Ġenerazzjoni li Tinsab fil-Periklu
“Sa xahrejn ilu, kont ferħan u attiv. Issa kull x’ħin ikolli ċans nagħmel xi ħaġa, inħossni wisq bla saħħa biex nagħmilha. Inħossni mdejjaq ferm u tant nitlef it-tempra malajr li ma nafx kif l-oħrajn jissaportuni. Diffiċli biex ngħid għala f’daqqa waħda qed inħossni daqshekk mhux f’sikkti.”—Paul.
“Tgħidx kemm nibki u nħossni muġugħa minn ġewwa. Meta ma nkunx muġugħa, inħossni qisni mejta. Ma nieħu gost b’xejn. Sirt niddejjaq mal-ħbieb. Tgħidx kemm sirt norqod. Kważi kuljum ma nkunx niflaħ inqum biex immur l-iskola, u l-marki taʼ l-iskola tgħidx kemm tbaxxew.”—Melanie.
PAUL u Melanie m’humiex l-uniċi li jħossuhom hekk. L-istudji li jsiru juru li kważi 8 fil-mija taʼ l-adolexxenti fl-Istati Uniti qed ibatu minn xi għamla taʼ dipressjoni u li kull sena madwar 4 fil-mija jgħaddu minn dipressjoni serja. Imma l-istatistiċi ma jgħidux il-verità kollha, għax taʼ spiss id-dipressjoni jaħsbuha xi marda oħra jew ma jagħtux kasha. “Fil-fatt,” jgħid David G. Fassler, psikologu taʼ l-adolexxenti, “wara li flejt ir-riċerka li saret fost it-tfal u l-adolexxenti, jien nemmen li iktar minn kwart taż-żgħażagħ jgħaddu minn fażi serja taʼ dipressjoni sakemm ikunu għalqu t-tmintax-il sena.”
Effetti li Jħarbtu lil Dak li Jkun
L-effetti tad-dipressjoni jħarbtu lill-adolexxenti. Fil-fatt, l-esperti jemmnu li d-dipressjoni għandha sehem kbir f’li tikkaġuna problemi fl-adolexxenti bħat-taqlib konness maʼ l-ikel, mard fiżiku kaġunat minn problema mentali, diffikultajiet fl-iskola, u l-abbuż taʼ prodotti li jwaqqgħuhom fil-vizzju.
Xi ħaġa iktar traġika hi li d-dipressjoni ġiet marbuta mas-suwiċidju fost l-adolexxenti. Skond l-Istitut Nazzjonali Amerikan għas-Saħħa Mentali, 7 fil-mija taż-żgħażagħ dipressi serjament joqtlu ruħhom b’idejhom.a Saħansitra dan ma jikxifx kemm hija verament kbira din il-problema, peress li huwa maħsub li għal kull żagħżugħ li jagħmel suwiċidju, hemm ħafna iktar li jipprovaw jagħmluh. Mela mhux taʼ b’xejn li rapport mill-Kunsill taʼ Carnegie fuq l-Iżvilupp taʼ l-Adolexxenti jgħid: “Jekk wieħed illum jittratta l-problemi taʼ l-adolexxenti ħafif ħafif ikun qed jistieden l-għawġ. Traskuraġni bħal din tassew tpoġġi ġenerazzjoni fil-periklu.”
Bla Problemi taʼ Xejn?
Xi wħud ma jistgħux iniżżluha kif l-adolexxenti jistgħu tassew ikunu dipressi. Il-kbar forsi jirraġunaw: ‘Għadhom tfal. Bla problemi taʼ xejn, u żgur m’għandhomx l-inkwiet tal-kbar.’ Imma għandhom jew m’għandhomx inkwiet? Il-fatt hu li l-adolexxenti jiffaċċjaw pressjonijiet li huma iktar qawwija milli jistgħu jaħsbu l-kbar. Dr. Daniel Goleman jgħid kif mill-bidu tas-seklu 20, ġenerazzjoni wara oħra mad-dinja kollha għexet b’riskju li tbati minn dipressjoni qawwija matul il-ħajja iktar milli kellhom il-ġenituri. Jgħid li din id-dipressjoni m’hijiex sempliċement dwejjaq imma tinvolvi nuqqas taʼ interess li jmewwet lil dak li jkun, swied il-qalb, li wieħed jitħassar lilu nnifsu, u li jħoss disperazzjoni tal-biżaʼ. Iżid ukoll li dawn il-fażijiet taʼ dipressjoni qegħdin jibdew minn età dejjem iżgħar.
Xorta waħda, ħafna ġenituri jistgħu ma jaqblux maʼ dan u jgħidu: ‘Aħna għaddejna mill-adolexxenza mingħajr ma waqajna f’dipressjoni. It-tifel tagħna għala qed iħalli s-sentimenti negattivi jirkbuh?’ Imma l-kbar m’għandhomx iqabblu dak li għaddew minnu huma bħala adolexxenti maʼ dak li jgħaddu minnu ż-żgħażagħ taʼ llum. Wara kollox, kull individwu huwa differenti fil-mod kif jara d-dinja taʼ madwaru u kif jirreaġixxi.
Barra minn hekk, l-adolexxenti llum jiffaċċjaw sfida oħra. “Dawn qed jikbru f’dinja ferm differenti minn dik taʼ meta l-ġenituri tagħhom kienu żgħażagħ,” tikteb Dr. Kathleen McCoy fil-ktieb tagħha Understanding Your Teenager’s Depression (Kif Tifhem id-Dipressjoni taʼ l-Adolexxent Tiegħek). Wara li ssemmi għadd taʼ bidliet sinifikanti li saru f’dawn l-aħħar snin, Dr. McCoy tikkonkludi: “L-adolexxenti llum iħossuhom inqas fis-sigurtà, inqas kunfidenti u b’inqas tama milli konna nħossuna aħna ġenerazzjoni ilu.”
Minħabba l-fatt li d-dipressjoni hija komuni fost l-adolexxenti, l-artikli li jmiss se jwieġbu dawn it-tliet mistoqsijiet:
• X’inhuma xi sintomi tad-dipressjoni fost l-adolexxenti?
• Xi jġagħalhom jaqgħu f’din il-kundizzjoni?
• Kif tistaʼ tingħata għajnuna lill-adolexxenti dipressi?
[Nota taʼ taħt]
a Xi esperti jemmnu li n-numru veru huwa ħafna akbar, peress li ħafna mill-imwiet li jintqal li jkunu inċidenti jistgħu jkunu suwiċidji.