Id-Drogi Min Jiħodhom?
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AFRIKA T’ISFEL
“KULĦADD jieħu d-drogi.” Din il-frażi ġenerali tistaʼ tintuża biex twassal lil uħud li jibilgħu kollox biex jesperimentaw bi drogi illegali. Imma dan il-kliem jistaʼ jkollu ħjiel taʼ verità fih, skond x’nifhmu biha l-kelma “drogi.”
Il-kelma “droga” ġiet definita bħala: “Kwalunkwe sustanza kimika, sew taʼ oriġini naturali u sew sintetika, li tistaʼ tintuża biex tbiddel [il-kapaċità tal-moħħ], il-burdata, jew stati psikoloġiċi oħrajn.” Din hija deskrizzjoni utli u ġenerali tad-drogi li jeffettwaw il-moħħ jew l-imġiba, għalkemm ma tinkludix lil ħafna drogi mediċinali li jintużaw għall-mard fiżiku.
Skond din id-definizzjoni, l-alkoħol huwa droga. Il-periklu jiġi meta dan ma jintużax bil-moderazzjoni, u din hija xi ħaġa li milli jidher qed tiżdied. Fi stħarriġ fil-kulleġġi u l-universitajiet f’pajjiż wieħed fil-Punent instab li l-akbar problema taʼ drogi fost l-istudenti tal-kulleġġi u l-universitajiet hija x-xorb eċċessiv. L-istħarriġ wera li 44 fil-mija taʼ l-istudenti kienu jagħmlu bawxata bix-xorb.a
Bħall-alkoħol, it-tabakk jistaʼ jinkiseb legalment, għalkemm fih velenu qawwi, li hu n-nikotina. Skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, it-tipjip joqtol madwar erbaʼ miljun ruħ fis-sena. Madankollu, il-barunijiet tat-tabakk huma membri għonja u rispettati fis-soċjetà. Ukoll, it-tipjip tas-sigaretti jwassal lil dak li jkun biex jiddependi ħafna fuqu, forsi iktar milli jagħmlu drogi illegali oħrajn.
F’dawn l-aħħar snin bosta pajjiżi poġġew restrizzjonijiet fuq ir-reklamar tat-tabakk u fuq affarijiet oħra. Madankollu, ħafna nies xorta jqisu t-tipjip bħala attività soċjali aċċettabbli. L-industrija tal-films tkompli tagħmel it-tipjip jidher bħala xi ħaġa attraenti. Fi stħarriġ li sar minn Università f’Kalifornja ġewwa San Francisco fuq l-iktar films li għamlu qligħ bejn l-1991 u l-1996, instab li 80 fil-mija tal-protagonisti rġiel kellhom il-parti taʼ nies li jpejpu.
Xi Ngħidu dwar Drogi “Mhux Perikolużi”?
Id-drogi mediċinali żgur li għamlu l-ġid lil ħafna nies, imma dawn jistgħu jintużaw b’abbuż. It-tobba xi kultant jistgħu jordnaw il-mediċini malajr wisq, jew ikollhom pressjoni mill-pazjenti biex jiktbulhom riċetti għal mediċini li ma jkunux meħtiġin. Wieħed tabib ikkummenta: “It-tobba mhux dejjem jieħdu l-ħin biex joqogħdu bil-qiegħda mal-pazjent ħalli jsolvu x’ikun qed jikkaġuna s-sintomi tiegħu. Huwa iktar faċli li tgħid, ‘Ħu din il-pillola.’ Imma hekk ma tiġix trattata l-problema prinċipali.”
Anki drogi li m’għandhomx bżonn riċetta tat-tabib, bħall-aspirina u l-paracetamol (Tylenol, Panadol), jekk isir abbuż minnhom dawn jistgħu jwasslu għal problemi serji taʼ saħħa. Iktar minn 2,000 ruħ mad-dinja kollha jmutu kull sena għax jużaw ħażin il-paracetamol.
Skond id-definizzjoni li tajna iktar qabel, il-kafeina fit-te u l-kafè wkoll hija droga, għalkemm ma nqisuhiex hekk meta fil-għodu nixorbu dik it-tazza te jew kafè għal qalbna. U jkun banali li nqisu xarba bħat-te u l-kafè, li huma tant aċċettati fis-soċjetà, bl-istess mod kif inqisu d-drogi qawwijin ferm bħall-eroina. Kieku nkunu qisna qed inqabblu qattus ċkejken maʼ ljun feroċi. Madankollu, skond xi esperti tas-saħħa, jekk għandek id-drawwa li tixrob iktar minn ħames kikkri kafè jew disaʼ kikkri te kuljum, tistaʼ tagħmel il-ħsara lilek innifsek. Iżjed minn hekk, jekk tkun tieħu ammont kbir u tnaqqsu kważi għalkollox, tistaʼ tħoss is-sintomi taʼ l-astinenza bħalma ġralha waħda li kienet tixrob ħafna te. Din bdiet tirremetti, tħoss uġigħ kbir taʼ ras, u saret sensittiva għad-dawl.
Xi Ngħidu dwar l-Użu Illegali tad-Drogi?
Kwistjoni oħra—l-użu tad-drogi fl-isports—hija kwistjoni li tqajjem iktar kontroversji. Dan intwera ċar fit-Tour de France taʼ l-1998 meta d-disaʼ ċiklisti tat-tim li kien fuq quddiem tkeċċew talli użaw drogi biex jgħinuhom isuqu aħjar. L-atleti ħasbu f’diversi modi kif jistgħu ma jinqabdux mit-testijiet li jsirulhom għad-drogi. Ir-rivista Time tirrapporta li xi wħud saħansitra waslu biex jagħmlu “‘trapjanti taʼ l-awrina,’ jiġifieri [li] l-awrina ‘nadifa’ taʼ xi ħadd ieħor tiddaħħal fil-bużżieqa taʼ l-awrina tagħhom permezz taʼ kateter, li taʼ spiss tkun proċedura taʼ wġigħ.”
Għadna lanqas biss bdejna niddiskutu l-għadd taʼ l-għaġeb taʼ drogi illegali użati għal skopijiet taʼ “rikreazzjoni.” Dawn jinkludu l-marijuana, l-ecstasy (methylenedioxy-methamphetamine, jew MDMA), LSD (lysergic acid diethylamide), stimulanti bħall-kokaina u l-amfetamini, dipressanti bħall-kalmanti, u l-eroina. Ma rridux ninsew ukoll id-diversi xammiema, bħall-kolla u l-petrol, li huma popolari fost iż-żgħar. M’għandniex xi ngħidu, dawn ix-xammiema m’humiex sustanzi projbiti u tistaʼ ssibhom mingħajr inkwiet taʼ xejn.
L-idea komuni taʼ wieħed drogat niexef għuda jittaqqab f’kamra maħmuġa pesta tistaʼ tkun qarrieqa. Ħafna li jieħdu d-drogi jaġixxu normali mhux ħażin fil-ħajja taʼ kuljum, għalkemm id-dipendenza tagħhom fuq id-drogi żgur li teffettwalhom il-kwalità taʼ ħajjithom xi ftit jew wisq. Madankollu, ma nistgħux inċekknu l-aspett ikrah tal-vizzju tad-drogi. Kittieb wieħed jiddeskrivi kif xi wħud li jieħdu l-kokaina jirnexxilhom jittaqqbu bosta drabi f’temp qasir, tant li ġisimhom jiġi rvinat bit-toqob, bid-demm, u t-tbenġil.
Wara li l-użu illegali tad-drogi kien donnu naqas fl-aħħar tas-snin tmenin, dan issa reġaʼ beda jiżdied mad-dinja kollha. Ir-rivista Newsweek osservat: “L-awtoritajiet ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu biż-żjieda kbira fil-kuntrabandu tad-drogi, żjieda fl-użu tad-drogi taʼ kważi kull tip u nuqqas taʼ fondi—u informazzjoni—meħtieġa biex jiġġildulha.” Il-gazzetta The Star taʼ Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel, qalet li skond l-istatistiċi tal-gvern, “wieħed minn kull erbgħa min-nies fl-Afrika t’Isfel għandu l-vizzju taʼ l-alkoħol jew tad-drogi.”
L-Istitut tal-Ġnus Magħquda għar-Riċerka taʼ l-Iżvilupp Soċjali indika li “dawk li jipproduċu u jittraffikaw id-drogi . . . organizzaw ruħhom fuq skala globali u tefgħu proporzjon kbir tal-qligħ tagħhom mid-drogi f’ċentri finanzjarji li joffru s-segretezza u profitt sabiħ mill-imgħax. . . . It-traffikanti tad-drogi issa jistgħu jirriċiklaw il-qligħ illegali billi jċaqilqu l-flus madwar id-dinja b’mod elettroniku bi ftit kontrolli nazzjonali.”
Milli jidher ħafna Amerikani jistgħu jkunu qed imissu l-kokaina kuljum, avolja ma jkunux jafu. Artiklu fir-rivista Discover spjega li l-biċċa l-kbira tal-flus Amerikani tal-karti fihom traċċi taʼ din id-droga.
Il-fatt hu li llum l-użu tad-drogi, inkluż id-drogi illegali, sar aċċettat minn ħafna nies, u sar jitqies bħala xi ħaġa normali fil-ħajja taʼ kuljum. Meta tikkunsidra l-ħsara tant magħrufa li jikkaġunaw id-drogi illegali, kif ukoll it-tabakk u l-alkoħol, il-mistoqsija ovvja hi, In-nies għala jabbużaw minnhom? Hekk kif noqogħdu naħsbu dwar din il-mistoqsija, jixraq li nirriflettu fuq il-ħarsa tagħna stess dwar id-drogi.
[Nota taʼ taħt]
a Il-bawxata bix-xorb ġiet definita bħala li ‘l-irġiel jieħdu ħames xarbiet jew iktar wara xulxin, u n-nisa jieħdu erbgħa jew iktar.’
[Stampa f’paġna 3]
L-akbar problema taʼ drogi fost l-istudenti tal-kulleġġi u l-universitajiet hija x-xorb eċċessiv
[Stampa f’paġna 5]
Ħafna jqisu s-sigaretti u d-drogi użati għar-“rikreazzjoni” bħala li ma jagħmlux ħsara