Ħajti Bħala Artista
KIF RAKKONTAT MINN SHIZUKO KAWABATA
“Ix-Xhieda taʼ Jehovah, in-Nies Eċċellenti li Qed Jiddikjaraw l-Aħbar Tajba mad-Dinja Kollha”
kien it-titlu taʼ waħda mill-pitturi tiegħi li dehru f’wirja taʼ l-arti f’Versailles, Franza, fl-1999.
INQAS minn ġimgħa qabel il-wirja, ix-Xhieda taʼ Jehovah fi Franza kienu qassmu 12-il miljun fuljett madwar il-pajjiż kollu li bih inġibdet l-attenzjoni għall-mod inġust kif ittrattahom il-gvern. Għall-pittura tiegħi li kienet tfaħħar lix-Xhieda, qlajt premju speċjali. Iktar tard, il-persuna li ħadet ħsieb tippreżentah qalet: “Int għandek kuraġġ, imma jien għandi kuraġġ ukoll. Għalhekk qed nippremjak b’dan il-premju speċjali.”
Ħafna artisti jipprovaw iwasslu sensazzjonijiet u emozzjonijiet fil-pitturi tagħhom. Jien hekk nipprova nagħmel. Inpinġi skond kif inħossni, u l-pitturi li nagħmel huma vivaċi, għax jirriflettu l-ferħ u l-hena tiegħi. Meta kont tifla skoprejt kemm hu sabiħ li tgħaqqad il-kreattività mat-tpinġija.
Għala Bdejt Inpitter
Twelidt fl-1920 f’Morioka, il-Ġappun, u l-ġenituri tiegħi kienu tat-tajjeb. Jien u oħti l-kbira kellna għalliema privati li kienu jgħallmuna ż-żfin Ġappuniż, l-arranġamenti tal-fjuri, iċ-ċerimonja tat-te, il-koto (strument mużikali Ġappuniż), il-pjanu, il-kant, u affarijiet bħal dawn. Kollox kien idejjaqni. Meta kienu jiġu l-għalliema, kont naħarbilhom u ninħeba. Is-sefturi kien ikollhom joqogħdu jfittxuni u jkaxkruni lura.
Ħaġa li kont nobgħod kienet li l-lezzjonijiet kienu riġidi. Nies li qatt ma rajthom qabel kienu jiddeċiedu kif għandi niżfen, nirranġa l-fjuri, u nservi t-te. Kont inħossni fgata, bħallikieku bl-ebda mod ma kont kapaċi nimmaġina l-affarijiet jien stess u nagħmel miri persunali. Imma meta kont inpitter, ħadd ma kien joqgħod għassa tiegħi. Ħadd ma kien jgħidli x’għandi nagħmel. Kont insib il-libertà li tant kont nixxennaq għaliha.
Peress li ma kelli l-ebda għalliem privat għall-arti, stajt inkun kreattiva u nivvinta jien, u ħadd ma kien jikkritikani. Bil-mod il-mod sirt iktar kuraġġuża fit-tpinġija tiegħi. Meta kelli madwar 12-il sena, bdejt nieħu l-ingravati tal-ħarir li kellu missieri u npinġi direttament fuqhom. Ftit wara, fl-iskola bdejna nħitu l-ilbiesi. L-għalliema baqgħet imbellha meta rat li kont qasqast in-nofs taʼ quddiem u bdiltu b’materjal abjad. Iżda bħal missieri hi ma qalet xejn.
Il-Ħolm u r-Realtà
Minn mindu kont l-iskola primarja, kont ngħid li nixtieq insir artista meta nikber. Il-mira tiegħi ma kinitx inbidlet, u ridt immur l-università biex nistudja l-arti; imma l-ġenituri tiegħi ma ridunix. Qalu li fil-Ġappun lawrjata fl-arti ma kinitx tiġi aċċettata bħala għarusa. Għalhekk ħadt kors fl-affarijiet tad-dar.
Il-poeżiji barranin u l-kotba barranin kienu jogħġbuni u kont naqra ħafna minnhom. Madankollu, dak iż-żmien dawn kienu jiġu kritikati bħala letteratura taʼ l-għadu. Anki li jkollok din il-letteratura kien perikoluż. Fl-iskola kont għamilt ħames snin nistudja l-Franċiż m’għalliema Franċiża, imma l-affarijiet inbidlu fil-Ġappun tant li jekk wieħed kien juri interess fil-lingwi barranin kien jitqies b’suspett. Konna mċaħħdin mil-libertà tal-kelma.
Fl-1943, hekk kif it-Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-aqwa tagħha, wieħed raġel li kien ra 40 ritratt taʼ nisa żgħażagħ taʼ l-età taż-żwieġ, kien għażel lili biex forsi nkun il-mara tiegħu u dan ħassejtu kumpliment kbir għalija. Iktar tard sirt naf li ommu u l-ħabiba tagħha kienu ġew fl-inħawi tagħna u qagħdu jgħassuli baxx baxx. Wara, il-familja tagħhom bagħtet proposta formali taż-żwieġ lill-familja tagħna, u lili pperswadewni biex naċċettaha. Jien iltqajt maʼ dan ir-raġel darba biss qabel it-tieġ tagħna.
Wara li żżewwiġna, ħajjitna kuljum kienet tkun fil-periklu minħabba attakki mill-ajru, u fl-aħħar id-dar tagħna saret ħuġġieġa nar bħall-bqija tal-belt. Dawk minna li baqgħu ħajjin fittixna l-kenn fil-muntanji, imma anki hemmhekk konna nisimgħu s-sireni u naraw l-ajruplani tal-gwerra. Kienet ħaġa ferm tal-biżaʼ. Kulħadd kien qed ibati. L-għaxar snin taʼ wara l-gwerra wkoll kienu martirju.
Minbarra t-tlett itfal tagħna, magħna kienu joqogħdu wkoll il-kunjata tiegħi u sitta minn ħut ir-raġel tiegħi. Għalkemm konna nħaddmu s-sefturi magħna, ilkoll kemm aħna kellna naħdmu fir-rabaʼ sabiex nieklu. Matul dak il-perijodu kont qalbi sewda ħafna u kont insejt kif nidħaq. Imma kont nibżaʼ li jekk nesprimi s-sentimenti tiegħi bil-kliem x’aktarx li kont se niġi mifhuma ħażin. Iżda, bil-mod il-mod sibt li stajt nesprimi dak li nħoss permezz taʼ l-arti tiegħi.
Kif Sirt Magħrufa Bħala Artista
Persuna li jkollha talent artistiku wkoll trid tagħmel sforz kbir biex tikseb riżultati tajbin. Allura kont nixtri kotba dwar l-arti, u studjajt taħt il-ħarsien taʼ diversi artisti mill-aqwa fil-Ġappun. Ħadd minnhom ma ssuġġerieli li nibdel l-istil li kont diġà żviluppajt bħala żagħżugħa.
Il-kritiċi taʼ l-arti bdew jinnotaw xogħli, però kont inpitter għas-sodisfazzjon tiegħi stess u mhux biex nuri l-pitturi lil ħaddieħor. Iżda, maż-żmien qamitli l-kurżità dwar x’jaħsbu n-nies dwar il-pitturi tiegħi. Għalhekk, fl-1955, tellajt l-ewwel wirja tiegħi fil-Ginza taʼ Tokjo. Kien jisimha “Taħbit Sieket, Kliem Sieket, Id-Djarju Tiegħi,” u kienet tesprimi l-ħajja taʼ kuljum bil-pitturi. Il-wirja kellha suċċess.
Kif Iltqajt max-Xhieda
Fl-1958 morna bħala familja noqogħdu f’Tokjo għax jien u r-raġel xtaqna li wliedna jattendu skejjel tajbin u jkollhom l-aħjar edukazzjoni possibbli. Ħajti kienet tiċċentra fuq il-pittura. Kienet saret id-drawwa tiegħi li nqattaʼ madwar ħames sigħat kuljum inpitter. Bil-lejl jien kont noħroġ maʼ ħbiebi artisti, u r-raġel kien joħroġ m’oħrajn. Ma kellna l-ebda idea kif irrabbu lil uliedna.
Ir-raġel ħafna drabi ma kienx ikun magħna minħabba x-xogħol, allura r-responsabbiltà tat-trobbija tat-tfal waqgħet fuqi, u għalhekk tlift il-fiduċja fija nnifsi. Meta kont tifla, kont nattendi l-iskola tal-missjoni Kattolika, u bdejt naħseb jekk xi tip t’edukazzjoni Biblika kinitx se tgħinhom. Faċċata tad-dar tagħna f’Omori, Tokjo, kien hemm knisja Luterana, u ssuġġerejt lit-tfal li nibdew immorru hemm. Imma qatt ma rnexxielna mmorru.
Minflok, l-għada stess—fil-bidu taʼ l1959—waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah ġiet id-dar tagħna. Malajr sejjaħt lit-tfal kollha, u nġbarna bil-qiegħda nisimgħu. Ix-Xhud spjegatilna mill-Bibbja li qed ngħixu fi żmien speċjali meta Alla dalwaqt se jqaċċat il-ħażen minn fuq l-art. Jien ordnajt erbaʼ Bibbji kif ukoll xi letteratura mill-Bibbja, u mill-ewwel aċċettajt l-offerta tagħha li żżurna kull ġimgħa biex tgħallimna. Staqsejtha kemm kienet se tiħodilna kull xahar għat-tagħlim u bqajt skantata meta sirt naf li x-Xhieda taʼ Jehovah ma jaċċettawx ħlas għax-xogħol taʼ tagħlim tagħhom. Kemm kienu differenti mill-għalliema kollha li kont naf!
Uliedi l-bniet mill-ewwel aċċettaw il-veritajiet Bibliċi, u saħansitra beda jkollna grupp taʼ studju regulari fid-dar tagħna kull ġimgħa. Imma wara ftit studji, bdejt inħossni skomda. Għalija l-waqt taʼ l-istudju kien perijodu iebes, allura xi kultant kont nipprova ninħeba jew noħroġ meta kien imiss l-istudju persunali tiegħi tal-Bibbja.
Il-problema tiegħi kienet li stajt nara li kulma kienet qed tgħid il-Bibbja kien tajjeb u li kelli ninbidel biex niġi naqbel mal-gwida tagħha. Imma fl-istess ħin, kont determinata li nsir artista brava, u kont nemmen li kelli nibqaʼ naħseb b’mod liberu biex inkun kreattiva. Minħabba t-taqlib li kont għaddejja minnu, il-pittura tiegħi bdiet tbati. Fil-wirjiet, il-pitturi tiegħi kienu qed jintefgħu fuq waranett.
Il-Vjaġġ Tiegħi Lejn Pariġi
Ħassejt li żjara f’Pariġi kienet se tgħinni ntejjeb il-pitturi tiegħi. Għalhekk, fl-1960 mort hemmhekk, peress li kienet qed tinżamm wirja kbira biex tintroduċi l-arti Ġappuniża fi Franza. Jien kont l-unika artista mara mill-Ġappun li attendejt. F’Pariġi, id-differenza fil-kundizzjonijiet t’għajxien, fl-ilbies, fl-ideat ġenerali, fil-kulur—f’kollox—kont insibha eċċitanti ħafna. Il-wirja damet għaddejja erbat ijiem, u b’sorpriża għalija l-mexxejja tal-pajjiż attendew għaliha. Madankollu, sorpriża oħra għalija kienet li lin-nisa kienu jogħġbuhom ħafna l-kimoni li kont nilbes. Qtajtha li ndum iżjed.
Billi ma kontx naf kif se nagħmel biex jibagħtuli l-flus mill-Ġappun, bdejt inbigħ il-kimoni tiegħi. B’hekk, stajt inqattaʼ t-tliet xhur taʼ wara nistudja xi xogħlijiet murijin fil-galleriji taʼ l-arti. Taʼ spiss kont niftakar il-kliem taʼ l-artist li l-pittura tiegħu kienet imdendla ħdejn dik tiegħi fil-wirja. Hu qalli: “Jien inpinġi d-dija tax-xemx. Il-pittura tiegħek hija ovvjament skura u sewda għax hija influwenzata mill-filosfi taʼ l-Orjent.”
Koppja miżżewġa mill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Pariġi ġiet iżżurni fl-appartament tiegħi. Wara li dawn it-tnejn ġew kemm-il darba, fl-aħħar qbilt li mmur magħhom għal laqgħa Kristjana. Meta wasalt, bqajt mgħaġġba b’dak li rajt. Waħda mara kienet liebsa kappell kbir aħmar u sabiħ. Oħra kienet liebsa libsa ħadra tgħajjat. Il-ħwejjeġ li kienu lebsin kienu jirriflettu sens taʼ stil u taʼ gosti sbieħ, u għalhekk il-ħarsa tiegħi dwar ix-Xhieda nbidlet kompletament.
Il-programm ukoll impressjonani ħafna. Meta rajt li kienu qed isiru l-istess proċeduri fuq iż-żewġ naħat tad-dinja, bl-istess tagħlim, intbaħt li dan il-grupp u l-attività tiegħu ma kinux tas-soltu. Qalbi tqanqlet għax indunajt li kont qed nissieħeb maʼ nies gwidati minn Alla.
Nieħu d-Deċiżjonijiet
Meta wasalt il-Ġappun, bdejt nieħu l-istudju tal-Bibbja bis-serjetà. Skoprejt li l-linji taʼ gwida tal-Ħallieq tagħna jippermettulna iktar libertà milli kont immaġinajt. B’imħabba, hu tana personalitajiet u talenti individwali kif ukoll il-libertà li niżviluppawhom. Allura rrealizzajt li jekk wieħed isir Xhud taʼ Jehovah ma jfissirx li kellu jċedi l-imħabba tiegħu għall-arti.
Jien u wliedi l-bniet għamilna progress fl-istudju tagħna tal-Bibbja. Waħda minnhom issimbolizzat id-dedikazzjoni tagħha lil Jehovah bil-magħmudija taʼ l-ilma fl-1961, u l-oħra fl-1962. Sa llum il-ġurnata, it-tnejn li huma għadhom jaqdu lil Alla fedelment. Madankollu, jien bqajt inżomm lura. Fl-1965, Lloyd Barry, li dak iż-żmien kien jindokra x-xogħol taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġappun, inkuraġġieni billi qalli: “Aħseb ftit kemm stampi sbieħ se jpinġu n-nies perfetti fil-Ġenna taʼ l-art!” Is-sena taʼ wara tgħammidt.
L-Effett fuq il-Pitturi Tiegħi
Meta nħares lura, nistaʼ nara kif il-bidliet f’ħajti u fil-personalità tiegħi effettwaw il-pitturi tiegħi. Dawk li kont inpinġi fil-bidu kienu mudlama u skuri, għax kienu jirriflettu l-uġigħ, it-tbatija, u d-disprament li kont inħoss. Imma mbagħad tgħallimt mill-Bibbja dwar il-Ħallieq tagħna, il-kwalitajiet taʼ l-għaġeb tiegħu, il-ferħ li jiġi meta nfaħħruh, u l-livelli xierqa li rridu ngħixu bihom. Hekk kif is-sentimenti tiegħi bdew jinbidlu, il-pitturi tiegħi nbidlu wkoll.
Issa nqattaʼ ħafna ħin naqsam il-messaġġ tal-Bibbja m’oħrajn, u dan nagħmlu regolarment. Inħoss ħafna ferħ u kuntentizza meta nitkellem man-nies dwar il-kwalitajiet t’Alla, kif ukoll dwar l-iskop meraviljuż tiegħu li jibdel din l-art f’ġenna taħt il-ħakma taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. Din l-attività bbażata fuq il-Bibbja tagħtini ħafna enerġija, u mbagħad kemm naqbad pinzell u nesprimi dak li nħoss. U hekk kif il-ferħ tiegħi kompla jiżdied u jikber matul is-snin, il-pitturi tiegħi saru iktar vivaċi.
L-Enfasi Hi fuq il-Bibbja
Jien nirċievi talbiet biex nuri l-pitturi tiegħi minn madwar id-dinja kollha—minn Sydney, Vienna, Londra, New York. Imma huma l-Ewropej li l-iktar jammiraw il-pitturi tiegħi. L-esperti mill-Akkademja Rjali taʼ l-Arti f’Louvre ġewwa Pariġi staqsewni: “Kif jistaʼ jkun li Ġappuniża tistaʼ tant titqanqal mill-Bibbja u mill-Kristjanità li l-pitturi tagħha jesprimu ferħ li qatt ma deher f’sekli sħaħ taʼ arti reliġjuża?”
Is-salmista tal-Bibbja, David, esprima s-sentimenti tiegħu permezz tal-mużika, u uża t-talenti mużikali tiegħu biex jgħallem lil oħrajn dwar l-affarijiet taʼ l-għaġeb t’Alla. Il-mira tiegħi hija l-istess. Irrid infaħħar lil Jehovah. Nixtieq minn qalbi li mill-pitturi tiegħi n-nies jindunaw bil-ferħ li jistaʼ jkollhom jekk ikunu jafu lil Jehovah u l-kwalitajiet meraviljużi tiegħu. Kritiku taʼ l-arti qal dwar it-titli tiegħi: “Il-kliem stess taʼ l-artista jiġu evitati bis-sengħa, u b’mod eżatt iġġiegħel lill-Bibbja titkellem.” Inħossni eċċitata ferm meta nara lin-nies jagħrfu l-qawwa tal-Bibbja fil-pitturi tiegħi.
Fl-1995 il-Kunsill Dinji taʼ l-Arti, li huwa organizzazzjoni internazzjonali taʼ l-arti li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Tokjo, tani l-premju taʼ l-ewwel post fost l-aqwa artisti fid-dinja. Il-kunsill irrapporta fuq il-pitturi tiegħi: “L-artista tikkwota kliem mill-Bibbja għat-titli . . . Fil-pitturi kollha tagħha tidher il-Bibbja mpinġija, imma dan hu eżatt xi tfisser il-ħajja għal artista li tgħix kif irid Alla.”
Dan t’hawn fuq jirreferi għall-fatt li jien taʼ spiss indaħħal stampa taʼ Bibbja miftuħa fil-pitturi tiegħi. Dan l-aħħar għaqqadt xi paġni stampati tal-Bibbja mal-pitturi tiegħi. Għalhekk niġbed l-attenzjoni taʼ min jara l-pittura lejn it-titlu li nkun għażilt kif ukoll lejn il-kliem tal-Bibbja u mbagħad lejn il-mod kif jien dan noħorġu fil-pitturi tiegħi.
Fl-1999 xi wħud mill-pitturi tiegħi intwerew f’Bangkok, fit-Tajlandja. Waħda minnhom semmejtha “Kemm Jehovah Għamel l-Art b’Mod Meraviljuż, Waqt li Taha lill-Bniedem biex Jgħammar Fiha,” u oħra, “Talba tas-Sultan David: ‘Jehovah Ħalli Qalb Dan il-Poplu Tkun Ħaġa Waħda Miegħek.’” Ġejt mistiedna fil-palazz tas-sultan tat-Tajlandja flimkien maʼ xi artisti oħrajn. Is-sultan ried jiddiskuti miegħi l-pitturi tiegħi, u staqsieni ħafna mistoqsijiet. Stajt nitkellem miegħu fit-tul u ninkludi xi kummenti dwar it-twemmin tiegħi bbażat fuq il-Bibbja. Wara tajtu pittura bħala rigal.
Matul dawn l-aħħar 35 sena, jien ukoll ħdimt f’kumitati li jiġġudikaw ix-xogħol t’artisti oħrajn. Il-pitturi li nħobb jesprimu emozzjoni. Għalija pittura tkun tajba meta tħallili togħma tajba, billi ġġagħalni nħoss paċi ġewwinija. Jien nammira ħafna l-pitturi li jidhru fil-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah, li jwettqu l-iskop tagħhom taʼ li jirrappreżentaw fedelment il-messaġġ tal-Bibbja.
Barkiet Bħala Qaddejja taʼ Jehovah
Minħabba li npitter, gawdejt opportunitajiet uniċi li nagħti xiehda dwar Alla Jehovah u l-iskopijiet grandjużi tiegħu għall-art. Dan għamiltu waqt intervisti għal artikli f’xi rivisti u fuq programmi televiżivi. Fil-fatt, immur fejn immur u nitkellem maʼ min nitkellem, nipprova nuri lin-nies li huwa permezz tal-fidi, il-ferħ, u l-hena li jiġu milli naqdi lil Alla Jehovah li nistaʼ nagħmel il-pitturi tiegħi.
Jien konvinta illi kieku kelli nċedi l-fidi tiegħi, ma nkunx nistaʼ npitter bħalma nagħmel issa. Imma peress li jien Xhud taʼ Jehovah u peress li l-verità tal-Kelma t’Alla timlieni bil-ferħ u bl-hena, jien nistaʼ npitter.
[Stampa f’paġna 21]
Meta kont f’Pariġi
[Stampa f’paġna 22]
Maż-żewġ uliedi bniet illum