Liema erbaʼ attributi prinċipali t’Alla tirrivela l-Bibbja?
3. Liema hi l-akbar espressjoni taʼ l-imħabba t’Alla għall-bnedmin?
4. Kif nistgħu ngawdu ħbiberija m’Alla?
5. X’għandha tkun l-attitudni xierqa tagħna meta nitolbu?
Kapaċi twieġeb għallinqas ftit mill-mistoqsijiet issa, saħansitra qabel ma tkompli taqra l-bqija taʼ l-artiklu? Mela diġà taf dwar Alla iktar mill-biċċa l-kbira tan-nies. Iżda, forsi t-tweġibiet tiegħek jirrivelaw li għandek bżonn iktar għarfien dwaru, li ssir tafu b’mod iktar intimu. (Ġwann 17:3) B’dan f’moħħok, ikkunsidra xi ftit mill-affarijiet li tgħallimna l-Bibbja dwar Semmiegħ it-talb.—Salm 65:3 [65:2, NW].
Alla Huwa Persuna Vera
L-ewwel, il-Bibbja tgħinna nifhmu li Alla m’huwiex xi forza mingħajr personalità. Huwa persuna b’isem, Jehovah. (Salm 83:18, KŻ) Bil-Lhudi dan l-isem ifisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” Jistaʼ jsir dak kollu li hemm bżonn sabiex iwettaq l-iskop tiegħu. Kwantità taʼ enerġija mingħajr personalità ma tistax tagħmel dan! Għalhekk, meta titlob tistaʼ tibqaʼ ċert li ma tkunx qed titkellem maʼ xi forza astratta jew fl-ajru. Tkun qed titkellem maʼ persuna, xi ħadd li jistaʼ kemm jismaʼ kif ukoll iwieġeb it-talb tiegħek.—Efesin 3:20.
B’hekk, iż-żagħżugħa Diana tgħid: “Jien naf li nkun fejn inkun, Jehovah se jismagħni.” Biex ikollok fiduċja bħal din, Alla jrid ikun reali għalik! “Kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti,” tgħid il-Bibbja.—Lhud 11:6.
Sors taʼ Għerf u Qawwa
Alla tassew jistaʼ jgħinna għax il-qawwa tiegħu hi taʼ l-għaġeb. Din il-qawwa hi bla limitu, kif murija fil-kobor u l-komplessità taʼ l-univers. Il-Bibbja tgħid li Jehovah jaf l-isem taʼ kull kewkba—avolja hemm biljuni bla għadd minnhom! Iktar minn hekk, huwa s-sors taʼ l-enerġija kollha li dawn il-kwiekeb għandhom. (Isaija 40:25, 26) M’hijiex xi ħaġa taʼ l-għaġeb din? U huma kemm huma taʼ l-għaġeb dawn il-fatti, il-Bibbja tgħid li “dawn biss intietef taʼ qawwietu”!—Ġob 26:14.
Ikkunsidra wkoll l-għerf bla limitu taʼ Jehovah. Il-Bibbja tgħid li ħsibijietu huma “profondi.” (Salm 92:6, Saydon [92:5, NW]) Hu ħalaq lilna l-bnedmin, u għalhekk jifhimna iktar milli aħna nifhmu lilna nfusna. (Salm 100:3) Peress li ilu jeżisti “minn dejjem taʼ dejjem,” hu għandu esperjenza bla limitu. (Salm 90:1, 2) M’hemm xejn li ma jistax jifhem.—Isaija 40:13, 14.
Kif jużahom Jehovah l-għerf u l-qawwa kollha li għandu? It-2 Kronaki 16:9 jgħid: “Għajnejh jiġru fuq l-art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.” M’hemm assolutament l-ebda problema li jistaʼ jkollok li Alla ma jistax isolviha jew jgħinek tkampa magħha. Iż-żagħżugħa Kayla tiftakar: “Reċentement, meta jien u l-familja tiegħi konna għaddejjin minn żmien diffiċli, tlabt lil Jehovah, u nħoss li hu għenna nissaportu u negħlbu ċirkustanzi, problemi, u sentimenti li waħedna żgur ma stajniex nifilħu għalihom.” Meta titkellem m’Alla, int tkun qed iddur lejn is-sors taʼ l-għerf. Ma tistax tagħmel xi ħaġa aħjar!
Alla taʼ Ġustizzja u Mħabba
Imma kif taf li Alla jrid jgħinek? Għax Jehovah ddeċieda li jkun magħruf mhux biss mill-qawwa immensa tiegħu jew mill-għerf profond tiegħu jew saħansitra mill-ġustizzja soda tiegħu. Pjuttost, Jehovah huwa l-ewwelnett magħruf għall-attribut tiegħu li hu l-imħabba. “Alla hu mħabba,” tgħid l-iskrittura taʼ l-1 Ġwann 4:8 (korsiv tagħna). U għandna nkunu fiduċjużi li permezz taʼ din l-imħabba kbira hu se jismaʼ t-talb tagħna. L-akbar espressjoni taʼ mħabbtu kienet li ta lil Ibnu bħala sagrifiċċju li bih ħallas il-prezz tal-fidwa, sabiex inkunu nistgħu ngawdu ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 3:16; 1 Ġwann 4:9, 10.
Peress li Alla hu mħabba, qatt m’għandek għalfejn tibżaʼ li hu se jinjorak jew jittrattak b’mod inġust. “Ilkoll ġusti t-triqat tiegħu,” tgħid l-iskrittura taʼ Dewteronomju 32:4. L-imħabba li Alla għandu lejk tassigurak li hu se jagħtik widen b’attenzjoni. Dan jagħmilna fiduċjużi biex naqsmu l-iktar ħsibijiet u sentimenti privati miegħu.—Filippin 4:6, 7.
Ħbiberija m’Alla
Attwalment, Jehovah jistidinna biex nitkellmu miegħu. Ma jridx ikun stranġier għalina. Għall-kuntrarju, matul l-istorja umana Jehovah stieden lin-nies biex ikunu l-ħbieb tiegħu. Fost dawk li gawdew ħbiberija m’Alla u li kienu għal qalbu, kien hemm irġiel u nisa, żgħar u kbar. Dawn kienu jinkludu nies bħal Abraham, is-Sultan David, u Marija, omm Ġesù.—Isaija 41:8; Luqa 1:26-38; Atti 13:22.
Int ukoll tistaʼ tkun wieħed mill-ħbieb taʼ Jehovah. M’għandniex xi ngħidu, li jkollok ħbiberija bħal din ma jfissirx li trid tqis lil Alla bħala xi ġenju bħal tal-lampa t’Aladdin, li tikkomunika miegħu biss meta jkollok xi xewqa jew problema. It-talb tagħna ma jistax ikun iċċentrat biss fuq il-bżonnijiet tagħna. Jekk irridu l-ħbiberija t’Alla, għandna nieħdu interess fir-rieda tiegħu—mhux f’tagħna biss—u rridu attwalment nagħmluha r-rieda t’Alla. (Mattew 7:21) Għalhekk, Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jiffokaw it-talb tagħhom fuq l-affarijiet li huma importanti għal Alla. Hu qal: “Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.’” (Mattew 6:9, 10) It-talb tagħna jrid ikun ukoll mimli tifħir u ringrazzjament lil Alla!—Salm 56:13 [56:12, NW]; 150:6.
Minkejja dan, qatt m’għandna naħsbu li l-bżonnijiet jew il-ħsibijiet tagħna huma insinifikanti jew taʼ ebda importanza biex noqogħdu nitolbuh dwarhom. “Avolja nipprova nkun sinċier miegħu,” jgħid Steve, “xi drabi nħoss li m’għandix indejjaq lil Alla bl-irqaqat taʼ kuljum.” Kull darba li tibda tħossok hekk, ipprova ftakar x’għallem Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla. . . . Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew.” (Luqa 12:6, 7) M’hijiex xi ħaġa li sserrħilna moħħna din?
Mela, huwa iktar faċli li tifhem li iktar ma tkun taf fuq Jehovah, iktar se titqanqal biex tavviċinah fit-talb u iktar se jkollok fiduċja li Jehovah jistaʼ u se jgħinek. Għalhekk, x’għandha tkun l-attitudni mentali tiegħek meta tavviċina lil Alla fit-talb? Trid turi rispett, umiltà, u ma tkunx egoist. Taħseb li xi ħadd li għandu pożizzjoni għolja fid-dinja jagħtik widen jekk titolbu xi ħaġa bi kburija jew mingħajr rispett? Mela m’għandekx għalfejn tistagħġeb li Jehovah wkoll jistenna li tirrispetta lilu u l-livelli tiegħu qabel ma jwieġeb it-talb tiegħek.—Proverbji 15:29.
Eluf taʼ żgħażagħ li għandhom il-biżaʼ t’Alla tgħallmu jiftħu qalbhom m’Alla. (Salm 62:9 [62:8, NW]) “Meta Jehovah jwieġeb it-talb tiegħi,” jgħid Brett, “inħossni inkuraġġit għall-fatt li hu għadu hemmhekk bħala l-ħabib tiegħi.” Xi ngħidu għalik? Kif tistaʼ tgawdi l-istess tip taʼ ħbiberija m’Alla? Żewġ żgħażagħ Kristjani offrew dawn il-kummenti li ġejjin:
Rachel: “Biex inkun eqreb taʼ Jehovah, inħoss il-bżonn taʼ studju iktar fil-fond tal-Kelma t’Alla, u qed nipprova nkun imxennqa għal dan l-istudju.”—1 Pietru 2:2.
Jenny: “Inħoss li iktar ma tkun involut fis-servizz tiegħu, iktar tħossok qrib taʼ Jehovah.”—Ġakbu 4:8.
Ġieli ħsibt kemm hu taʼ benefiċċju t-talb? Waħda żagħżugħa tgħid: “Naħseb li nħossni iktar qrib t’Alla li kieku jkellimni jew jibgħatli messaġġ.” Ladarba Jehovah ma jweġibniex b’mod li jinstemaʼ meta nitolbuh, kif jistaʼ t-talb tassew jgħinna? Dan se jiġi diskuss f’ħarġa fil-futur.
[Kaxxa f’paġna 27]
Tweġibiet għall-mistoqsijiet f’paġna 25
1. Jehovah. Dan ifisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.”
2. Imħabba, qawwa, ġustizzja, u għerf.
3. Hu bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù, biex imut għalina.
4. Billi ma nkunux biss interessati dwar il-bżonnijiet tagħna, imma nieħdu interess fir-rieda t’Alla u nagħmluha.
5. Irridu nuru umiltà, rispett, u ma nkunux egoisti.
[Stampi f’paġna 26]
Li tistudja l-Bibbja u titgħallem mill-ħolqien se jgħinek tkun taf iktar lil Alla