Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għandhom il-Kristjani Jistennew Protezzjoni Divina?
Il-Bibbja taʼ spiss tirreferi għall-fatt li Alla jistaʼ jipproteġi lill-adoraturi tiegħu mid-deni. Is-Sultan David qal: “Eħlisni, Mulej, mill-bnedmin ħżiena, min-nies tad-dnewwa ħarisni.” (Salm 140:2 [140:1, NW]) Illum ħafna mill-adoraturi t’Alla li ffaċċjaw xi vjolenza, att kriminali, jew diżastru naturali ħelsuha żbrixx mill-mewt jew mill-ħsara. Xi wħud tħassbu jekk f’dawn il-każi Alla pprovdilhomx protezzjoni mirakoluża, speċjalment peress li hemm każi oħra meta nies li għandhom il-biżaʼ t’Alla ma ġewx skansati imma ġarrbu traġedji kbar u saħansitra kellhom mewta vjolenti.
VERU li Alla Jehovah jipproteġi lil xi individwi mid-deni filwaqt li lil oħrajn ma jipproteġihomx? Għandna llum nistennew li nirċievu ħelsien mirakoluż mill-vjolenza u d-diżastri?
Protezzjoni Mirakoluża f’Rakkonti Bibliċi
Il-Bibbja fiha għadd taʼ rakkonti fejn Alla daħal mirakolożament għan-nom taʼ l-adoraturi tiegħu. (Isaija 38:1-8; Atti 12:1-11; 16:25, 26) L-Iskrittura tirrakkonta wkoll kif f’okkażjonijiet oħrajn xi qaddejja taʼ Jehovah ma nħelsux mill-gwaj. (1 Slaten 21:1-16; Atti 12:1, 2; Lhud 11:35-38) Mela ovvjament, Jehovah jistaʼ jiddeċiedi li jipprovdi protezzjoni għal raġuni jew skop partikulari kulmeta jagħżel hu. Għaldaqstant, meta Kristjani individwali ma jinħelsux mill-provi, m’għandhomx jaslu għall-konklużjoni li Alla telaqhom. Irridu naċċettaw ir-realtà li se jiġru affarijiet koroh, anki lill-qaddejja leali taʼ Jehovah. Dan għala?
Għala l-Qaddejja Leali t’Alla Jiġrulhom Affarijiet Koroh
Raġuni waħda hi li lkoll kemm aħna writna d-dnub u l-imperfezzjoni minn Adam u Eva. B’hekk, niffaċċjaw il-possibbiltà taʼ wġigħ, tbatija, u mewt. (Rumani 5:12; 6:23) Raġuni oħra hi li qed ngħixu fl-aħħar żminijiet. Il-Bibbja tiddeskrivi lin-nies taʼ żmienna bħala li huma “bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb.” (2 Timotju 3:1-5) Dan jidher ċar mill-istupri, il-ħtif taʼ persuni, il-qtil, u atti kriminali krudili oħrajn li jsiru maʼ kullimkien.
Ħafna qaddejja leali t’Alla jgħixu u jaħdmu fost nies vjolenti u xi kultant jispiċċaw vittmi tagħhom. Aħna nistgħu nsibu ruħna f’xi sitwazzjoni li thedded lil ħajjitna sempliċement għax ninzertaw fil-post ħażin f’ħin ħażin. Iktar minn hekk, aħna nġarrbu r-realtà li esprima Salamun meta qal li kulħadd jintlaqat ‘miż-żmien u ċ-ċirkustanzi.’—Koħèlet 9:11.
Iktar minn hekk, l-appostlu Pawlu qal li l-Kristjani kienu se jkunu l-mira taʼ persekuzzjoni minħabba li jqimu lil Alla. Hu qal: “Dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni.” (2 Timotju 3:12) Fi snin reċenti dan deher kemm kien minnu f’għadd taʼ pajjiżi.
Għalhekk, nies li għandhom il-biżaʼ t’Alla m’humiex meħlusin mill-effetti tal-vjolenza, il-kriminalità, id-diżastri naturali, jew il-mewt b’xi inċident. Satana pprova juża l-argument li Jehovah jibni ħajt madwar il-poplu Tiegħu sabiex jgħixu ħajja bla inkwiet. (Ġob 1:9, 10) Dan m’hux veru. Madankollu, aħna nistgħu nkunu ċerti li anki meta Jehovah ma jipprovdix ħelsien mirakoluż minn xi sitwazzjoni, hu tassew jipproteġi lin-nies tiegħu.
Kif Jehovah Jipproteġi lin-Nies Tiegħu Llum
Permezz tal-Kelma tiegħu, Jehovah jipprovdi gwida divina li tipproteġi lin-nies tiegħu. L-ispiritwalità u l-għarfien mill-Bibbja jagħtuna l-abbiltà li nużaw l-għaqal u li jkollna moħħ f’loku, li min-naħa tagħhom jgħinuna nevitaw żbalji bla bżonn u nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Salm 38:5 [38:4, NW]; Proverbji 3:21; 22:3) Per eżempju, bosta Kristjani nħelsu minn ħafna gwaj għax semgħu mill-pariri tal-Bibbja dwar il-moralità sesswali, ir-regħba, ir-rabja, u l-vjolenza. Ukoll, billi ma nissiħbux mill-qrib maʼ nies ħżiena, ikun inqas probabbli li nkunu f’postijiet fejn jistaʼ jinqalaʼ l-inkwiet—fil-post ħażin f’ħin ħażin. (Salm 26:4, 5; Proverbji 4:14) Dawk li jgħixu skond il-prinċipji tal-Bibbja jgawdu ħajja taʼ kwalità aqwa, li taʼ spiss tirriżulta f’saħħa mentali u fiżika aħjar.
L-iktar ħaġa taʼ faraġ hi li nafu li anki jekk Alla jippermetti li jiġru affarijiet koroh lill-qaddejja tiegħu, hu se jipprovdilhom il-qawwa meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jifilħu għalihom. L-appostlu Pawlu jiżgurana: “Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.” (1 Korintin 10:13) Il-Bibbja twiegħed ukoll “qawwa iktar min-normal” biex tgħinna nissaportu l-għawġ.—2 Korintin 4:7, NW.
Alla Jaġixxi Skond ir-Rieda Tiegħu Stess
Għandhom il-Kristjani jistennew li Alla jeħlishom b’xi miraklu kulmeta jkunu se jiffaċċjaw xi diżastru? Stennija bħal din mhix appoġġata mill-Bibbja.
M’għandniex xi ngħidu, Alla Jehovah jistaʼ jagħżel li jidħol direttament għan-nom taʼ kwalunkwe wieħed mill-qaddejja tiegħu. U jekk xi ħadd jemmen li ħelisha mid-deni permezz taʼ intervent divin, m’għandux jiġi kritikat. Imma meta Jehovah ma jagħżilx li jidħol għal xi ħadd, dan qatt m’għandu jitqies bħala sinjal taʼ diżapprovazzjoni minnu.
Jalla jkollna l-fiduċja li tkun xi tkun il-prova jew sitwazzjoni li niffaċċjaw, Jehovah se jipprovdi l-protezzjoni divina lill-qaddejja leali tiegħu, jew billi jneħħi s-sitwazzjoni, jew billi jagħtina l-qawwa biex nissaportuha jew, jekk immutu, billi jirxoxtana għall-ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida tiegħu.—Salm 37:10, 11, 29; Ġwann 5:28, 29.