Epidemija Globali taʼ Mibegħda
HEMM mostru għaddej ħieles. Qed jiġri kemm jiflaħ mal-globu kollu. Dan il-mostru jissejjaħ mibegħda.
Fil-Balkani hemm provinċja li għadha ma rkupratx mill-konsegwenzi koroh taʼ kampanja taʼ tindif etniku li seħħet dan l-aħħar. L-istmerrija li ilha tinġemaʼ għal sekli sħaħ wasslet għall-qtil tal-massa, stupri, nies imkeċċijin, ħruq u serq taʼ djar u rħula, qerda taʼ l-uċuħ tar-rabaʼ u l-annimali, u ġuħ kiefer. Għad hemm ukoll ħafna mini splussivi taħt l-art.
F’Timor tal-Lvant, fix-xlokk taʼ l-Asja, 700,000 ruħ imwerwrin kellhom jaħarbu mill-kefrija tal-qtil, swat, sparar bl-addoċċ, u t-tkeċċija bil-forza. Ħallew warajhom art irvinata minn gruppi militari m’humiex awtorizzati. “Inħossni qisni annimal ikkaċċjat,” qal imbikki wieħed mill-vittmi.
F’Moska bini t’appartamenti sar ragħad bi splużjoni taʼ bomba kbira mit-terroristi. Inqatlu 94 ruħ innoċenti—fosthom tfal—u l-iġsma tagħhom xterdu ’l hemm u ’l hawn bl-isplużjoni. Iktar minn 150 ruħ sfaw feruti. Wara ġrajja taʼ tkexkix bħal din, in-nies qed jistaqsu, ‘Min imissu issa?’
F’Los Angeles, Kalifornja, razzist spara fuq grupp taʼ tfal żgħar Lhud li għadhom ma jmorrux l-iskola u iktar tard qatel pustier Filippin.
Il-mibegħda jixirqilha li tissejjaħ epidemija globali. Kważi kuljum, ir-rapporti taʼ l-aħbarijiet juru x’jiġri meta l-istmerrija razzjali, etnika, jew reliġjuża tingħaqad mal-ksur tal-liġi. Naraw ġnus, komunitajiet, u familji mfarrkin. Naraw pajjiżi involuti f’ġenoċidju fuq skala kbira. Naraw atti terribbli li ma jixirqux lill-bnedmin, u dawn jitwettqu sempliċement għax xi nies jitqiesu “differenti.”
Biex xi darba l-mostru msejjaħ mibegħda jissakkar f’gaġġa, irridu nifhmu minfejn hi ġejja din il-vjolenza mimlija mibegħda. Il-mibegħda tinsab fil-ġeni tan-nies? Hija mġiba li n-nies jitgħallmuha? Huwa possibbli li jintemm iċ-ċiklu tal-mibegħda?
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
Kemal Jufri/Sipa Press