Santwarju Uniku taʼ l-Annimali u t-Tjur Salvaġġi tal-Mediterran
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI SPANJA
GĦAL eluf taʼ snin, il-pajjiżi taʼ madwar il-Mediterran qaċċtu l-foresti tagħhom, qerdu l-mergħat tagħhom, u kkaċċjaw xi annimali salvaġġi kważi sal-punt li dawn ma baqgħux jeżistu. Ftit huma l-postijiet mhux imħassrin li issa għad baqaʼ fir-reġjun. Madankollu, f’parti waħda minn Spanja, għadd taʼ ċirkustanzi kienu r-raġuni għala post żgħir setaʼ jibqaʼ kważi tali kwali. Dan il-post jismu Monfragüe, li jfisser “Muntanja Densa.”
Minkejja dan, is-sempliċi fatt li din il-parti minn Spanja kienet imwarrba ma kienx ikun biżżejjed biex jipproteġi l-abitat tagħha. Fortunatament, il-bdiewa li kienu jgħixu fir-reġjun taʼ madwar il-Monfragüe pprattikaw metodu taʼ trobbija taʼ l-annimali li wera li kien imprezzabbli biex jippreserva fdal prezzjuż mill-meddiet kbar ferm taʼ foresti tal-post li xi darba kienu jiksu l-għoljiet tal-Mediterran. Il-bosk preservat kien magħruf bħala d-dehesa, jew “mergħa mimlija siġar.”
Metodu Ekoloġiku taʼ Biedja
Sekli ilu, il-bdiewa taʼ Extremadura (ir-reġjun fi Spanja fejn hemm il-Monfragüe) skoprew li l-foresti tar-ruvlu (ballut dejjem aħdar), li l-art kienet mgħottija bihom, setgħu jipprovdu dell u ikel essenzjali għall-merħliet tagħhom.a Għalhekk, minflok ma qaċċtu s-siġar kollha biex ikollhom art tajba bħala mergħa, huma ppreservaw biżżejjed ballut biex joħolqu bosk b’siġar spazjati. Huma wkoll żabru s-siġar biex il-friegħi jkunu jistgħu jinfirxu u jikbru iktar. Id-dell taʼ dawn is-siġar impressjonanti tal-ballut ipproteġa l-ħaxix tal-mergħat taʼ taħthom, u l-ħsad abbundanti tagħhom taʼ ġandar ipprovda ikel sustanzjuż għall-baqar u l-ħnieżer. Ladarba din id-dehesa ppreservat parti sinifikanti mill-għata taʼ siġar oriġinali, ħafna speċi t’għasafar u annimali tal-post setgħu jibqgħu ħajjin.
Żewġ xmajjar, it-Tagus u t-Tiétar, jaqsmu d-dehesa minn naħa għal oħra, jifformaw kanjons u fl-aħħarnett jerġgħu jiltaqgħu taħt il-quċċata tal-Monfragüe. Maż-żmien, fl-1979, l-art imħattba taʼ madwar dawn iż-żewġ xmajjar, li ppreservat il-foresta Mediterranja oriġinali aħjar minn kwalunkwe oħra, saret riserva tan-natura. Il-park ġie stabbilit għaliex bħalissa l-Monfragüe hija meqjusa bħala wieħed mir-rifuġji preservati l-aħjar taʼ l-ekosistema Mediterranja.
Għasafar tal-Bibbja
Għalkemm il-park ma tantx hu kbir, dan jipprovdi kenn għall-ġenetta, iċ-ċerv l-aħmar, iċ-ċingjal, u l-linċi Spanjol li hu rari u wieħed mill-iktar annimali li qegħdin f’periklu fl-Ewropa. Madankollu, billi l-biċċa l-kbira mill-annimali joħorġu bil-lejl, il-viżitatur taʼ bi nhar iktar għandu ċans li jilmaħ l-għasafar manjifiċi tal-priża li huma kotrana f’dawn l-inħawi. Il-biċċa l-kbira minn dawn l-għasafar tal-priża Mediterranji jinsabu wkoll f’pajjiżi Bibliċi.
F’nofs is-seklu 19, H. B. Tristram, studjuż tan-natura, innota li kważi kulfejn mar fil-Palestina, kien jara l-isqra grifuni jduru fuq rasu. L-istess jistaʼ jingħad dwar il-Monfragüe, fejn 400 par ibejtu fl-irdumijiet li jħarsu fuq ix-xmajjar Tagus u Tiétar. Fi tmiem il-ġurnata, l-isqra jduru bil-gzuz fuq il-bejtiet tagħhom fejn ikollhom iż-żgħar, u b’hekk jimmarkaw is-sema taʼ fil-għaxija bil-forom kbar ħafna tagħhom.b
Iċ-ċikonji l-bojod, li jbejtu fuq bini qadim f’ħafna partijiet taʼ l-Ewropa, għadhom ibejtu fil-ballut fl-inħawi tal-Monfragüe, fejn tgħidx kemm joktru. (Salm 104:17) Flimkien maċ-ċikonji hawnhekk issib ukoll l-ajkli imperjali u rjali, li bil-paċenzja kollha jitilgħu ’l fuq u jgħaddu ħelu ħelu mal-kurrenti t’arja sħuna minn post għal ieħor, ‘għajnejhom jaraw mill-bogħod’ fit-tfittxija kontinwa tagħhom għall-priża.—Ġob 39:27-29.
Imbagħad hemm l-astuni ħomor li huma iktar ilventi u abbundanti mill-ajkli u li l-għadd tagħhom tgħidx kemm jiżdied fix-xhur tas-sajf. Hemm ukoll l-astuni suwed, li għandhom vista tajba ħafna u li jħufu kontinwament fuq ix-xmajjar tal-park, dejjem ifittxu l-ħut li jistgħu jaħtfu mill-ilma.—Ġob 28:7.
Għasafar oħra tal-priża, bħalma huma l-kokka imperjali u l-barbaġann, jibdew itiru malli jibda jidlam. Il-kokka imperjali tbejjet fuq l-irdumijiet iżolati tal-Monfragüe, ambjent simili għar-rovini taʼ Babilonja tal-qedem, fejn il-profeta Isaija bassar li din ukoll kienet se tagħmel il-bejta tagħha.—Isaija 13:21.
Nippreservaw u Nġeddu r-Rifuġju
Id-dehra tal-park tissebbaħ ukoll bil-kuluri tal-fjuri salvaġġi, speċjalment fir-rebbiegħa. Il-blanzuni bojod u fini tal-pjanta tal-ġenus, flimkien maʼ trofof taʼ spika Franċiża, jiksu kważi l-inżieli kollha li ma fihomx siġar. U hekk kif joqrob is-sajf, il-peprin li jinsab kullimkien iżid dik in-naqra taʼ lewn aħmar maʼ l-aħdar tal-mergħa.
It-tħassib ewlieni taʼ l-awtoritajiet li jieħdu ħsieb il-park issa huwa li jħarsu u jippreservaw dan l-ambjent prezzjuż. Għal dan l-għan, qed jaħdmu ħafna biex iħawlu siġar tal-post minflok is-siġar taʼ l-arżnu u taʼ l-ewkaliptu li nġiebu minn postijiet oħrajn u li m’humiex tajbin għall-annimali u t-tjur tal-park. Huma jikkooperaw ukoll mal-bdiewa lokali ħalli jipproteġu d-dehesas taʼ madwarhom billi jħeġġuhom biex, kulmeta jkun hemm bżonn, jerġgħu jħawlu s-siġar tal-ballut. Nittamaw li dawn il-miżuri jassiguraw li dan is-santwarju uniku taʼ l-annimali u t-tjur salvaġġi tal-Mediterran jibqaʼ ħaj.
[Noti taʼ taħt]
a L-ispeċi prinċipali tar-ruvlu fi Spanja huma l-balluta tas-sufra u l-balluta taʼ l-ilċi. Speċi simili tar-ruvlu kienu jikbru b’mod estensiv fil-Palestina fi żminijiet Bibliċi.
b Is-seqer grifun, li minn tarf sa tarf taʼ ġwenħajh jikber sa 280 ċentimetru, huwa wieħed mill-akbar għasafar taʼ l-Ewrasja.
[Stampi f’paġna 16, 17]
Mix-xellug għal-lemin: Baqar jirgħu fil-bosk miftuħ, ġenetta, u ċerv aħmar
[Stampa f’paġna 18]
Seqer iswed
[Stampa f’paġna 18]
Kokka imperjali
[Stampa f’paġna 18]
Ajkla rjali
[Sors]
Ritratti: Cortesía de GREFA