LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 6/8 pp. 22-24
  • Il-Miraklu tal-Bajda tan-Nagħma

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Miraklu tal-Bajda tan-Nagħma
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Bajd Jingħata Attenzjoni Speċjali
  • Daqqa t’Għajn Ħafifa fuq Ġewwa
  • Joħorġu minn Qoxrithom
  • Jiltaqgħu mal-​Ġenituri Adottivi
  • Il-Bajda tal-Għasfur
    Stenbaħ!—2012
  • Ġojjelli minn Xatt il-Baħar
    Stenbaħ!—2003
  • Il-Bniedem Jikkopja l-Idea tal-Ħallieq
    Stenbaħ!—2003
Stenbaħ!—2002
g02 6/8 pp. 22-24

Il-​Miraklu tal-​Bajda tan-​Nagħma

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​AFRIKA T’ISFEL

BLA ĊAQLIQ TAʼ XEJN fl-​inkubatur, il-​bajda tan-​nagħma ma tikxef xejn dwar dak li qed jiġri fuq ġewwa jew dwar l-​ispettaklu eċċitanti li dalwaqt se jibda. Madankollu, hawnhekk fir-​razzett tan-​ngħam għandna l-​opportunità li nitgħallmu dwar l-​iżvilupp affaxxinanti tan-​ngħam, u nibdew minn meta n-​nagħma omm tbid il-​bajd tagħha.

Il-​Bajd Jingħata Attenzjoni Speċjali

In-​nagħma omm tbid il-​bajd tagħha kulur l-​avorju f’bejta sempliċi fir-​ramel.a Kull bajda tkun tiżen madwar kilo u nofs. Imbagħad, kuljum, il-​ħaddiema jaqbdu l-​bajd frisk u jiħduh fl-​inkubaturi tar-​razzett, u jħalluh hemmhekk għal madwar sitt ġimgħat.

Dan huwa żmien meta l-​bajd fl-​inkubatur jingħata attenzjoni speċjali. Dan jinżamm sħun u mgeddes f’temperatura taʼ madwar 37 grad Celsius—temperatura ideali għall-​flieles ġodda biex jikbru ġewwa l-​qoxra tal-​bajda. Sabiex l-​isfar tal-​bajda jew l-​embriju ma jitħalliex jinżel f’qiegħ il-​bajda u jeħel mal-​membrana tal-​qoxra, il-​bidwi jżomm il-​bajd f’dixxijiet speċjali fejn jiġi mdawwar awtomatikament, jew jara li xi ħadd idawru b’idejh kuljum. Dan jixbah il-​mod kif il-​ġenituri ngħam idawru l-​bajd regolarment fil-​bejta ramlija tagħhom fil-​veld Afrikan.

Daqqa t’Għajn Ħafifa fuq Ġewwa

Imma, kif nistgħu nkunu nafu x’inhu jiġri ġewwa l-​qoxra tal-​bajda? Bil-​ġentilezza kollha, il-​bidwi jaqbad bajda minnhom u jpoġġiha f’toqba fil-​wiċċ taʼ kaxxa li fiha jkollha bozza li titfaʼ dawl qawwi. Permezz taʼ din il-​proċedura, il-​bidwi jkun jistaʼ jara d-​dell tal-​fellus li jkun qed jiżviluppa b’mod meraviljuż ġewwa l-​bajda. Kultant żmien, hu jsegwi din il-​proċedura biex jiċċekkja l-​progress tal-​flieles ġol-​bajd. Jekk wara li jkun għamel dan diversi drabi jara li xi bajda fin-​nofs tkun għadha m’għaqditx, ikun ovvju li din mhix fertili, u għalhekk ma jerġax iqegħedha fl-​inkubatur.

Matul id-​39 ġurnata li l-​bajda tan-​nagħma tagħmel fl-​inkubatur, iseħħ żvilupp mirakoluż ġewwa l-​qoxra li qisha tal-​porċellana. Fl-​istess żmien, tifforma bużżieqa taʼ l-​arja, li tasal biex tieħu madwar terz taʼ l-​ispazju li jkun hemm fil-​bajda.b Il-​flieles li jkunu għadhom ma faqqsux ikunu marsusin mhux ħażin ġewwa l-​bajda u joqogħdu f’pożizzjoni għal-​lest biex joħorġu fi żmien qasir. Iżda, l-​ewwelnett irid iseħħ proċess importanti ferm—il-​membrana taʼ madwar l-​isfar tal-​bajda trid tibda tgħaddi minn ġol-​kurdun u ż-​żokra għal ġoż-​żaqq ċkejkna tagħhom. Dan hu vitali għax din il-​membrana fiha s-​sustanzi u l-​enerġija kollha li se jkollhom bżonn dalwaqt hekk kif joħorġu fid-​dinja taʼ barra.

Joħorġu minn Qoxrithom

Sa fl-​aħħar, il-​jum tant mistenni wasal, u aħna ninsabu hawnhekk biex naraw x’se jiġri. L-​ewwelnett, il-​flieles żgħar iridu jgħaddu mill-​membrana għal ġol-​bużżieqa taʼ l-​arja qabel ma jkunu jistgħu jilħqu l-​qoxra nfisha. In-​ngħam m’għandu xejn ippontat f’munqaru biex ikisser il-​qoxra, bħalma jkollhom frieħ oħra li jkunu għadhom kemm faqqsu. In-​ngħam ikollu saff li jgħinu jipproteġi t-​tarf taʼ munqaru li jkun għadu artab. Waqt li jżomm il-​munqar protett tiegħu man-​naħa taʼ ġewwa tal-​qoxra, il-​fellus jimbotta l-​membrana li tifirdu mill-​bużżieqa taʼ l-​arja bin-​naħa taʼ wara t’għonqu. Wara ħafna imbottar u tħakkik, din il-​membrana fl-​aħħar tinfaqaʼ. B’dan il-​proċess, il-​fellus ikun jistaʼ jokkupa l-​ispazju kollu ġewwa l-​qoxra.—Ara stampa A.

Fl-aħħar, il-​pulmuni ċkejknin tal-​fellus jieħdu l-​ewwel nifs tagħhom! Il-​pulmuni żgħar tiegħu issa qegħdin jaħdmu. Madankollu, din il-​battikata kollha tkompli tagħmel in-​nuqqas t’arja iktar insopportabbli fl-​ispazju marsus tal-​bajda. Mela l-​fellus ma jistax iċedi issa—irid ikompli jitħabat u jkisser il-​qoxra nfisha. B’saħħtu kollha, il-​fellus jitfaʼ rasu lura darba wara l-​oħra, waqt li jħabbat b’tarf munqaru man-​naħa taʼ ġewwa tal-​qoxra. F’daqqa waħda, il-​fellus ċkejken u mifluġ jara raġġ dawl hekk kif il-​qoxra tixxaqqaq kemm kemm—u maʼ dan, il-​fellus iħoss l-​arja friska taʼ vera!—Ara stampa B.

Wara li jieħu l-​mistrieħ li tant għandu bżonn, il-​fellus jerġaʼ jikseb biżżejjed saħħa biex ikompli jfarrak il-​qoxra miksura, billi juża siequ l-​leminija u l-​munqar ċkejken u protett tiegħu. Imbagħad, waqt li jiftaħ u jgħolli l-​biċċiet miksurin tal-​qoxra qisu xi Gulija żgħir, il-​fellus jipprova joqgħod bil-​qiegħda, hu u jteptep għajnejh lejn id-​dinja fuq barra b’kemm dinjità u ċertezza jistaʼ jkollu ferħ taʼ nagħma li għadu kemm faqqas u li jkun qisu fis-​sakra.—Ara stampa Ċ.

Il-​bidwi għala ma jgħinx lil dan in-​naqra taʼ fellus joħroġ mill-​qoxra mkissra tiegħu? Dan huwa għall-​ġid tal-​fellus stess. Jieħu daqsxejn żmien biex l-​isfar tal-​bajda jgħaddi għal ġoż-​żokra tal-​fellus, li mbagħad din tinġibed u tingħalaq. Wieħed li mingħalih ikun qed jgħin billi jipprova jħaffef il-​proċess jistaʼ jweġġaʼ lil din il-​ħlejqa jew iqabbadha xi infezzjoni serja.

Insomma, wara dan kollu l-​flieles ċkejknin li hawn fir-​razzett ħarġu minn qoxrithom. Għalina l-​ispettaturi, li naraw dawn il-​flieles ħerġin minn gozz qxur imfarrak—għajjenin mejtin imma rebbiħin—huwa spettaklu eċċitanti.

Jiltaqgħu mal-​Ġenituri Adottivi

Wara ftit, l-​arja sħuna taʼ l-​inkubatur tnixxef ir-​rix artab u bellusi tal-​flieles, u tant isiru ħelwin b’rixhom imqanfed. Imbagħad jitqiegħdu barra fix-​xemx f’post żgħir imdawwar minn ilqugħ. Kemm jidhru li jieħdu gost b’dan! Fl-​aħħar jistgħu jħaddmu s-​saqajn ċkejknin u xejn sodi tagħhom bħalma tant kienu ilhom jixtiequ jagħmlu.

L-għada hija ġurnata importanti ferm għal dawn l-​għasafar żgħar bellusin. Dawn jiġu mlaqqgħin mal-​ġenituri adottivi tagħhom—ngħam adult li se jieħu ħsiebhom għat-​tliet xhur li ġejjin. Sa issa, il-​flieles żgħar għadu ma qabadhomx ġuħ għax qed jiġu sostnuti bin-​nutriment mill-​isfar tal-​bajda. Madankollu, ftit ġranet wara li jfaqqsu jibda jinfetħilhom l-​aptit. Imma x’jistgħu jieklu? Aħna nibqgħu mbellhin meta naraw il-​flieles jibdew jieklu l-​ħmieġ frisk tal-​ġenituri adottivi tagħhom! Il-​bidwi jispjegalna li dan jistaʼ jgħinhom isaħħu s-​sistema tagħhom taʼ l-​immunità li tkun għadha ma żviluppatx għalkollox.

Ara daqsxejn dawn il-​flieles żgħar x’jiġru biex jipprovaw ilaħħqu mal-​passi taʼ ġgant li qed jagħmlu l-​ġenituri adottivi tagħhom! Żgur iridu jagħmlu sforz kbir. Imma l-​flieles tan-​ngħam jikbru f’kemm ili ngħidlek—30 ċentimetru fix-​xahar! Għalhekk, ħaġa taʼ l-​għaġeb, fi żmien xahar biss, ikunu kapaċi jlaħħqu maʼ l-​adulti li huma ferm akbar minnhom.

Meta l-​adolexxenti żgħar ikollhom sitt xhur, ikunu kibru għalkollox u laħqu tul taʼ żewġ metri u nofs. Diffiċli temmen li sebaʼ xhur biss qabel, dawn il-​ħlejjaq magħlubin—li qishom għandhom għonq u saqajn biss—kienu bajd li ma jiċċaqlaqx f’inkubatur ġo razzett tan-​ngħam.

[Noti taʼ taħt]

a Għal iktar dettalji dwar in-​nagħma, jekk jogħġbok ara l-​artiklu “Fleet-Footed, Flightless, and Fascinating​—The Ostrich” (Tiġri Ħafna, Ma Ttirx, u Affaxxinanti—In-​Nagħma) fl-​Awake! tat-​22 taʼ Lulju, 1999, paġni 16-18.

b Il-bajda tan-​nagħma tkun “mimlija pori li jippermettu l-​gassijiet jgħaddu ġol-​bajda. Bejn iż-​żewġ membrani tal-​bajda jifforma spazju t’arja fil-​qiegħ wiesaʼ tal-​bajda, minħabba l-​evaporazzjoni li sseħħ wara li l-​bajda tinbied.”—Ostrich Farming in the Little Karoo.

[Dijagramma f’paġna 23]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

IL-​PROĊESS TAT-​TFAQQIS

A

B

Ċ

[Sors]

Sors taʼ l-​istampi: Dr. D. C. Deeming

[Stampa f’paġna 23]

Il-​ġurnata tant mistennija—il-​flieles joħorġu minn qoxrithom!

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 24]

John Dominis/Index Stock Photography

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja