LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 10/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Toqgħodx Tgħodd in-​Nagħaġ
  • Orki Attirati minn Djaletti
  • Il-​Kelb il-​Baħar l-​Abjad Jiġi Segwit
  • L-​Iktar Roller Coaster Veloċi
  • Għad Hawn Domanda għal Bini Għoli
  • Storbju fl-​Ambjent u l-​Problemi tas-​Smigħ
  • Konsum Sproporzjonat
  • L-​Ewwel Sinjali taʼ l-​Anoreksja
  • Eżerċizzju bil-​Moderazzjoni
  • Il-Foresti
    Stenbaħ!—2023
  • Ġurnata mad-Dniefel
    Stenbaħ!—2002
  • Ġojjelli Ħajjin mid-Dinja taʼ l-Insetti
    Stenbaħ!—2004
  • L-​Itteppjar Tas-​Sħab
    Stenbaħ!—1997
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 10/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Toqgħodx Tgħodd in-​Nagħaġ

Skond ir-​rivista New Scientist, il-​problema kronika tan-​nuqqas taʼ rqad teffettwa lil 1 minn kull 10 persuni. Ix-​xjenzati jikkalkulaw li n-​nuqqas taʼ rqad jiswa lill-​ekonomija Amerikana kważi $35 biljun (Lm16-il biljun) kull sena minħabba s-​sick leave u l-​inċidenti. X’jistgħu jagħmlu dawk li jbatu bl-​insomnja biex ikunu jistgħu jorqdu? Riċerkaturi fl-​Università taʼ Oxford staqsew lil grupp wieħed t’uħud li jbatu bl-​insomnja biex jaħsbu dwar xi xena sabiħa u rilassanti, bħal xi kaskata jew xi post favorit taʼ vaganza. Lil dawk tat-​tieni grupp talbuhom jgħoddu n-​nagħaġ, filwaqt li lil tat-​tielet grupp ħallewhom jagħżlu huma dak li riedu jagħmlu. Tat-​tieni u t-​tielet grupp ħadu ftit iktar ħin biex jorqdu, imma taʼ l-​ewwel grupp raqdu, bejn wieħed u ieħor, ftit iktar minn 20 minuta qabel is-​soltu. Allison Harvey, membru tat-​tim tar-​riċerka, qalet li l-​fatt li jgħoddu n-​nagħaġ m’huwiex effettiv għax huwa wisq monotonu biex dak li jkun jinsa l-​inkwiet li jkollu.

Orki Attirati minn Djaletti

The Vancouver Sun tal-​Kanada staqsiet kif l-​orki li jqattgħu ħajjithom fl-​istess klikka żgħira jirnexxilhom jevitaw li jitgħammru maʼ balieni li jiġu minnhom mill-​qrib. Permezz taʼ riċerka ġenetika li damet sejra sebaʼ snin u 340 kampjun tad-​DNA taʼ l-​orki fil-​British Columbia u fl-​Alaska, Lance Barrett-Lennard, xjenzat imlaħħaq fil-​Vancouver Aquarium skopra li l-​orki nisa jitgħammru esklużivament maʼ orki rġiel taʼ klikek oħra, imma mhux barra mill-​popolazzjoni lokali, jew grupp taʼ klikek. “M’hemm l-​ebda evidenza taʼ tgħammir inċestuż,” jgħid Barrett-Lennard. Hu jkompli jżid li t-​tgħammir kważi dejjem iseħħ bejn gruppi bi djaletti differenti ħafna. L-​artiklu jkompli jgħid li l-​orki jagħżlu sieħeb li jkun jiġi minnhom mill-​bogħod kemm jistaʼ jkun, proċess li wisq probabbli hu bbażat fuq li jisimgħu l-​vokalizzazzjonijiet, jew djaletti, taʼ orki oħra u jsibu dawk li huma l-​iktar differenti minn tagħhom.

Il-​Kelb il-​Baħar l-​Abjad Jiġi Segwit

“Il-​kelb il-​baħar l-​abjad, l-​akbar ħuta predatriċi, ġie segwit permezz taʼ satellita u nstab li jivvjaġġa eluf taʼ mili [kilometri] fl-​oċean miftuħ,” tgħid The Daily Telegraph taʼ Londra. Din l-​iskoperta, pubblikata fir-​rivista Nature, ġabet fix-​xejn l-​ideat li hawn dwar il-​klieb il-​baħar il-​bojod. Għalkemm jinstabu madwar id-​dinja kollha, kienu jaħsbu li l-​kelb il-​baħar kien jibqaʼ viċin ix-​xtut jikkaċċja l-​foki u l-​bumerini u qatt ma jmur ’il bogħod mit-​territorju tiegħu. Dan l-​aħħar, però, meta riċerkaturi f’Kalifornja waħħlu apparat elettroniku fuq erbat iklieb il-​baħar irġiel u żewġt iklieb il-​baħar nisa biex jidentifikawhom, sabu li kelb il-​baħar minnhom kien għam sal-​gżejjer tal-​Ħawajj—3,700 kilometru ’l bogħod mill-​kosta taʼ Kalifornja—billi għamel madwar 70 kilometru kull ġurnata. L-​istudju wera wkoll li l-​klieb il-​baħar il-​bojod, għalkemm rari jogħdsu iktar minn 30 metru viċin ix-​xatt, kultant jogħdsu fil-​fond ħafna fl-​oċean miftuħ.

L-​Iktar Roller Coaster Veloċi

“L-​iktar roller coaster veloċi fid-​dinja nfetħet għall-​pubbliku fil-​lunapark Fujikyu Highland,” tirrapporta l-​gazzetta IHT Asahi Shimbun tal-​Ġappun. Peress li tilħaq il-​172 kilometru fis-​siegħa wara biss żewġ sekondi mindu tkun bdiet, m’hijiex tajba għal dawk li m’għandhomx kuraġġ. Tkun qisek qed tiġi sparat minn xi rokit. Dawk li jirkbu fuqha jħossu l-​ġibda tal-​gravità li normalment iħossu l-​piloti taʼ l-​ajruplani tal-​gwerra. Heith Robertson, id-​direttur tal-​proġett tal-​kumpanija li bniet din ir-​roller coaster, qal li ajruplan meta jillanċjawh jistaʼ jkollu forza taʼ 2.5 Gs [il-forza tal-​gravità multiplikata bi 2.5]. Din ir-​roller coaster għandha forza taʼ 3.6 Gs. Ir-​roller coaster timxi fuq roti bħal t’ajruplani żgħar u taħdem bi tliet kompressuri taʼ l-​arja li jiġġeneraw 50,000 horsepower. Din tistaʼ tiġi mqabbla maʼ rokit żgħir.

Għad Hawn Domanda għal Bini Għoli

Il-​U.S.News and World Report jgħid li t-​tiġrif tat-​twin towers ġagħal lill-​periti u l-​inġinieri jirrealizzaw xi ħaġa tal-​biżaʼ li qatt ma kienu ġarrbuha qabel. Minkejja l-​biżaʼ li hemm bħalissa, id-​domanda għall-​bini għoli b’ħafna sulari mhix se tispiċċa. Raġuni waħda hi li f’xi nħawi jew hemm nuqqas t’art jew inkella l-​art tkun tiswa ħafna flus. Barra minn hekk, il-​bliet irid ikollhom xi ħaġa biex jiffanfraw biha. Skond William Mitchell, dekan taʼ l-​iskola taʼ l-​arkitettura u l-​ippjanar fl-​Istitut tat-​Teknoloġija f’Massachusetts, il-​bini għoli b’ħafna sulari jgħin biex pajjiżhom jikseb ċertu prestiġju u fama, juri kemm hu modern, u affarijiet bħal dawn. Madankollu, il-​periti qed jiddibattu dwar kif il-​bini jistgħu jibnuh b’livell akbar taʼ sigurtà. Il-​bini jistaʼ jiġi ssodat biex jiflaħ l-​attakki billi jinbnew ħitan kif ukoll jitpoġġew twieqi li jirreżistu l-​isplużjonijiet, iżda dawn se jżidu t-​toqol kif ukoll il-​prezz. Fiċ-​Ċina, il-​kodiċi tal-​bini tirrikjedi li kull 15-il sular ikun hemm sular miftuħ għall-​arja li jkun vojt u jintuża bħala kenn (“refuge floor”). Kodiċi oħra tal-​bini f’postijiet oħra jirrikjedu li jkun hemm lift sa fuqnett li jkun disinjat apposta għall-​pompiera, kif ukoll taraġ fejn il-​pressjoni taʼ l-​arja tkun miżjuda biex b’hekk ma jidħolx duħħan. Id-​disinjaturi tax-​Shanghai World Financial Center, li għandu mnejn isir l-​ogħla bini fid-​dinja, diġà qed jinkludu iktar prekawzjonijiet fil-​pjanti tagħhom.

Storbju fl-​Ambjent u l-​Problemi tas-​Smigħ

“Wieħed minn kull ħamest itfal taʼ l-​iskola u wieħed minn kull tliet adulti fil-​Polonja għandhom problema tas-​smigħ,” tgħid ir-​rivista Pollakka Polityka. Xi stħarriġ li sar juri li l-​iktar affarijiet li jdejqu lin-​nies jinkludu l-​istorbju tat-​traffiku u l-​istorbju taʼ l-​awdjo, tal-​vidjo, u taʼ l-​inġenji fid-​dar. Rapport dwar l-​istat li jinsab fih l-​ambjent jgħid li ż-​żjieda fit-​traffiku f’Varsavja diġà żiedet l-​istorbju f’waħda mit-​toroq prinċipali b’100 deċibel. It-​twerżiq tat-​tfal waqt li jkunu qed jilagħbu jilħaq l-​istess livell. L-​istorbju taʼ l-​amplifajers li jintużaw fid-​diskoteki jistgħu jlaħħqu livelli għoljin sa 120 deċibel, li hu ftit inqas mil-​livell li jikkaġuna l-​uġigħ, jiġifieri dak taʼ minn 130 sa 140 deċibel. L-​ispeċjalisti jgħidu li dan l-​istorbju huwa l-​kaġun dirett tal-​problemi tas-​smigħ. Il-​professur Henryk Skarżyński, otolaringologu fl-​Istitut tal-​Fiżjoloġija u l-​Patoloġija tas-​Smigħ, jgħid li l-​problemi tas-​smigħ jirriżultaw fi problemi soċjali serji. In-​nies li jiġu effettwati minnhom huma iktar irritabbli, għandhom diffikultajiet biex jitgħallmu, u jsibuha iktar diffiċli biex jitgħallmu lingwi barranin.

Konsum Sproporzjonat

The State of World Population 2001 jirrapporta li għoxrin fil-​mija tal-​popolazzjoni tad-​dinja issa tikkonsma 86 fil-​mija tal-​prodotti u s-​servizzi tad-​dinja. Ir-​rapport, maħruġ mill-​Fond tal-​Ġnus Magħquda għall-​Popolazzjoni, iwissi dwar differenza kbira fil-​konsum li hemm bejn dawk li jgħixu f’pajjiżi industrijalizzati u dawk li jgħixu f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Per eżempju, tifel li jitwieled illum f’pajjiż industrijalizzat, f’ħajtu se jżid iktar il-​konsum u t-​tniġġis milli jżidu 30 sa 50 tifel u tifla li jitwieldu f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Ir-​rapport ikompli jgħid li fil-​preżent, wieħed minn kull ħamsa taʼ dawk li jgħixu f’pajjiżi industrijalizzati hu responsabbli għal iktar min-​nofs l-​ammont taʼ carbon dioxide li jintafaʼ fl-​atmosfera, waqt li wieħed minn kull ħamsa tal-​pajjiżi foqra jipproduċi biss 3 fil-​mija. Iktar minn hekk, id-​daqs taʼ art produttiva jew taʼ baħar meħtieġ biex isostni l-​istil taʼ ħajja taʼ individwu fil-​pajjiżi żviluppati huwa kważi erbaʼ darbiet akbar minn dak meħtieġ biex isostni individwi f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

L-​Ewwel Sinjali taʼ l-​Anoreksja

The Times taʼ Londra rrapportat li l-​ġenituri jistgħu jagħrfu l-​ewwel stadji taʼ l-​anoreksja jew il-​bulimja fit-​tfal tagħhom billi jinnotaw id-​drawwiet tagħhom taʼ l-​ikel. L-​Assoċjazzjoni tat-​Taqlib Konness maʼ l-​Ikel (EDA) ippubblikat gwida li tgħin lill-​ġenituri u lil dawk li jieħdu ħsieb it-​tfal biex jidentifikaw il-​problemi taʼ l-​ikel qabel ma jkun tard wisq. L-​ewwel sinjali taʼ twissija jistgħu jinkludu li t-​tfal jiħduha drawwa li jqattgħu l-​ikel f’biċċiet żgħar jew jieqfu għal xi ħames minuti bejn gidma u oħra. X’uħud minn dawk li jbatu b’taqlib konness maʼ l-​ikel jipprovaw jidħqu b’dawk taʼ madwarhom b’diversi modi, fosthom billi jilbsu ħwejjeġ wesgħin biex jaħbu l-​ikel li ma jkunux kielu. Għandhom mnejn li jkunu jridu li jitneħħew xi ritratti li fihom jidhru b’saħħithom u b’piż normali. Il-​gwida taʼ l-​EDA tagħti parir lill-​ġenituri biex ma jinjorawx dawn is-​sinjali u biex ikunu onesti dwar dak li jkunu osservaw.

Eżerċizzju bil-​Moderazzjoni

Ir-​rivista Franċiża L’Express tinnota li huwa tajjeb li tagħmel eżerċizzji bħal ġogging, ġiri bir-​rota, jew għawm għal tliet darbiet fil-​ġimgħa għal madwar 30 minuta jew siegħa mingħajr ma taqtaʼ qalbek. Imma jekk trid tevita li jkollok problemi serji taʼ saħħa, l-​eżerċizzju m’għandux ikun estrem. Attivitajiet eċċessivi t’eżerċizzju jistgħu jdgħajfu l-​ġogi, ifarrku l-​irkobbtejn, jikkaġunaw slipped disks, fratturi fl-​għadam, pressjoni għolja, problemi taʼ diġestjoni, osteoporosi prematura, u anki attakki tal-​qalb. L’Express tirrapporta li kull sena fi Franza, l-​eżerċizzju jikkaġuna l-​mewt f’daqqa taʼ 1,500 atleta li jkollhom saħħa fiżika eċċellenti. Dr. Stéphane Cascua, speċjalista tal-​mediċina relatata maʼ l-​isports fl-​isptar taʼ Pitié-Salpêtrière f’Pariġi, jagħti dan il-​parir lil dawk il-​ħafna wħud li ġeneralment jagħmlu l-​eżerċizzju fi tmiem il-​ġimgħa biss u li eventwalment jispiċċaw l-​isptar: Agħmel eżerċizzju regolarment, imma taqbiżx il-​75 fil-​mija tal-​kapaċità kardjovaskulari massima tiegħek.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja