LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 2/8 pp. 12-15
  • It-Turiżmu Industrija Globali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Turiżmu Industrija Globali
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħafna Pajjiżi Jidħlu fis-​Suq Turistiku
  • Jissodisfaw il-​Ħtiġijiet taʼ Min Imur Vaganza Llum
  • Wara l-​Kwinti taʼ Ċentru Turistiku
  • L-​Angolu l-​Ieħor
  • Turiżmu Bilanċjat
  • X’Nistgħu Ngħidu dwar ir-Rivisti
    Il-Ministeru tas-Saltna—2005
  • Ħarsa lejn id-dinja
    Stenbaħ!—2014
  • Tfittxija Għall-ħajja Komda
    Stenbaħ!—1999
  • Esplojtazzjoni Sesswali Taʼ Tfal Problema Mad-​Dinja Kollha
    Stenbaħ!—1997
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 2/8 pp. 12-15

It-​Turiżmu Industrija Globali

Minn kittieb għal Stenbaħ! fil-​Baħamas

META kienet l-​aħħar darba li għedt, ‘Għandi bżonn vaganza’? Forsi ħassejtek li kellek bżonn taqtaʼ daqsxejn mill-​pressjonijiet tal-​ħajja taʼ kuljum. Ġieli mort vaganza xi mkien ’il bogħod? Ikkunsidra dan: Sa ftit iktar minn mitt sena ilu, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies fid-​dinja ma kinux jieħdu vaganza regolarment. Iżjed minn hekk, f’ħajjithom kollha, ħafna nies ma kinux jitbiegħdu mill-​akkwata taʼ fejn ikunu twieldu b’iktar minn ftit kilometri. Sabiex wieħed imur f’xi destinazzjoni mbiegħda sempliċement għall-​gost jew inkella biex jeduka ruħu ried ikun avventuruż inkella sinjur. Imma llum, mijiet t’eluf taʼ nies mhux biss huma kapaċi jmorru min-​naħa għal oħra taʼ pajjiżhom imma anki tad-​dinja. X’wassal għal din il-​bidla?

Wara r-​rivoluzzjoni industrijali, miljuni taʼ nies daħlu fix-​xogħol tal-​manifattura u fil-​produzzjoni taʼ servizzi. Ir-​riżultat kien li bdew jaqilgħu iktar flus, u għalhekk kellhom iktar x’jonfqu. Barra minn hekk, il-​progress kbir li sar f’daqqa f’dik li hi teknoloġija, ħoloq magni li bdew jagħmlu x-​xogħol li qabel kien isir minn numru kbir taʼ ħaddiema bi spejjeż akbar. B’hekk, ħafna nies beda jkollhom iktar ħin liberu. Barra minn hekk, f’nofs is-​seklu 20 bdew jintużaw mezzi taʼ trasport pubbliku li kienu iktar għall-​but taʼ kulħadd. Minħabba dawn iċ-​ċirkustanzi nfetħu l-​bibien għat-​turiżmu. Imbagħad, l-​industrija ġdida taʼ komunikazzjoni bil-​mezzi tax-​xandir bdiet tnissel ix-​xewqa għas-​safar billi twassal fid-​djar madwar id-​dinja xeni taʼ pajjiżi remoti.

Ir-riżultat kien industrija globali tat-​turiżmu li bdiet tespandi b’ħeffa kbira. L-​Organizzazzjoni Dinjija tat-​Turiżmu (World Tourism Organization [WTO]), kienet qalet, skond ma kien jidher dakinhar, li n-​numru taʼ nies li jivvjaġġaw madwar id-​dinja kien mistenni li minn 613-il miljun, bħalma kien fl-​1997, kien se jibqaʼ tielaʼ sparat għal 1.6 biljun sas-​sena 2020. Maʼ din iż-​żjieda kien hemm żjieda oħra fin-​numru taʼ negozji, ċentri turistiċi, u pajjiżi li joffru faċilitajiet għat-​turisti.

Ħafna Pajjiżi Jidħlu fis-​Suq Turistiku

Idealment, it-​turiżmu huwa arranġament li kull min għandu x’jaqsam fih jibbenefika b’xi mod jew ieħor. Il-​konsumatur jaħrab mir-​rutina tiegħu taʼ kuljum u jfittex il-​fsied, id-​divertiment, jew l-​edukazzjoni. Imma x’benefiċċji għandhom il-​pajjiżi u l-​persuni li joffru s-​servizzi lit-​turisti? It-​turiżmu internazzjonali huwa mod effettiv kif il-​pajjiżi jiksbu flus barranin. Il-​biċċa l-​kbira tal-​pajjiżi għandhom bżonn il-​flus barranin biex iħallsu l-​prodotti u s-​servizzi li jkollhom jimportaw.

Fil-​fatt, rapport mill-​WTO jistqarr: “It-​turiżmu internazzjonali huwa l-​akbar sors t’esportazzjoni li jħalli qligħ fid-​dinja kif ukoll fattur importanti sabiex jitħallsu l-​kontijiet taʼ ħafna pajjiżi. Fl-​1996, id-​dħul mit-​turiżmu internazzjonali laħaq Lm192 biljun fi flus barranin. Dan qabeż sew l-​esportazzjoni taʼ prodotti taż-​żejt, vetturi, apparat tat-​telekomunikazzjoni, tessuti jew kwalunkwe prodott jew servizz ieħor.” L-​istess rapport qal: “It-​turiżmu huwa l-​iktar industrija fid-​dinja li qed tkompli tikber,” u rrappreżenta “sa 10 fil-​mija tal-​Prodott Gross Domestiku.” Mhix ħaġa kbira mela li l-​biċċa l-​kbira tal-​pajjiżi, issa anki xi wħud minn dik li qabel kienet l-​Unjoni Sovjetika, qegħdin—jew qed jgħaġġlu biex jidħlu—fl-​industrija internazzjonali tat-​turiżmu.

Il-qligħ tal-​gvern mit-​turiżmu qed jiġi użat biex itejjeb l-​infrastruttura, jipprovdi livelli ogħla t’edukazzjoni, u jilħaq bżonnijiet nazzjonali oħra importanti. Nistgħu ngħidu li kull gvern huwa konċernat li ċ-​ċittadini tiegħu jkollhom impjieg. Ix-​xogħol li jġib miegħu t-​turiżmu jilħaq dan il-​bżonn.

Sabiex tara l-​effett li għandu t-​turiżmu fuq l-​ekonomija taʼ pajjiż, ikkunsidra l-​eżempju tal-​Baħamas. Dan huwa pajjiż żgħir li jikkonsisti minn numru taʼ gżejjer fuq in-​naħa l-​oħra tad-​daħla tal-​Golf tal-​Messiku, bejn Florida, fl-​Istati Uniti, u l-​gżira taʼ Kuba. L-​agrikultura tal-​Baħamas m’hijiex kbira biżżejjed biex tkun taʼ siwi kummerċjalment, u l-​pajjiż m’għandu kważi l-​ebda materja prima. Imma dawn il-​gżejjer għandhom temp sħun, bajjiet tropiċi fl-​istat oriġinali tagħhom, popolazzjoni żgħira taʼ madwar kwart taʼ miljun persuna dħulija, u qegħdin viċin l-​Istati Uniti—vantaġġi li flimkien ipproduċew industrija tat-​turiżmu li qed trendi sew. Imma x’inhu meħtieġ biex it-​turisti jkollhom vaganza pjaċevoli u ħielsa minn kull periklu?

Jissodisfaw il-​Ħtiġijiet taʼ Min Imur Vaganza Llum

Meta beda t-​turiżmu internazzjonali, l-​esperjenza taʼ li tmur iżżur pajjiż barrani kienet xi ħaġa rari, u għalhekk kienet biżżejjed biex tissodisfa lil ħafna vjaġġaturi. Dan minkejja d-​diffikultajiet kollha li kien hemm f’dak iż-​żmien biex tivvjaġġa. Madankollu, illum, il-​komunikazzjoni bil-​mezzi tax-​xandir speċjalment permezz tat-​televixin tippermetti lil ħafna nies biex jieħdu idea taʼ kif inhuma ċerti pajjiżi ’l bogħod mingħajr ma jħallu l-​kumdità taʼ darhom. Għalhekk issa, iċ-​ċentri turistiċi għandhom l-​isfida li jagħmlu ż-​żjara tat-​turisti esperjenza mill-​isbaħ, filwaqt li jipprovdulhom il-​kumdità taʼ darhom jew aqwa. Barra minn hekk, ladarba ħafna turisti jivvjaġġaw taʼ sikwit, taʼ spiss ikun hemm kompetizzjoni globali bejn id-​destinazzjonijiet.

Dan kollu ġab miegħu żjieda f’dawk li huma ċentri u attrazzjonijiet turistiċi. Per eżempju, ikkunsidra ċerta lukanda kbira ħafna u lussuża fil-​Baħamas. “Il-​propjetà ġiet imfassla biex tagħmel iż-​żjara tiegħek waħda li ma tinsieha qatt,” tgħid Beverly Saunders, direttriċi taʼ l-​iżvilupp taʼ l-​organizzazzjoni fil-​lukanda. “Imma l-​mira tagħna tmur iktar lil hinn. Irridu li l-​kuntatt tiegħek man-​nies lokali jkun wieħed li ma tinsieh qatt ukoll.” Iċ-​ċentri turistiċi kif jipprovaw jissodisfaw il-​ħtiġijiet kollha tal-​mistidnin tagħhom?

Wara l-​Kwinti taʼ Ċentru Turistiku

“Meta l-​propjetà tagħna taʼ 2,300 kamra tkun mimlija, forsi jkollna bejn 7,500 u 8,000 turist x’naqdu f’daqqa,” tgħid Beverly. “Il-​biċċa xogħol li tippjana u tapplika dak li tippjana hija enormi. L-​organizzazzjoni meħtieġa biex tissodisfa l-​ħtiġijiet taʼ dawn it-​turisti kollha hi l-​istess bħal dik meħtieġa biex tmexxi belt żgħira, imma b’iktar sfidi. Irid ikollna l-​ikel kollu li t-​turisti tagħna huma mdorrijin jieklu f’pajjiżhom. Imma jekk irridu li jibqgħu jiftakru l-​esperjenza tagħhom, irridu noffru wkoll ikel u opportunitajiet taʼ rikreazzjoni ħafna iktar differenti mis-​soltu. F’ħafna ċentri turistiċi, 50 fil-​mija jew iżjed mill-​impjegati li jipprovdu servizzi għat-​turisti għandhom x’jaqsmu maʼ l-​ikel u x-​xorb.”

Madankollu, bħalma josserva I. K. Pradhan fil-​komponiment letterarju tiegħu “L-​Effett Soċjo-Kulturali tat-​Turiżmu fin-​Nepal,” “mill-​fatturi kollha li jiddeterminaw il-​pjaċir u l-​gost veru taʼ min ikun qed jivvjaġġa, m’hemm l-​ebda fattur ieħor iktar importanti mill-​mod taʼ kif it-​turisti jiġu trattati min-​nies lokali u kemm iħossuhom fis-​sigurtà.”

Kif jistgħu ċ-​ċentri turistiċi madwar id-​dinja li diġà huma taʼ suċċess ikomplu jitjiebu f’dawn l-​aspetti? “B’taħriġ, tisħiħ taʼ mġiba mixtieqa, preparazzjoni, korrezzjoni—missjoni li ma tispiċċa qatt biex nipprovdu servizz taʼ l-​aqwa kwalità l-​ħin kollu.” Hekk wieġbet għal din il-​mistoqsija waħda fl-​amministrazzjoni li tieħu ħsieb it-​taħriġ għaċ-​ċentru turistiku ewlieni fil-​Baħamas u li tieħu ħsieb it-​taħriġ. “Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies tal-​Baħamas huma dħulin minnhom. Imma m’huwiex faċli li tkompli man-​nies, tkun simpatiku, u titbissem il-​ħin kollu meta tkun qed taħdem. Huwa għalhekk li aħna nenfasizzawlhom il-​bżonn li jwettqu dak li jkunu qed jagħmlu, ikun x’ikun, bl-​istess professjonalità li juri tabib, avukat, jew aġent taʼ l-​assigurazzjoni. Aħna nużaw livelli internazzjonali stretti għal kull ħaġa li [għandha x’taqsam b’mod ġenerali mal-​vaganza tat-​turisti]. Iktar ma nistinkaw flimkien bħala grupp sabiex nilħqu dawn il-​livelli, iktar ix-​xogħol se jimxi ħarir u se jkun taʼ livell għoli l-​ħin kollu.”

L-​Angolu l-​Ieħor

Jekk sifirt, ġieli sibt li minkejja li tkun ippjanajt bir-​reqqa donnu dejjem jinqalgħu xi spejjeż li ma tkunx ħsibt fihom qabel? Il-​pajjiżi li jilqgħu t-​turisti qed jgħaddu mill-​istess esperjenza.

“L-​industrija tat-​turiżmu tistaʼ tkun taʼ benefiċċju kbir għas-​soċjetà tagħna li qed tiżviluppa,” josserva Pradhan, li għadna kemm ikkwotajnieh. Madankollu, hu jinnota li mingħajr miżuri xierqa “jistgħu jinqalgħu wkoll problemi soċjali li ma jistgħux jissolvew.” Hu jżid: “[Aħna] rridu nkunu preparati sew billi nkunu konxji kemm jistaʼ jkun dwar l-​effetti differenti li għandu t-​turiżmu modern.” Għal liema problemi kien qed jirreferi?

“Il-​mod taʼ ħajja tradizzjonali tal-​pajjiżi li jilqgħu għadd kbir taʼ turisti kważi dejjem jispiċċa jiddgħajjef serjament għalkemm dan ma jsirx apposta. F’xi postijiet, il-​kultura lokali nġiebet fix-​xejn.” Dan hu kif Cordell Thompson, uffiċjal f’pożizzjoni għolja fil-​Ministeru tat-​Turiżmu tal-​Baħamas, jiddeskrivi wieħed mill-​effetti ħżiena komuni tat-​turiżmu. Thompson jitkellem bi kburija dwar il-​benefiċċji kollha li t-​turiżmu ġab lil pajjiżu. Madankollu, hu jammetti li meta tgħix f’pajjiż fejn l-​għadd taʼ turisti jkun dejjem akbar—jew jirrappreżenta parti kbira—mill-​popolazzjoni, dan iħalli ħafna effetti oħrajn li ma jkunux mistennijin.

Per eżempju, xi wħud li jaħdmu mat-​turisti jsibu li maż-​żmien huma jibdew jimmaġinaw, b’mod żbaljat, li t-​turist qiegħed vaganza l-​ħin kollu. Ir-​resident tal-​pajjiż għandu mnejn jipprova jimita dan l-​istil immaġinarju taʼ ħajja. Hemm oħrajn li m’humiex effettwati b’dan il-​mod. Iżda billi jqattgħu ħafna mill-​ħin liberu tagħhom fl-​inħawi taċ-​ċentri turistiċi, maż-​żmien huma jitilfu l-​istil tal-​ħajja tradizzjonali tagħhom. Xi kultant jiġri li l-​faċilitajiet li jinbnew għat-​turisti tant isiru parti mill-​ħajja tan-​nies tal-​lokal li l-​postijiet li qabel kienu ċ-​ċentri tal-​komunità tal-​kultura tal-​pajjiż maż-​żmien jibdew sejrin lura u, f’xi postijiet, lanqas biss jibqgħu jeżistu.

Ħafna mid-​destinazzjonijiet internazzjonali popolari fost it-​turisti qegħdin f’dilemma. Huma jieħdu gost bid-​dħul tajjeb li jħallu l-​kwantità kbira taʼ turisti. Madankollu, ma jifilħux għall-​piż tal-​problemi soċjali li joħolqu l-​industriji mwaqqfin apposta biex jissodisfaw ix-​xewqat illeċiti u bla rażan tat-​turisti.

Turiżmu Bilanċjat

Ladarba xi wħud mill-​akbar benefiċċji tat-​turiżmu modern iġibu magħhom effetti li jheddu ’l-istess turiżmu, qed jingħad iktar li għandu jkun hawn turiżmu bilanċjat. Dan juri li xi wħud qed jirrealizzaw li l-​benefiċċji temporanji marbutin maʼ ċerti attivitajiet turistiċi vantaġġużi qed jheddu li ‘jdardrulhom l-​għajn li jridu jixorbu minnha.’ Ċerti kwistjonijiet diffiċli jridu jiġu trattati jekk l-​industrija tat-​turiżmu għandha żżomm il-​bilanċ u tkompli sejra għal żmien indefinit.

L-effett tat-​turiżmu fuq l-​ambjent, l-​effett fuq il-​kulturi lokali, l-​armonija bejn il-​miri taċ-​ċentri turistiċi kbar u żgħar li moħħhom biex jagħmlu l-​flus u l-​objettivi nazzjonali tal-​pajjiżi li jilqgħu t-​turisti—dawn huma ftit mill-​kwistjonijiet li taʼ spiss joħolqu konflitt u li jridu jiġu bilanċjati fil-​futur. F’dawn l-​aħħar xhur, it-​tħassib dwar is-​sigurtà ġab telf finanzjarju lill-​industrija taʼ l-​ivvjaġġar, u dan għandu jiġi trattat xi darba jew oħra. X’effett se jkollhom maż-​żmien dawn il-​kwistjonijiet fuq l-​iżvilupp tat-​turiżmu modern għad irridu naraw.

Meta terġaʼ tiddeċiedi li taqtaʼ ftit mir-​rutina taʼ kuljum u tmur tirrilassa f’ċentru turistiku ’l bogħod minn fejn toqgħod, tkun tistaʼ tapprezzaha iktar din l-​industrija globali—it-​turiżmu nazzjonali u internazzjonali.

[Full-page picture f’paġna 15]

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja