Il-Ġuħ il-Kbir Irlandiż—Ġrajja taʼ Mewt u Emigrazzjoni
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-IRLANDA
BISWIT il-muntanja “qaddisa” Croagh Patrick,a ġewwa l-Irlanda, hemm bastiment tassew mhux tas-soltu. Dan qisu bastiment żgħir tal-qlugħ mis-seklu 19 bil-pruwa ppontata lejn il-punent u tħares lejn l-Oċean Atlantiku. Iżda dan il-bastiment qatt ma se jsalpa. Dan qiegħed imwaħħal sew ġol-konkrit. Mifruxin madwar l-arbli hemm figuri impressjonanti taʼ skeletri umani.
Il-bastiment huwa skultura kbira tal-metall li kien ġie mikxuf uffiċjalment fl-1997 biex tiġi mfakkra waħda mill-akbar traġedji fl-istorja taʼ l-Irlanda—il-Ġuħ il-Kbir. L-iskeletri u l-bastiment huma simboli tal-mewt u l-emigrazzjoni kbira li mmarkaw is-snin traġiċi taʼ l-1845-50.
M’għandniex xi ngħidu, l-Irlanda m’hijiex l-uniku pajjiż li esperjenzat il-ġuħ. Ħafna pajjiżi batew l-istess ħaġa. Madankollu, il-Ġuħ il-Kbir Irlandiż kien b’mod speċjali traġiku b’ħafna modi. Fl-1845, il-popolazzjoni Irlandiża kienet madwar tmien miljuni. Sa l-1850, forsi kienu mietu miljun u nofs ruħ bħala riżultat tal-ġuħ! Miljun ruħ oħra emigraw, l-iktar lejn il-Britannja jew l-Istati Uniti, biex isibu ħajja aħjar. Hemm xi dubju li dan kien ġuħ kbir? Żgur li le.
Xi kkaġuna ġuħ kbir bħal dan? X’għajnuna ngħataw il-vittmi? X’nistgħu nitgħallmu minn dan l-hemm? Biex nifhmu sew it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet, l-ewwel ejja neżaminaw fil-qosor kif kienet il-ħajja fl-Irlanda fis-snin taʼ qabel il-ġuħ.
Qabel il-Ġuħ il-Kbir
Sal-bidu tas-seklu 19, il-Britannja kienet estendiet id-dominju tagħha fuq parti kbira taʼ l-art. Dan kien jinkludi l-Irlanda. Parti kbira mill-Irlanda kienet propjetà taʼ sidien Ingliżi, li ħafna minnhom kienu joqogħdu l-Ingilterra. Dawn is-sidien taʼ l-art, li kienu jgħixu ’l bogħod mill-post li kienu jikru, kienu jżommu kera għolja lill-kerrejja Irlandiżi tagħhom u kienu jagħtuhom salarju baxx ħafna għax-xogħol iebes li kienu jagħmlu.
Eluf taʼ bdiewa żgħar, jew kampanjoli, kienu jgħixu f’faqar estrem. Minħabba li ma kinux jistgħu jixtru l-laħam jew ħafna ikel ieħor, in-nies kienu jkabbru l-patata, l-irħas, l-eħfef, u l-iktar prodott sostanzjali li setgħu jkabbru f’dawn iċ-ċirkustanzi.
L-Importanza tal-Patata
Il-patata ġiet introdotta fl-Irlanda madwar l-1590. Din kienet taʼ suċċess kbir minħabba li t-temp umduż u moderat taʼ l-Irlanda għamel tajjeb għat-tkabbir tal-patata u din setgħet tikber ukoll f’ħamrija mhux fertili. Kienet tintuża bħala ikel għall-bniedem u anki għall-annimali. F’nofs is-seklu 19, ftit inqas minn terz taʼ l-art li kienet tajba għar-rabaʼ kienet qed tintuża biex ikabbru l-patata. Kważi żewġ terzi minn din il-patata kienet qed tintuża għall-konsum tal-bniedem. Ir-raġel Irlandiż medju kien jiekol il-patata kuljum—u kważi xejn iktar!
Minħabba li ħafna nies kienu jiddependu kompletament mill-patata għall-ikel, din is-sitwazzjoni kienet qed tistieden xi diżastru. X’kien jiġri kieku l-prodott falla?
L-Ewwel Falliment tal-Prodott
Il-prodott tal-patata kien diġà falla xi drabi oħra. Miżuri li kienu jittieħdu biex tingħata għajnuna għal xi żmien tejbu din is-sitwazzjoni, u meta l-ħsad tas-sena taʼ wara kien ikun wieħed tajjeb, ftit kien ikun hemm tbatija. B’hekk, meta fl-1845 il-ġbir tal-patata falla, l-awtoritajiet ma rawx li kellhom għalfejn jinkwetaw.
Iżda din id-darba s-sitwazzjoni kienet ħafna iktar serja. Illum il-ġurnata nafu li l-marda fungali, phytophthora infestans—magħrufa iktar bħala l-ġlata—ikkaġunat il-falliment tal-prodott taʼ l-1845. Dan il-fungu li jiġri fl-arja nfirex malajr minn għalqa patata għal oħra. Il-patata infettata, letteralment tħassret fil-ħamrija, u dik li kienu ħażnu kienet qed “tispiċċa fix-xejn.” Ladarba tip wieħed biss taʼ patata kien ġie miżrugħ, il-ħsad tal-pajjiż kollu ġie effettwat. U minħabba li ż-żerriegħa tas-sena taʼ wara kienet tittieħed mill-prodott taʼ dik is-sena, dan il-fungu kellu effett qerriedi wkoll fuq il-ħsad futur.
It-Tieni Falliment tal-Prodott
Is-sena taʼ wara, fl-1846, inżergħet patata taʼ kwalità fqira mill-ftit li setgħu jsalvaw mis-sena taʼ qabel, iżda l-ġlata qerdet ukoll dan it-tieni prodott. Ladarba ma kien għad fadal xejn tajjeb għall-ħsad, ħafna bdiewa tilfu xogħolhom. Is-sidien taʼ l-art ma setgħux jaffordjaw li jħallsuhom.
Il-gvern ipprovda xogħlijiet differenti li setgħu jkunu taʼ għajnuna, billi qabbad ħafna minn dawn in-nies foqra—l-iktar biex jagħmlu t-toroq—sabiex jipprovdu għall-familji tagħhom.
X’uħud setgħu jsibu xogħol biss fl-istituzzjonijiet tax-xogħol għan-nies fqar. Dawn il-postijiet kienu jħaddmu nies fil-bżonn. Tax-xogħol li kienu jagħmlu, il-ħaddiema kienu jingħataw ikel u post fejn joqogħdu. Ix-xogħol kien iebes. Ħafna drabi l-ikel kien ikun imħassar, u l-post fejn kienu joqogħdu kien wieħed primittiv ħafna. Xi ftit mill-ħaddiema mietu.
Dawn il-miżuri pprovdew ftit serħan. Iżda l-kbir kien għadu ġej. Ix-xitwa taʼ l-1846/47 kienet waħda kiesħa ħafna, u naqqset ħafna mix-xogħol li kien isir barra. Diversi aġenziji tal-gvern qassmu ikel b’xejn. Madankollu, wara sentejn, il-fondi li kien qed joħroġ il-gvern għal dan ix-xogħol t’għajnuna bdew jonqsu, u l-għajnuna kollha provduta ma kinitx biżżejjed għall-folol tan-nies dgħajfin fiżikament li dejjem kienu qegħdin jiżdiedu. Imbagħad, l-Irlanda qalgħet daqqa taʼ ħarta oħra.
Is-sidien taʼ l-art li kienu jgħixu ’l bogħod mill-propjetà li kienu jikru—ħafna minnhom mimlijin dejn huma stess—komplew jitolbu l-flus tal-kera. Ħafna mill-kerrejja ma setgħux iħallsuha, u bħala riżultat, ħafna tkeċċew mir-rabaʼ li kienu jaħdmu fih u minn djarhom. Xi ftit mill-kerrejja telqu mill-post u marru fil-bliet b’tama li jsibu ħajja aħjar. Iżda fejn kienu se jmorru mingħajr ikel, flus, u post fejn joqogħdu? Għal ħafna minnhom, l-emigrazzjoni saret l-unika għażla.
L-Emigrazzjoni bil-Massa taʼ Ħafna Nies f’Daqqa
L-emigrazzjoni ma kinitx xi ħaġa ġdida. Sa mill-bidu tas-seklu 18, kien hemm diġà ammont żgħir taʼ emigranti mill-Irlanda li kienu sejrin lejn il-Britannja u l-Amerika. Wara x-xitwa taʼ l-1845, dawn żdiedu bil-qabda! Sa l-1850, 26 fil-mija tar-residenti fi New York kienu Irlandiżi—kien hemm iktar ċittadini mweldin l-Irlanda milli kien hemm fil-kapitali taʼ l-Irlanda, Dublin.
Matul is-sitt snin taʼ ġuħ, ħamest elef bastiment għamlu l-vjaġġ perikoluż taʼ 5,000 kilometru minn ġo l-Atlantiku. Ħafna mill-bastimenti kienu qodma. Xi ftit minnhom kienu ntużaw qabel bħala bastimenti taʼ l-ilsiera. Ir-raġuni li baqgħu jintużaw kienet minħabba l-emerġenza li qamet. Ftit kien sar titjib fil-bini żgħir u magħluq fejn kienu jinżammu l-passiġġieri. L-indafa ma kinitx teżisti, u l-passiġġieri kellhom jgħaddu bi ftit li xejn ikel.
Minħabba l-ġuħ, eluf taʼ passiġġieri li diġà kienu debboli mardu. Ħafna mietu waqt li kienu fuq il-baħar. Fl-1847, il-bastimenti li kienu jbaħħru lejn il-Kanada bdew jissejħu bastimenti tat-twiebet. Bejn wieħed u ieħor, mill-100,000 emigrant li ġarrew, iktar minn 16,000 mietu fuq il-baħar jew ftit wara li niżlu l-art. In-nies kienu jsemmu dawn il-kundizzjonijiet perikolużi fl-ittri li kienu jibagħtu lill-ħbieb u lill-qraba fl-Irlanda—iżda xorta waħda, l-emigranti komplew jitilqu bil-gzuz.
Xi ftit mis-sidien taʼ l-art għenu lill-kerrejja li kellhom qabel. Per eżempju, wieħed minnhom kera tliet vapuri u ħallas il-passaġġ taʼ elf mill-kerrejja tiegħu. Madankollu, bosta mill-emigranti kellhom jitħabtu biex iħallsu l-passaġġ. Taʼ spiss, persuna waħda jew tnejn minn familja kbira setgħu jaffordjaw li jmorru. Immaġina xi qsim il-qalb kien ikun hemm fil-port waqt li eluf taʼ membri tal-familja kienu jsellmu lil xulxin—x’aktarx għall-aħħar darba.
Mard u t-Tielet Falliment tal-Prodott
Wara żewġ fallimenti wara xulxin fil-ġbir tal-patata u emigrazzjoni kbira, il-ftit li kien għad fadal mill-popolazzjoni kellhom iħabbtu wiċċhom maʼ ħaġa devastanti oħra. Il-mard! It-tifu, id-disenterija, u l-iskorbut qatlu iktar nies. Ħafna minn dawk li baqgħu ħajjin x’aktarx li ħasbu li l-affarijiet ma setgħux imorru agħar minn hekk, iżda kienu żbaljati.
Il-ġbir tal-patata rnexxa fl-1847 u malli raw dan il-bdiewa għamlu l-qalb u fl-1848 ittriplikaw l-art għaż-żrigħ tal-patata. Imbagħad ġrat katastrofi! F’dak is-sajf għamlet ħafna xita u l-ġlata reġgħet tfaċċat. Il-prodott reġaʼ ntilef għat-tielet darba f’erbaʼ staġuni. L-aġenziji tal-gvern u l-għaqdiet ma kinux jifilħu jipprovdu iktar għajnuna. Madankollu, kellu jiġri agħar minn hekk. Fl-1849, epidemija tal-kolera qatlet iżjed minn 36,000 ruħ.
Ir-Riżultati
Madankollu, wara l-epidemija seħħet bidla sinifikanti. Il-prodott tal-patata li kien imiss irnexxa. Bil-mod il-mod, l-affarijiet tjiebu. Il-gvern ħareġ liġijiet ġodda li kkanċellaw id-dejn kollu li kien irriżulta mill-ġuħ. Il-popolazzjoni reġgħet bdiet tikber mill-ġdid. Għalkemm il-ġlata effettwat xi ftit mill-ħsad fis-snin taʼ wara, qatt iktar ma kien hemm sitwazzjonijiet koroh daqs dawk li kkaġunaw it-telf taʼ iktar minn kwart tal-popolazzjoni Irlandiża matul dawn is-snin traġiċi taʼ ġuħ.
Illum il-ġurnata, madwar l-Irlanda, wieħed jistaʼ jara ħitan imġarrfin u djar meqrudin li b’sogħba jfakkru ż-żminijiet ebsin li rriżultaw fl-emigrazzjoni taʼ ħafna Irlandiżi. Fl-Istati Uniti biss, iktar minn 40 miljun ruħ jistgħu jgħidu li huma taʼ dixxendenza Irlandiża. Il-President John F. Kennedy taʼ l-Istati Uniti, kif ukoll Henry Ford, li vvinta l-karozza Ford, kienu dixxendenti taʼ l-emigranti li vvjaġġaw mill-Irlanda fuq il-bastimenti waqt żmien il-ġuħ.
Tabilħaqq, il-falliment ripetut tal-prodott tal-patata kien fattur ewlieni f’din il-ġrajja kerha taʼ mewt u emigrazzjoni. Fattur ieħor importanti huwa dak li ddeskriva wieħed kittieb Bibliku tal-qedem meta qal li “bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.” (Koħèlet 8:9) Inħossuna grati li l-kelma t’Alla, il-Bibbja, tiżgurana li l-Ħallieq taʼ l-art u dak kollu li tipproduċi se jistabbilixxi dinja ġdida bħal ġenna, u se jġib paċi dejjiema u prosperità għal kulħadd. (2 Pietru 3:13) Barra minn hekk, is-salmista tal-qedem bassar: “Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet taʼ l-għoljiet.”—Salm 72:16.
[Nota taʼ taħt]
a Ara The Watchtower tal-15 t’April, 1995, paġni 26-8.
[Stampa f’paġna 14]
Monument li jfakkar il-Ġuħ il-Kbir
[Stampa f’paġna 15]
Tfittxija għall-patata, kif muri fi tpinġija fl-“Illustrated London News” tat-22 taʼ Diċembru, 1849
[Stampa f’paġna 16]
Tqassim taʼ ħwejjeġ lill-familji fil-bżonn
[Sors]
u paġna 15: From the newspaper The Illustrated London News, December 22, 1849
[Stampa f’paġna 16, 17]
“Il-Bastiment taʼ l-Emigranti”(Pittura taʼ Charles J. Staniland, ċ. 1880)
[Sors]
Bradford Art Galleries and Museums, West Yorkshire, UK/Bridgeman Art Library
[Stampa f’paġna 17]
Djar meqrudin li b’sogħba jfakkru ż-żminijiet ebsin li rriżultaw miż-żminijiet tal-ġuħ
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 14]
L-iskeċċ taʼ fuq: Courtesy of the “Views of the Famine” Web site at http://vassun.vassar.edu/-sttaylor/FAMINE