LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 11/8 pp. 28-29
  • Il-Mod Kif Alla Juża l-Forza—Huwa Ġustifikat?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Mod Kif Alla Juża l-Forza—Huwa Ġustifikat?
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Abbuż tal-​Forza
  • “Lkoll Ġusti t-​Triqat Tiegħu”
  • Alla Għandu l-​Awtorità
  • Il-Ġudizzji t’Alla—Juru li Alla Kien Kattiv?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Alla Huwa Biss Forza u Mhux Persuna?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • “Ilkoll ġusti t-triqat tiegħu”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Huwa Alla Persuna Reali?
    Stenbaħ!—2011
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 11/8 pp. 28-29

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Il-​Mod Kif Alla Juża l-​Forza—Huwa Ġustifikat?

L-​UŻU qerried tal-​forza sar karatteristika li dejjem kienet preżenti fl-​istorja tal-​bniedem. Skond kalkolu wieħed, fis-​seklu 20 probabbilment 170,000,000 ruħ inqatlu mis-​sistemi politiċi tagħhom stess. Bħalma turi b’mod ċar il-​Bibbja, il-​bnedmin dejjem ħakmu fuq bnedmin oħra u għamlulhom il-​ħsara.​—Koħèlet 8:9.

Meta nqisu kif il-​bniedem uża ħażin il-​forza vjolenti, xi wħud jistgħu jqajmu mistoqsijiet dwar il-​fatt li Alla juża l-​forza tiegħu biex jeqred l-​għedewwa tiegħu. Ma kinux il-​Lhud, taħt il-​kmand dirett t’Alla, li attakkaw u qatlu lin-​nies Kangħanin li kienu jgħixu fl-​Art Imwiegħda? (Dewteronomju 20:16, 17) U ma jgħidx Alla nnifsu li se jfarrak u jġib fi tmiem lill-​ħakkiema kollha li huma kontrih? (Danjel 2:44) Xi wħud sinċieri joqogħdu jaħsbu jekk il-​mod kif Alla juża l-​forza huwiex dejjem ġustifikat.

L-​Abbuż tal-​Forza

Huwa vitali li nifhmu li element importanti taʼ gvern hu l-​abbiltà tiegħu biex juża l-​forza. Amministrazzjoni li ma tistax tinforza l-​ordnijiet tagħha, fil-​fatt, hija bla poter. Per eżempju, kemm hemm nies li minkejja l-​abbużi mill-​pulizija li jiġu rapportati huma lesti li jgħaddu mingħajr il-​protezzjoni provduta minn korp tal-​pulizija? U liema persuna se targumenta b’mod raġunevoli kontra n-​neċessità taʼ sistema taʼ ġustizzja b’saħħitha u effettiva?

Mohandas Gandhi, li kien magħruf għall-​istmerrija li kellu għall-​vjolenza, darba stqarr: “Nissopponu li raġel jibda jiġri qisu wieħed miġnun u rrabjat, b’xabla f’idu, u jibda joqtol lil kulmin jiġi quddiemu, u ħadd ma jażżarda jaqbdu ħaj. Min joqtol lil dan il-​miġnun jirbaħ il-​gratitudni tal-​komunità u jitqies bħala raġel li għamel il-​ġid.” Iva, anki Gandhi ra l-​bżonn tal-​forza f’xi ċirkustanzi.

Ovvjament, l-​abbiltà li tintuża l-​forza hija element neċessarju f’kull xorta taʼ soċjetà stabbli. Ġeneralment, meta n-​nies imaqdru l-​użu tal-​forza, fil-​fatt ikunu qegħdin jikkritikaw l-​abbuż tal-​forza.​—Koħèlet 4:1-3.

“Lkoll Ġusti t-​Triqat Tiegħu”

L-​istorja ma tagħti l-​ebda evidenza li Alla qatt abbuża mill-​poter tiegħu. Hu ma jaħkimx b’forza tirannika. Hu jridna nadurawh għax inħobbuh. (1 Ġwann 4:18, 19) Infatti, Alla ma jużax il-​forza jekk hemm mod ġust kif jistaʼ jevitaha. (Ġeremija 18:​7, 8; 26:​3, 13; Eżekjel 18:32; 33:11) U meta jagħżel li juża l-​forza, dejjem jagħti bosta twissijiet biex min irid jistaʼ jieħu passi biex jirranġa. (Għamos 3:7; Mattew 24:14) Huma dawn azzjonijiet taʼ Alla tiranniku u kattiv?

Il-mod kif Alla juża l-​forza m’għandux x’jaqsam maʼ l-​abbuż tal-​poter mill-​bnedmin li ma jistax jiġi skużat. “Lkoll ġusti t-​triqat tiegħu,” jgħid Mosè dwar Jehovah, “Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx.” (Dewteronomju 32:4) Kontra l-​gvernijiet taʼ bnedmin tiranni, il-​gvern t’Alla m’huwiex ibbażat fuq min għandu l-​iktar poter biex jikkontrolla. Fi kwalunkwe każ, hu uża l-​forza f’armonija maʼ l-​imħabba, l-​għarfien, u l-​ġustizzja perfetti tiegħu.​—Salm 111:​2, 3, 7; Mattew 23:37.

Per eżempju, kien wara ħafna snin taʼ twissija li Alla qered lin-​nies il-​ħżiena fid-​Dilluvju, kien wara ħafna snin taʼ twissija. Kulħadd setaʼ jieħu vantaġġ mill-​protezzjoni taʼ l-​arka u jsalva. Tmienja biss għamlu hekk. (1 Pietru 3:​19, 20; 2 Pietru 2:5) Fi żmien Ġożwè, Iżrael esegwixxa l-​ġudizzju t’Alla fuq il-​Kangħanin korrotti, ġudizzju dikjarat iktar minn 400 sena qabel! (Ġenesi 15:13-21) Tul dak iż-​żmien kollu, il-​Kangħanin ma setgħux baqgħu fl-​għama dwar l-​evidenza qawwija li l-​Iżraelin kienu l-​poplu magħżul t’Alla. (Ġożwè 2:9-21; 9:24-27) Madankollu, l-​ebda nazzjon tal-​Kangħanin ħlief dak tal-​Gibgħonin ma fittex il-​ħniena jew ħa vantaġġ mill-​opportunità li jfittex il-​paċi. Minflok, il-​Kangħanin għażlu li jwebbsu qlubhom kontra Alla.​—Ġożwè 11:19, 20.

Alla Għandu l-​Awtorità

Meta nipprovaw nifhmu l-​mod kif Alla juża l-​forza, irridu nibdew minn verità fundamentali dwar il-​pożizzjoni tagħna quddiemu. “Aħna t-​tafal, u inti l-​fuħħari,” għaraf umilment il-​profeta Isaija. (Isaija 64:7 [64:8, NW]) Ovvjament, bħala l-​Ħallieq taʼ l-​univers, Alla jistaʼ juża l-​forza b’kull mod li jrid. Bħala rikonoxximent għall-​awtorità t’Alla, aħna nistgħu ngħidu, bħalma qal Salamun: “Il-​kelma tas-​sultan fuq kollox qiegħda, u min se jindaħallu f’dak li jagħmel?”​—Koħèlet 8:4; Rumani 9:​20, 21.

Minħabba l-​pożizzjoni li għandu Alla bħala l-​Ħallieq omnipotenti, hu għandu d-​dritt li jagħti jew jieħu l-​ħajja fuq l-​art. Tabilħaqq, il-​bnedmin m’għandhomx id-​dritt u lanqas l-​għarfien biex iqajmu dubji dwar il-​mod kif Alla juża l-​forza. Il-​bniedem għandu jitgħallem iġib il-​mod kif jaħseb fi qbil mal-​mod t’Alla. “M’hux l-​imġiba tagħkom li m’hijiex sewwa?” staqsa Jehovah.​—Eżekjel 18:29; Isaija 45:9.

Is-sens taʼ ġustizzja taʼ Jehovah u l-​imħabba li għandu lejn in-​nies se jġagħluh ineħħi mill-​art lil dawk li jabbużaw mill-​poter u b’mod vjolenti jirfsu fuq id-​drittijiet taʼ ħaddieħor. Dan l-​att taʼ forza se jistabbilixxi kundizzjonijiet ideali fuq l-​art għall-​bnedmin li jħobbu u jridu l-​paċi. (Salm 37:10, 11; Naħum 1:9) Bħala riżultat, il-​gvern t’Alla se jiġi ġustifikat u vindikat għal dejjem.​—Apokalissi 22:12-15.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja