L-Abbuż tad-Drogi—Teżisti Soluzzjoni!
“TINSTAB Kwantità Kbira taʼ Kokaina fil-Fliexken taʼ l-Inbid.” L-artiklu tal-gazzetta li kompla wara dan it-titlu spjega kif il-pulizija f’Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel, qabdet tagħbija li ntbagħtet bil-vapur li kienet tikkonsisti fi 11,600 flixkun inbid magħmul fl-Amerika t’Isfel. Imħallat maʼ l-inbid kien hemm bejn 150 u 180 kilogramma kokaina. Jaħsbu li din kienet l-akbar kwantità taʼ kokaina li qatt daħlet fil-pajjiż sa llum.
Waqt li huwa inkuraġġanti li saru dawn is-sejbiet, il-verità hi li l-pulizija taqbad biss madwar 10 sa 15 fil-mija tad-drogi illegali mad-dinja kollha. Sfortunatament, dan jixbah lil ġardinar li jqaċċat ftit weraq mill-ħaxix ħażin imma jħallilu l-għeruq fil-ħamrija.
Il-qligħ kbir li jsir mid-drogi jfixkel l-isforzi mill-gvernijiet biex irażżnu l-produzzjoni u l-bejgħ tagħhom. Fl-Istati Uniti biss, huwa stmat li n-negozju illegali tad-drogi kull sena jammonta għal eluf taʼ miljuni taʼ dollari. Billi hemm daqstant flus involuti, m’hijiex ħaġa kbira li l-pulizija u l-uffiċjali tal-gvern, u anki xi wħud f’pożizzjonijiet għoljin, jaqgħu għall-korruzzjoni.
Alex Bellos, fil-gazzetta The Guardian Weekly, irrapporta mill-Brażil li skond inkjesta parlamentari, “tliet membri tal-kungress, 12-il deputat taʼ l-istat u tliet sindki ssemmew . . . f’lista taʼ iktar minn 800 ruħ mixlijin li kienu involuti fi kriminalità organizzata u traffikar tad-drogi fil-Brażil.” Il-lista kienet tinkludi wkoll “pulizija, avukati, nies tan-negozju, u bdiewa fi 17-il stat mis-27 stat.” Professur tal-politika fl-Università taʼ Brasìlia qal li dawn is-sejbiet jakkużaw is-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà Brażiljana. Jistaʼ jingħad l-istess dwar ħafna soċjetajiet fejn il-qabda tad-drogi tinħass sew fuqhom. Ir-regoli tas-suq fuq il-provvista u d-domanda tad-drogi jżiduha din il-problema.
Meta jqisu li r-restrizzjonijiet legali ftit li xejn huma taʼ suċċess, xi wħud huma favur li ċerti drogi ma jibqgħux kontra l-liġi. L-idea ġenerali hi li l-individwi għandhom jitħallew ikollhom ammonti żgħar taʼ droga għall-użu persunali. Dawn iħossu li l-kontroll mill-gvern imbagħad isir iktar faċli u jonqos ukoll il-qligħ enormi li jagħmlu l-barunijiet tad-droga.
Xi Wħud Jirnexxilhom
Il-kura li tingħata lid-drogati biex jaqtgħu l-vizzju tad-drogi jistaʼ l-ewwel jirnexxilha tbegħedhom minnhom u mbagħad ittejbilhom is-saħħa fiżika tagħhom. Sfortunatament, x’aktarx jistaʼ jiġri li ladarba l-individwu bil-vizzju tad-drogi jmur lura fl-ambjent normali tiegħu, se jkollu t-tentazzjoni li jerġaʼ jibda jiħodhom. Il-kittieb Luigi Zoja jagħti r-raġuni għal dan billi jispjega li ma jistax ikun li sempliċement titneħħa ċerta mġiba mingħajr ma pazjent jibdel totalment il-mod kif jaħseb.
Darren, li semmejnieh fl-artiklu taʼ qabel, sar jaħseb b’mod differenti u dan biddillu ħajtu. Hu jispjega: “Jien kont ateu, imma maż-żmien, avolja kont qed nieħu d-drogi minn fil-għodu sa fil-għaxija, bdejt nirrealizza li bilfors li hemm Alla. Matul perijodu taʼ xahrejn jew tlieta, ipprovajt naqtaʼ d-drogi, imma ħbiebi ma kinux iħalluni nirrifjutahom. Għalkemm kont għadni nieħu d-drogi, bdejt naqra l-Bibbja regolarment qabel ma kont immur norqod. Bdejt nagħmilha inqas maʼ ħbiebi. Darba waħda kemm jien u kemm sieħbi li kont noqgħod miegħu konna mitlufin taħt l-effett qawwi tad-drogi. Jien semmejtlu l-Bibbja. L-għada hu ċempel lil ħuh, li kien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Hu bagħatna għand Xhud li kien jgħix fl-istess belt tagħna, u jien mort s’għandu.
“Domna nitkellmu sal-11:00 p.m., u tlaqt b’xi tużżana pubblikazzjonijiet bħala għajnuna għall-istudju tal-Bibbja. Bdejt nistudja l-Bibbja miegħu u waqaft mill-abbuż tad-drogi u mit-tipjip. Madwar disaʼ xhur wara, tgħammidt bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah.”
M’huwiex faċli li wieħed jaqtaʼ l-vizzju tad-drogi. Michael, li semmejnieh fl-artiklu taʼ qabel, jgħid dwar id-diffikultajiet li kellu meta waqaf jieħu d-drogi wara li kien ilu 11-il sena jiħodhom: “Bdejt insibha bi tqila biex niekol u għalhekk inqast. Kont inħoss ukoll ħafna tingiż, f’daqqa waħda kien ixoqq l-għaraq għalija, u kont nara bħal dija madwar in-nies. Kien ikolli kilba kbira biex nerġaʼ lura għad-drogi, imma l-fatt li beda jkolli relazzjoni iktar mill-qrib maʼ Jehovah permezz tat-talb u l-istudju tal-Bibbja għenni nibqaʼ ħieles.” Dawn il-persuni li qabel kienu jabbużaw mid-drogi jaqblu li kien essenzjali għalihom li jinqatgħu kompletament minn maʼ dawk li kienu jagħmluha magħhom qabel.
Għala l-Isforzi tal-Bnedmin Ifallu
L-abbuż illegali tad-drogi huwa biss aspett wieħed taʼ problema globali li hija bil-wisq akbar. Il-ħażen, il-vjolenza, u l-krudeltà tant jinfluwenzaw lid-dinja li qabdu qabda soda fuqha. Il-Bibbja tgħid: “Id-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) L-appostlu Ġwanni jgħid min hu dan il-wieħed “Ħażin” f’Apokalissi 12:9: “U kien imwaddab id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan [Satana], il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu.”
Minbarra d-dgħjufijiet tiegħu stess, il-bniedem kellu jitħabat kontra dan l-għadu qawwi. Satana huwa dak li kkaġuna l-waqgħa tal-bniedem fil-bidu. Hu determinat li jkompli jagħmel il-ħsara lill-bnedmin u jbegħedhom minn Alla. Milli jidher, il-fatt li l-bnedmin jabbużaw mid-drogi huwa parti mill-istrateġija tiegħu. Hu qed jaġixxi b’rabja kbira għax jaf li “żmien ftit baqagħlu.”—Apokalissi 12:12.
X’Inhi s-Soluzzjoni li Jipprovdi Alla?
Il-Bibbja turi x’inhu l-provvediment kollu mħabba t’Alla biex jifdi lill-bnedmin mill-qagħda midinba tagħhom. Fl-1 Korintin 15:22 jintqalilna: “Bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.” Ġesù kien lest li jiġi fid-dinja bħala bniedem perfett u jissagrifika ħajtu fuq l-art biex jifdi lill-bnedmin mill-effetti tad-dnub u l-mewt.
Ħafna, meta saru jafu r-raġuni għala teżisti l-mewt kif ukoll x’inhi s-soluzzjoni għall-problemi tal-bnedmin, sabu l-motivazzjoni u l-kuraġġ biex jinqatgħu mill-vizzju tad-drogi. Imma l-Bibbja ma tgħinniex biss insolvu l-problema tad-drogi issa individwalment. Din tgħidilna dwar żmien, wara li tispiċċa l-influwenza minn Satana, meta l-gwajijiet kollha tad-dinja, inkluż l-abbuż tad-drogi, se jintemmu għal dejjem.
Il-ktieb taʼ l-Apokalissi jiddeskrivi “xmara taʼ l-ilma tal-Ħajja, ċara daqs il-kristall, tgelgel mit-tron taʼ Alla u tal-Ħaruf.” (Apokalissi 22:1) Din ix-xmara simbolika tirrappreżenta l-provvediment t’Alla permezz taʼ Ġesù Kristu biex jirrestawra l-bniedem għall-ħajja perfetta f’ġenna taʼ l-art. Il-ktieb taʼ l-Apokalissi jiddeskrivi siġar tal-ħajja fl-aqwa tagħhom fuq kull naħa tax-xmara u jgħid: “Il-weraq tas-siġra huma duwa tajba għall-ġnus.” (Apokalissi 22:2) Dan il-weraq simboliku jirrappreżenta l-provvedimenti taʼ Jehovah biex ifejjaq lill-bnedmin u jirrestawrahom għall-perfezzjoni spiritwali u fiżika.
Sa fl-aħħar il-bnedmin se jkunu ħelsin, mhux biss mill-abbuż tad-drogi, imma wkoll mill-gwajijiet u l-problemi l-oħra kollha li jifilġuhom f’din is-sistema mħassra!
[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]
Kemm Hija bla Periklu l-Marijuana?
Għadd taʼ pajjiżi qed jaħsbuha jekk jillegalizzawx il-marijuana, l-iktar minħabba l-użu tagħha fil-mediċina. Instab li din id-droga ttaffi d-dardir kaġunat mill-kimoterapija, u skond l-evidenza din tgħin lil dawk li jkollhom l-AIDS biex jiftħu l-aptit. Intużat ukoll biex ittaffi l-uġigħ.
Filwaqt li ħafna ma jaqblux bejniethom dwar ir-riżultati minn dak li nstab fir-riċerka, testijiet li ġew rapportati fir-rivista New Scientist stabbilew xi wħud mill-effetti tal-marijuana li jagħmlu l-ħsara.
Test li sar fl-Università taʼ Harvard qabbel grupp li kien ipejjep il-marijuana kuljum maʼ grupp li kien jużaha inqas spiss. Instab li ftit kien hemm differenza fit-testijiet regulari tal-moħħ. Madankollu, f’test minnhom li kien jittratta dwar kemm isibuha faċli biex jaddattaw ruħhom għal sitwazzjonijiet ġodda, dawk li kienu jużaw ħafna l-marijuana ġabu ferm inqas punti.
Università oħra ttestjat grupp taʼ wħud li kienu jpejpu l-marijuana regolarment u grupp taʼ wħud li kienu jpejpu sigaretti komuni, fuq perijodu taʼ iktar minn 15-il sena. Dawk li kienu jpejpu l-marijuana ġeneralment kienu jieħdu tlieta jew erbaʼ sigaretti tal-marijuana kuljum. Dawk li kienu jieħdu sigaretti komuni kienu jpejpu 20 sigarett jew iktar kuljum. L-istess numru taʼ nies miż-żewġ gruppi kellhom is-sogħla u l-bronkite. Meta sar eżami fuq il-pulmuni nstab li kienet saret ħsara simili fiċ-ċelluli tal-pulmuni tan-nies miż-żewġ gruppi.
Għalkemm dawk li kienu jużaw il-marijuana kienu jpejpuha ħafna inqas spiss, instab li sigarett wieħed biss tal-marijuana jħalli tliet darbiet iktar qatran minn sigarett komuni. Iktar minn hekk, ir-rivista New Scientist irrapportat: “Dawk li jpejpu l-marijuana jieħdu nifs iktar ’il ġewwa u jżommu n-nifs għal żmien itwal.”
Barra minn dan, instab li ċ-ċelluli taʼ l-immunità tal-pulmuni taʼ dawk li kienu jpejpu l-marijuana kienu 35 fil-mija inqas kapaċi li jiġġieldu l-batterji milli kienu jagħmlu ċ-ċelluli taʼ dawk li kienu jpejpu s-sigaretti komuni.
[Sors]
U.S. Navy photo
[Kaxxa f’paġna 11]
“Akkuża taʼ Niket” Kontra l-Ġenituri
Editorjal fil-gazzetta taʼ l-Afrika t’Isfel Saturday Star esprima ċertu tħassib dwar iż-żjieda kbira fl-abbuż tad-drogi fost iż-żgħażagħ fl-Afrika t’Isfel u kkummenta hekk:
“Li t-tfal tagħna jagħmlu dan [jieħdu d-drogi] taʼ spiss hija akkuża taʼ niket kontrina l-ġenituri u s-soċjetà b’mod ġenerali. Ġimgħa wara l-oħra naqilgħu fwiedna għall-flus, u nqimu fit-tempju tas-suċċess materjali. It-tfal tagħna jiħdulna moħħna, u saħħitna. Ħin taʼ kwalità? Huwa faċli li nagħtuhom il-flus biex neħilsu minnhom. Iktar faċli milli noqogħdu nisimgħuhom—nisimgħu minn xiex jibżgħu, x’qed jittamaw, fuqiex qed jinkwetaw. Il-lejla, hekk kif inkunu bil-qiegħda mal-mejda f’xi restorant jew nirrilassaw quddiem it-televixin, se nkunu nafu x’qegħdin jagħmlu?”
Jew, nistgħu nżidu aħna, se nkunu nafu x’qegħdin jaħsbu?
[Stampa f’paġna 10]
Ħafna sabu l-motivazzjoni biex jinqatgħu mill-abbuż tad-drogi