Kif Tistaʼ Tnaqqas il-Periklu fl-Ikel
HEMM xi periklu meta tiekol? Għandu mnejn li xi statistiċi jwassluk biex tirraġuna hekk. Skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), madwar 130 miljun ruħ fir-Reġjun Ewropew tal-WHO huma effettwati minn mard mill-ikel kull sena. Fl-1998, fir-Renju Unit biss, ġew rapportati ’l fuq minn 100,000 każ t’avvelenament mill-ikel, li kkaġunaw madwar 200 mewta. Huwa kalkulat li fl-Istati Uniti xi 76 miljun marda jiġu kaġunati minn mard mill-ikel kull sena u li minn dawn il-każi, 325,000 ruħ ikollhom bżonn kura fl-isptar u 5,000 minnhom imutu.
Huwa iktar diffiċli biex tikseb kalkoli bir-reqqa minn mal-globu kollu. Madankollu, il-WHO tirrapporta li fl-1998, bejn wieħed u ieħor 2.2 miljun ruħ imutu b’mard konness mad-dijarea—1.8 miljun minnhom huma tfal. Ir-rapport jinnota: “Il-biċċa l-kbira minn dawn il-każi jistgħu jiġu konnessi mat-tinġis taʼ l-ikel u l-ilma tax-xorb.”
Dawn l-istatistiċi jistgħu jidhru enormi. Imma għandhom l-istatistiċi jġagħluk tippanikkja dwar jekk l-ikel tiegħek stess huwiex mingħajr periklu? X’aktarx li le. Ikkunsidra eżempju ieħor. Fl-Awstralja hemm madwar 4.2 miljun każ taʼ mard mill-ikel kull sena—jew madwar 11,500 kuljum! Issa forsi dan jinstemaʼ numru kbir. Imma ħares lejh minn angolu differenti. L-Awstraljani jieklu madwar 20 biljun ikla fis-sena, u inqas minn ikla minn kull 5,000 twassal għall-mard. Fi kliem ieħor, ir-riskju involut f’kull ikla huwa verament żgħir.
Minkejja dan, ir-riskju huwa reali u serju. X’inhuma l-kaġuni għala l-ikel iġib il-mard, u x’jistaʼ jsir biex jitnaqqas ir-riskju?
Il-Kaġuni tal-Mard mill-Ikel
Hemm ħafna mard li jistaʼ jiġi trasmess mill-ikel, u fil-fatt ir-rivista Emerging Infectious Diseases tgħid li hemm iktar minn 200 marda. Imma ftit huma l-affarijiet li jaħtu għal dan il-mard kollu. Skond Dr. Iain Swadling, uffiċjal taʼ l-informazzjoni dwar l-ikel għas-Servizz Internazzjonali għall-Informazzjoni dwar l-Ikel, madwar 90 fil-mija tal-każi kollha tal-mard mill-ikel huma kaġunati “x’aktarx [minn] inqas minn [24]” speċi taʼ mikroorganiżmi. Id-diversi elementi li jikkaġunaw il-mard—il-mikrobi, il-batterji, il-parassiti, it-tossiċi, u affarijiet bħal dawn—kif jidħlu fl-ikel?
Dr. Swadling isemmi ħamsa mill-iktar modi komuni li bihom jiġi kontaminat l-ikel: “Meta jintużaw prodotti taʼ l-ikel nejjin li jkunu kontaminati; meta nies morda jew infettati jippreparaw l-ikel; meta l-ikel ma jintrefax kif suppost u fl-istess ħin il-preparazzjoni ssir diversi sigħat qabel ma jkun se jittiekel; meta prodott taʼ l-ikel jikkontamina lill-ieħor waqt li jkunu qed jiġu preparati għat-tisjir; meta l-ikel ma jkunx ġie msajjar jew imsaħħan biżżejjed.” Tidher kemm tidher tal-biżaʼ, din il-lista fl-istess ħin tagħtina aħbar tajba. Il-biċċa l-kbira tal-mard mill-ikel nistgħu nilqgħulu mill-ewwel. Biex tara x’tistaʼ tagħmel ħalli l-ikel li tiekol ikun mingħajr periklu, innota l-kaxxa f’paġni 8 u 9.
Kif Tagħmel Għażliet Bilanċjati
Meta jqisu d-diversi riskji u l-ħafna tħassib dwar l-ikel, xi nies illum jiddeċiedu li jieħdu l-ħin biex jixtru, jippreparaw, u jieklu iktar ikel frisk. Jekk din l-għażla togħġbok, fittex ħwienet jew swieq fl-inħawi tiegħek li jbigħu prodotti friski u li ma ġie miżjud xejn magħhom. Ktieb maħruġ għall-konsumatur jispjega: “Ħafna konsumaturi jfittxu kuntatt mal-produtturi—jew fis-swieq taʼ kull ġimgħa [fejn jinbiegħu prodotti friski] jew fejn jiġi prodott l-ikel—sabiex jixtru l-prodotti meta jkunu partikolarment friski u jkunu jistgħu jaraw il-produzzjoni taʼ l-ikel u l-oriġini tiegħu.” Din il-prattika tistaʼ tkun t’għajnuna meta tiġi biex tixtri l-prodotti tal-laħam.
B’mod simili, jistaʼ jkun aħjar jekk tixtri prodotti taʼ l-ikel lokali fl-istaġun tagħhom, peress li jistgħu jkunu l-iktar friski. Madankollu, trid tirrealizza li jekk iżżomm maʼ dawn il-livelli, mhux se jkollok għażla kbira taʼ frott u ħaxix is-sena kollha.
Għandek tiekol ikel organiku? Din hija deċiżjoni persunali. Ħafna jogħġobhom l-ikel organiku, u mingħajr ebda dubju xi wħud minnhom ġew imqanqlin minn suspetti dwar it-teknoloġiji ġodda użati fl-industrija taʼ l-ikel. Imma mhux kulħadd jaqbel li l-biedja organika toffri ikel b’inqas periklu.
Huma x’inhuma l-preferenzi tiegħek taʼ l-ikel eżamina bir-reqqa x’tixtri. “Fejn għandu x’jaqsam l-ikel,” tilmenta esperta li ġiet kwotata fil-gazzetta taʼ kull ġimgħa Die Zeit, “il-konsumatur iħares biss lejn il-prezz.” Li tkun konxju tal-prezzijiet huwa taʼ min ifaħħru, imma eżamina l-lista taʼ l-ingredjenti wkoll. Huwa kalkulat li kważi nofs in-nies li jixtru l-ikel fil-pajjiżi tal-Punent ma jiħdux il-ħin jaqraw l-informazzjoni tan-nutrizzjoni li jkun hemm fuq it-tabelli. Huwa veru li f’xi pajjiżi t-tabelli ma jkunux kompluti. Imma jekk trid ikel mingħajr periklu, allura agħmel minn kollox biex teżamina l-ingredjenti.
Kwalunkwe deċiżjoni li tieħu rigward l-ikel li tiekol, x’aktarx li jkollok bżonn li kultant tkun flessibbli, hekk kif taddatta ruħek għar-realtajiet tal-pajjiż fejn tgħix. Għal ħafna nies illum, huwa sempliċement impossibbli—jiswa ħafna flus, jaħli wisq ħin, problematiku żżejjed—biex ikunu żguri li jieklu biss ikel tassew mingħajr periklu f’kull aspett.
Jagħtik dan impressjoni ħażina tad-dinja taʼ llum? Dan huwa sempliċement realistiku. Madankollu, l-aħbar tajba hi li l-affarijiet dalwaqt se jinbidlu għall-aħjar.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 8, 9]
Passi Li Tistaʼ Tieħu
◼ Aħsel. Kun ċert li taħsel idejk bil-misħun u s-sapun qabel ma tipprepara kull ikla. Dejjem aħsilhom wara li tuża t-tojlit, meta tieħu ħsieb il-bżonnijiet iġjeniċi taʼ tarbija jew tifel (bħal meta tbiddillu l-ħarqa jew tnaddaflu mnieħru), jew meta tmiss xi annimal, inkluż dawk miżmumin fid-dar. Aħsel kull għodda tal-kċina, l-injama li tqattaʼ l-ikel fuqha, u l-wiċċ tal-bank bil-misħun u s-sapun wara li tipprepara kull ikla—speċjalment wara li tkun użajt xi laħam, tajr, jew ikel tal-baħar nej. “Aħsel il-frott u l-ħaxix b’ilma fietel,” tissuġġerixxi r-rivista Test, biex tneħħi xi fdal taʼ insetti u pestiċidi. F’ħafna każi, li tneħħi l-ġilda, li tqaxxar, u li tgħalli huma l-aħjar modi biex tnaddaf il-prodotti taʼ l-ikel. Meta jkollok il-ħass jew il-kaboċċi, neħħi u armi l-weraq taʼ barra.
◼ Sajjar sew. Jekk it-temperatura taʼ ġewwa fl-ikel taqbeż is-70 grad Celsius, anki jekk għal ftit ħin, din toqtol kważi l-batterji, il-mikrobi, u l-parassiti kollha. It-tajr għandu jissajjar saħansitra iktar minn hekk, sa 80 grad Celsius. Meta l-ikel jissaħħan irid jilħaq temperatura taʼ 75 grad Celsius, jew irid ikun jaħraq u bil-fwar. Evita li tiekol tajr li laħmu minn ġewwa jkun għadu roża, bajd bl-isfar jew bl-abjad li jkun għadu maħlul, jew ħut li jkun għadu iebes u li ma tkunx tistaʼ taqsmu b’furketta.
◼ Żomm l-ikel separat. Żomm il-laħam, it-tajr, jew l-ikel tal-baħar nej separat minn ikel ieħor il-ħin kollu—meta tixtrih, terfgħu, u tippreparah. Tħallix il-meraq jaqaʼ jew iqattar fuq meraq ieħor jew fuq ikel ieħor. Ukoll, qatt m’għandek tpoġġi ikel misjur f’dixx li qabel kien fih xi laħam, ħut, jew tajr nej, sakemm id-dixx ma jkunx ġie maħsul sew bil-misħun u s-sapun.
◼ Erfaʼ u kessaħ l-ikel sew. Il-friġġ tistaʼ tevita milli jiżdiedu batterji perikolużi, imma t-temperatura trid tkun taʼ 4 gradi Celsius. Il-friżer irid ikun 17-il grad Celsius taħt iż-żero. Erfaʼ l-prodotti taʼ l-ikel li jistgħu jeħżienu fi żmien sagħtejn. Jekk toħroġ l-ikel qabel l-ikla, għatti d-dixxijiet kollha biex ma jiġix dubbien fuqhom.
◼ Oqgħod attent meta tmur tiekol barra. Skond kalkolu li sar, madwar 60 sa 80 fil-mija tal-każi tal-mard mill-ikel f’xi pajjiżi żviluppati jiġu minn ikliet li jkunu msajrin u mixtrijin barra mid-dar. Kun ċert li kwalunkwe restorant li żżur jissodisfa l-livelli taʼ saħħa meħtiġin mil-liġi. Ordna laħam imsajjar sew. Meta tmur tixtri l-ikel minn barra, kun ċert li tieklu fi żmien sagħtejn minn x’ħin tkun xtrajtu. Jekk jgħaddi iktar ħin, erġaʼ saħħnu f’temperatura taʼ 75 grad Celsius.
◼ Armi l-ikel li jkollok xi dubju dwaru. Jekk ikollok xi dubju dwar jekk prodott taʼ l-ikel ikunx tajjeb jew le, aħjar ma tirriskjax u tarmih. Veru li m’huwiex għaqli li taħli l-ikel tajjeb. Madankollu, li timrad minħabba ikel ħażin jistaʼ jiswa ferm iktar flus.
[Sors]
—Fil-biċċa l-kbira bbażat fuq Food Safety Tips, provdut mill-Food Safety Technology Council fl-Istati Uniti.