It-“Trakkijiet” Mikroskopiċi li Jinsabu f’Ġismek
ĦAMEST ijiem ilu din kienet ċellula b’nukleu ġo fiha. Imma wara perijodu intens taʼ maturazzjoni u multiplikazzjoni, bi ġbid qawwi, din neħħiet in-nukleu taʼ ġo fiha. Issa saret tissejjaħ retikuloċit. Din x’inhi? Din hija ċellula ħamra tad-demm immatura li tinsab lesta biex tidħol fid-demm li għandek jiġri f’ġismek. Wara jumejn sa erbat ijiem, minn issa, din tinbidel u ssir ċellula ħamra tad-demm matura għalkollox.
Din iċ-ċellula żgħira tixbah ħafna lil trakk. Il-mezz li tuża biex iġġorr it-“tagħbija” tagħha hija l-emoglobina, proteina li ġġorr l-ossiġnu. Huwa kalkulat li matul l-erbaʼ xhur li jdum ħaj, it-“trakk” jivvjaġġa bejn wieħed u ieħor 250 kilometru ġewwa ġismek. Hemm madwar għaxar biljun kapillar (vini tad-demm irqaq ħafna) f’ġismek, u kollha f’daqqa huma twal daqs iċ-ċirkonferenza tad-dinja darbtejn. Hemm bżonn taʼ triljuni taʼ eritroċiti (ċelluli ħomor tad-demm) biex iġorru l-ossiġnu lejn il-partijiet kollha tal-ġisem.
Nistgħu ngħidu li dan it-“trakk” ċkejken huwa l-ħin kollu għaddej fid-demm li għandek jiġri f’ġismek. Il-veloċità tiegħu tvarja skond iċ-ċirkustanzi. Iċ-ċellula tilħaq l-ogħla veloċità tagħha taʼ madwar 120 ċentimetru fis-sekonda meta ssib ruħha fit-“triq prinċipali,” jew l-arterja ħoxna, li toħroġ mill-qalb—l-aorta. Hi u dieħla fit-“toroq sekondarji” tal-ġisem, din iċ-ċellula tnaqqas bil-mod il-mod għall-veloċità medja taʼ 0.3 millimetru fis-sekonda fil-kapillari terminali.
Minfejn Jiġu ċ-Ċelluli tad-Demm
Fi bnedmin adulti normali, il-biċċa l-kbira miċ-ċelluli tad-demm jiġu prodotti fil-mudullun taʼ l-għadam. Kuljum, għal kull kilo piż minn ġismek, il-mudullun taʼ l-għadam tiegħek jipproduċi 2,500 miljun ċellula ħamra, 1,000 miljun granuloċita (ċelluli bojod), u 2,500 miljun platelet. Dan ipatti għal daqstant ċelluli li jmutu kuljum. F’adult normali, kull sekonda jinqerdu u jiġu sostitwiti miljuni taʼ ċelluli ħomor tad-demm.
Issa, sabiex tidħol fid-demm li għandek jiġri f’ġismek mill-mudullun taʼ l-għadam, iċ-ċellula ħamra immatura tersaq viċin il-ħajt taʼ barra taʼ vini żgħar (sinusojdi) li hemm fil-mudullun taʼ l-għadam, tgħaddi minn ġo fetħa żgħira li tissejjaħ por taʼ l-emigrazzjoni (migration pore), u toħroġ fid-demm. Għal madwar tlett ijiem oħra, din tkompli tipproduċi l-emoglobina. Imma wara, meta ssir ċellula ħamra tad-demm matura, jew eritroċit, ma tibqax tagħmel dan ix-xogħol.
Iċ-Ċirkulazzjonijiet Sistemiċi u Pulmunarji
Fis-seklu 17, it-tobba stabbilew li hemm żewġ tipi taʼ ċirkulazzjoni tad-demm. Fiċ-ċirkulazzjoni sistemika, it-“trakkijiet” mikroskopiċi taʼ ġismek, jew iċ-ċelluli ħomor, jibdew jitħarrku mill-qalb għat-tessuti tal-ġisem. Hemmhekk huma jġorru l-ossiġnu u jiġbru l-iskart fl-għamla taʼ dijossidu karboniku. Dan il-proċess jissejjaħ respirazzjoni ġewwinija. Wara dan, iċ-ċelluli ħomor jirritornaw lejn il-qalb. Fiċ-ċirkulazzjoni pulmunarja, it-“trakkijiet” jintbagħtu lejn il-pulmuni. Hemmhekk huma jħottu l-iskart u jerġgħu jgħabbu l-ossiġnu. Għaldaqstant, ġismek jistaʼ jieħu n-nifs permezz taċ-ċirkulazzjoni pulmunarja.
Meta Ma Jkunx Hemm Biżżejjed Ċelluli
Kultant ikun hemm inqas ċelluli ħomor tad-demm min-normal. Din il-kundizzjoni t-tobba jsejħulha anemija. Tistaʼ tiġi kaġunata minn diversi affarijiet, fosthom (1) difett fil-produzzjoni jew maturazzjoni taċ-ċelluli ħomor tad-demm, (2) żjieda fil-qerda tagħhom, u (3) telf kbir taʼ demm. L-anemija tistaʼ tiġi wkoll minn infjammazzjoni kronika jew tumuri.
Il-problemi jistgħu jqumu meta jkun hemm jew iżżejjed jew inkella ftit wisq ħadid fid-demm. Meta jkun hemm ftit wisq ħadid, iċ-ċelluli ħomor ma jkunux jistgħu jimmaturaw b’mod normali. Minħabba f’hekk, iċ-ċelluli jkunu iżgħar u iktar ċari mis-soltu. F’ħafna każijiet, dan id-difett jitranġa billi jingħata l-ħadid. Xi kultant il-livell tal-ħadid fid-demm ikun għoli żżejjed. Dan jistaʼ jiġri meta xi ċelluli ħomor imħassrin jiċċarrtu, u jerħu l-ħadid fis-sistema. Maż-żmien, l-organi kollha tal-ġisem jiġu vvelenati. Xi ħaġa serja ħafna b’mod partikulari hija meta l-qalb tiġi vvelenata. Il-pazjenti li jbatu minn din il-kundizzjoni kważi dejjem imutu minħabba li l-qalb ma tibqax tiflaħ iktar b’mod kroniku.
Tistaʼ timla ħafna kotba biex tispjega x-xogħol kollu li jagħmlu ċ-ċelluli tad-demm f’ġismek, imma huwa evidenti, mill-ftit li rajna hawnhekk, li l-mod kumpless u meraviljuż taʼ kif inhuma magħmulin juri x’għerf kbir għandu l-Wieħed li ddisinja u ħalaq il-ħajja. Wieħed mill-adoraturi tal-qedem tiegħu qal hekk dwar il-Ħallieq kbir u intelliġenti: “Aħna fih ngħixu, nitħarrku u [“għandna l-eżistenza tagħna,” KŻ].”—Atti 17:28.