Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Għandi Nuża l-Kirurġija Kosmetika?
“Qabel m’għamilt l-operazzjoni fi mnieħri, kont inbati ħafna minħabba t-twaqqigħ għaċ-ċajt. Ma ridtx xi mnieħer speċjali, imma biss wieħed li kien jixraqli. Ninsab ferħana ħafna bir-riżultat, u kieku jkolli nerġaʼ nagħmilha, nagħmilha.”—Eleni.a
“Għala għandi noqgħod għal ideat tas-soltu taʼ x’inhi dehra sabiħa? Kieku kelli nbiddel partijiet minn ġismi bil-kirurġija, kont inħossni qisni flus foloz. Mhux ġenwin.”—Mathias.
“Kulħadd irid jiddeċiedi għalih innifsu. Diffiċli biex wieħed jaqbad u jiġġudika.”—Manuela.
“KULMIN hu isbaħ minni bilfors li għandu l-mejkapp.” Fil-Ġermanja, dan il-qawl umoristiku ilu żmien twil jingħad bħala tip taʼ difiża minn nies li jinkwetaw li d-dehra tagħhom ma tantx hi perfetta. Iżda, f’xi pajjiżi llum il-qawl jistaʼ jiġi aġġornat għal: “Kulmin hu isbaħ minni bilfors li għamel operazzjoni.” Tabilħaqq, il-kirurġija kosmetika qed issir xi ħaġa komuni.
“M’għadux iż-żmien meta l-kirurġija kosmetika kienet biss għas-sinjuri,” tirrapporta l-gazzetta Svizzera Neue Zürcher Zeitung, u żżid: “Żewġ affarijiet saru popolari: Iktar u iktar irġiel qed imorru għand il-kirurgi kosmetiċi . . . , u l-klijenti nisa qed jidhru iktar u iktar żgħar fl-età.” Skond stħarriġ fil-Ġermanja, kważi 20 fil-mija taʼ dawk li ġew mistħarrġin li kellhom bejn l-14 u d-29 sena, jew diġà użaw il-kirurġija kosmetika, jew qed jippjanaw li jużawha, jew għallinqas ħasbu dwarha.b Forsi xi wħud minn ħbiebek, sħabek taʼ l-iskola, jew qrabatek irranġaw id-dehra tagħhom permezz tal-kirurġija.
Xi ngħidu għalik? Qatt ħsibt li ttejjeb id-dehra tiegħek permezz t’operazzjoni? Tħoss li widnejk qegħdin wisq ’il barra, li sidrek kbir wisq jew żgħir wisq, li żaqqek jew koxxtejk imqabbżin, jew li mnieħrek ikrah? Jekk inhu hekk, m’intix l-unika persuna li tbati b’sentimenti bħal dawn. Grupp taʼ tfajliet fi skola sekondarja kitbu artiklu f’gazzetta Ġermaniża u qalu: “Bilkemm hemm tifla waħda taʼ mparna li m’għaddietx minn fażijiet taʼ dwejjaq minħabba ġisimha.” Ix-xewqa li tkun attraenti u tingħoġob hija normali. Imma hija l-kirurġija s-soluzzjoni?
Soluzzjoni għall-Problemi Tiegħek?
Ikkunsidra ż-żgħażagħ li taf. Tiskanta kieku ssir taf li ħafna minnhom—forsi anki wħud li għalik jidhru ħelwin—m’humiex kuntenti bid-dehra tagħhom? Imma x’aktarx li hekk hu. Il-mistoqsija hi, Taħseb li kollha għandhom jużaw il-kirurġija korrettiva? Jew taħseb li l-biċċa l-kbira minnhom imorru aħjar jekk jitgħallmu jħossuhom iktar kuntenti bl-aspetti pożittivi tad-dehra tagħhom? Jistaʼ l-istess prinċipju japplika għalik ukoll?
Bħalma juri l-kumment t’Eleni, il-kirurġija kosmetika tistaʼ f’xi każi tnaqqas it-tagħjir u l-fastidji. Mill-banda l-oħra, il-kirurġija kosmetika mhix ir-rimedju taʼ kollox. Din żgur ma tistax tieħu post stil taʼ ħajja tajjeb għas-saħħa, xi ħaġa taʼ benefiċċju kbir għad-dehra persunali taʼ dak li jkun. U filwaqt li kirurgu forsi jkun jistaʼ jibdillek id-dehra, ma jistax jibdillek il-personalità, u lanqas ma jistaʼ jneħħilek l-ansjetajiet jew iżidlek ir-rispett lejk innifsek.
Żomm f’moħħok ukoll li xi kliniċi jew tobba jwiegħdu affarijiet li ma jistgħux iwettqu. Għandhom mnejn jidhru, fil-fatt, li qed iwegħduk il-kuntentizza. Iżda, fir-realtà jistgħu jkunu iktar interessati fi flusek milli fil-kuntentizza tiegħek. B’dispjaċir ngħidu li hemm xi kirurgi bla skrupli li lesti jagħmlu operazzjoni li tkun bla bżonn, li jkollha ftit ċans li tirnexxi, jew li tkun taʼ riskju—l-aqwa li xi ħadd iħallas il-kont.
Hemm ukoll fatturi li jinvolvu perijodu twil taʼ żmien li trid taħseb dwarhom. Per eżempju, dak li għalik jidher ikrah pesta meta jkollok 16-il sena jistaʼ jidher differenti ħafna meta jkollok 21 sena. Il-kirurgu estetiku Dr. Urs Bösch jgħid: “Bħala regola ġenerali, il-kirurġija kosmetika m’għandhiex issir fuq l-adolexxenti.” Ikompli jgħid li f’din l-età kemm il-ġisem taʼ l-adolexxent jinbidel kif ukoll l-għarfien li dan ikollu dwar il-ġisem tiegħu. Iktar minn hekk, fil-każ taż-żgħażagħ ikun hemm iktar ċans li jkollhom bżonn operazzjonijiet oħra biex jitranġaw xi problemi. U hekk kif ġismek jikber, il-marki taʼ l-operazzjoni jistgħu jikbru wkoll.
Qis in-Nefqa
Il-Bibbja tagħtina parir li nqisu n-nefqa qabel ma nibdew proġett importanti. (Luqa 14:28) Għall-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ, il-kirurġija kosmetika mhix possibbli minħabba l-ispejjeż finanzjarji li tinvolvi. U l-prezz jistaʼ ma jinkludix it-testijiet li wieħed irid jagħmel wara—jew l-irtokki li forsi jkun hemm bżonn.
Hemm għadd taʼ nies li għalihom il-prezz li ħallsu għall-kirurġija ma kienx biss il-flus imma wkoll is-saħħa tagħhom. Skond is-Soċjetà Amerikana għall-Kirurġija Plastika Estetika, ir-riskji tas-saħħa jinkludu nefħa temporanja, marki permanenti fil-ġisem, nuqqas t’abbiltà taʼ sensi u l-użu tas-sider għat-treddigħ, u saħansitra telf kbir taʼ demm. Per eżempju, Anna kważi mietet matul operazzjoni li għamlet biex tneħħi x-xaħam, magħrufa bħala liposuction. Hi tilmenta: “Issa għandi marki tal-biżaʼ u għafsa f’żaqqi.” Rigward dan it-tip t’operazzjonijiet, gazzetta Ġermaniża tgħid: “Ir-rapporti taʼ komplikazzjonijiet serji, saħansitra taʼ mwiet, qed jiżdiedu.” Tinsiex: “Il-kirurġija tibqaʼ kirurġija, bir-riskji kollha tagħha,” kif qal il-bullettin tas-saħħa Apotheken Umschau. Għalhekk, qis mitt darba r-riskji li jistaʼ jkun hemm qabel ma taqtagħha li tagħmel xi operazzjoni—speċjalment meta ma jkollokx raġuni medika għalxiex tagħmilha.
Tistaʼ wkoll tistaqsi lilek innifsek: ‘X’impressjoni nkun qed nagħti tiegħi nnifsi? Li għalija d-dehra fiżika għandha l-akbar prijorità? Kif tistaʼ l-għażla tiegħi tinfluwenza lil sħabi jew lil ħuti iżgħar minni?’c
Il-Motivi Tiegħek
Il-motivi tiegħek ukoll jixirqilhom ftit ħsieb bis-serjetà. U jistaʼ ma jkunx faċli li tifhem ċar x’inhuma. Per eżempju, forsi tkun trid tistaqsi lilek innifsek: ‘Irrid jien intemm it-tagħjir li nirċievi kontinwament dwar xi parti kerha f’ġismi? Jew daħlet il-vanità? Hija x-xewqa tiegħi biex inbiddel id-dehra influwenzata mill-pressjoni taʼ madwari, mir-reklami persważivi u superfiċjali, jew minn xi ħadd famuż fix-xena tad-divertiment? Qed nipprova nilħaq il-livell estrem taʼ sbuħija li huwa enfasizzat iżżejjed fil-mezzi tax-xandir illum?’
Xi wħud jaħsbu li jekk itejbu d-dehra fiżika tagħhom, forsi jkollhom iktar ċans li jsibu lil xi ħadd lil min jiżżewġu jew xi xogħol tajjeb. Imma sinċerament, il-persuni miżżewġin li taf huma kollha attraenti fiżikament? Xi ngħidu għal kulmin għandu xi xogħol? Le, dawn l-affarijiet ma jiddependux għalkollox mid-dehra persunali. Barra minn hekk, ejja ngħidu li hemm l-imgħallem tiegħek, jew inkella sibt lil xi ħadd li tistaʼ tiżżewġu. Jekk dan jitfaʼ iktar enfasi fuq l-apparenza tiegħek milli fuq il-kwalitajiet ġewwinija, se jkun jixraqlu li tonfoq dawk il-flus kollha u tiffaċċja r-riskji involuti fil-kirurġija minħabba fih?
Int u tanalizza l-motivi tiegħek bir-reqqa, iddiskuti dak li tħoss mal-ġenituri tiegħek jew ħabib matur. Jekk taħseb li tassew għandek problema f’parti minn ġismek, itlobhom l-opinjoni sinċiera tagħhom. Tafdax biss fil-mera. Rigward il-mod kif naraw id-difetti fiżiċi tagħna stess, Nana tgħid: “Inti tiħodhom iktar bis-serjetà minn oħrajn għax sempliċement tara lilek innifsek minn lenti differenti.” Ir-riċerkaturi fl-Università taʼ Landau, fil-Ġermanja, spjegaw li f’ħafna każi dak li jkun jaħseb fil-kirurġija kosmetika, “mhux għax parti mill-ġisem tkun sfigurata tassew, imma minflok għax tkun tidher sfigurata għall-persuna konċernata.”
Tiħux deċiżjoni taʼ malajr, imma qis tajjeb il-fatturi kollha. Żomm f’moħħok li kull kirurġija li tagħmel ma tistax terġaʼ lura minnha. Fi kwalunkwe tip taʼ kirurġija x’aktarx li trid tissaporti r-riżultati tagħha għal xi żmien.
L-Iktar Sbuħija Importanti
Il-ferħ ma jiġix mid-dehra tiegħek. Filwaqt li din tistaʼ żżid jew tnaqqas ir-rispett lejk innifsek, dak li jgħodd verament huwa l-personalità u l-attitudni tiegħek. Wara esperjenza li kważi switilha ħajjitha, Anna kkonkludiet: “Tgħallimt li s-sbuħija m’għandha xejn x’taqsam maʼ kif tidher minn barra.”
Filwaqt li titkellem b’mod pożittiv dwar is-sbuħija fiżika, il-Bibbja turi li din għandha importanza sekondarja meta tqabbilha mas-sbuħija spiritwali: “Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha; mara li tibżaʼ mill-Mulej taʼ min ifaħħarha.” (Proverbji 31:30; 1 Samwel 16:7) Jekk taċċetta ħarsa bħal din tkun tistaʼ ssib il-paċi ġewwinija, minkejja li xi parti minn ġismek ma tkunx togħġbok.
Tiddeċiedi x’tiddeċiedi, ftakar li d-dehra perfetta u l-ferħ perfett sempliċement ma jistgħux jintlaħqu għalissa. Kulħadd huwa imperfett b’xi mod jew ieħor. (Rumani 3:23) Dan fatt li ma tistax tibdlu. Li tistaʼ tibdel hu l-bniedem taʼ ġewwa—dak li l-Bibbja ssejjaħlu “l-bniedem moħbi fil-qalb.” (1 Pietru 3:3, 4, Saydon) Irfina l-persuna li int billi tikkultiva kwalitajiet li huma sbieħ f’għajnejn Alla. Dan ma fih l-ebda riskju jew spiża finanzjarja, u l-premjijiet huma bla qies!
[Noti taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b Il-kirurġija kosmetika (jew estetika) issir fuq partijiet b’saħħithom tal-ġisem biex ittejjeb id-dehra tagħhom. Il-kirurġija rikostruttiva għandha l-iskop li tirranġa partijiet tal-ġisem li jkunu sfigurati minħabba feriti, mard, jew mankament mit-twelid. It-tnejn huma tipi taʼ kirurġija plastika.
c Ara wkoll il-kapitlu “Kemm Hi Importanti d-Dehra Fiżika?” fil-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Kumment f’paġna 19]
Hija verament problema l-parti taʼ ġismek li għalik hija “problema,” jew għandek bżonn tirranġa l-mod kif tħares lejk innifsek ?