“Deheb Aħmar” mill-Mediterran
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-ITALJA
KIEN hemm żmien meta l-istudjużi ma setgħux jaqblu jekk kienx ħaxixa jew minerali. Il-kulur jixgħel tiegħu ilu żmien jaffaxxina lill-ammiraturi. Matul is-sekli, ġie użat bħala ornament, materjal għall-arti, taliżman, mediċina, u saħansitra bħala flus. Fil-biċċa l-kbira, illum huwa użat fil-produzzjoni tal-ġojjelli. Fuqiex qed nitkellmu? Il-qroll aħmar mill-Mediterran—tant prezzjuż li ġie msejjaħ deheb aħmar.
X’inhu eżattament il-qroll aħmar? Fejn u kif jifforma? Liema metodi ntużaw biex jinġabar? Kif kien jinħadem fil-passat? U kif jinħadem illum?
Annimal, Ħaxixa, jew Minerali?
Naturalisti tal-qedem iddeskrivew il-qroll aħmar tal-Mediterran (Corallium rubrum), kif kien jinġabar, u għalxiex kien jintuża. Sas-seklu 18 mhux kulħadd kien għadu jaf li l-qroll huwa l-fdal skeletali taʼ organiżmu mill-qasam taʼ l-annimali, bħalma wara kollox huwa l-qroll kollu. Dawk li jistgħu jidhru li huma fjuri fuq siġra żgħira fil-fatt huma t-tentakli taʼ ħlejjaq ħajjin—kolonji taʼ polipi. Il-friegħi, li jilħqu tul taʼ bejn 25 u 30 ċentimetru, huma depożiti taʼ ġir solidu li jittieħed mill-baħar minn kolonji sħaħ taʼ dawn l-organiżmi biex jipproteġu lilhom infushom. Kull fergħa għandha l-istess kulur, imma jistgħu jiġu notati għadd taʼ skali differenti t’aħmar. Il-qroll aħmar jistaʼ jikber fuq kwalunkwe oġġett solidu—blata, bastiment mgħarraq, jew saħansitra balla taʼ xi kanun antik—f’fond taʼ 250 metru, imma jeħtieġ ibħra kalmi u mhux imniġġsin, u li jkun fihom ammont kbir taʼ melħ u jkollhom temperatura li tvarja minn 10 sa 29 grad Celsius. Dan jistaʼ jinstab fl-ibħra Mediterranji taʼ l-Albanija, l-Alġerija, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Jugoslavja, il-Marokk, Spanja, u t-Tuniżija u fl-ibħra taʼ l-Atlantiku ’l hinn minn Kap Verde u l-Marokk. Huwa stmat li kull sena l-kolonji ż-żgħar jikbru b’rata li tvarja minn 4 sa 8 millimetri f’dak li hu tul u madwar millimetru u nofs f’dak li hu dijametru.
Taʼ Valur minn Żmien il-Qedem
L-evidenza arkeoloġika turi li l-qroll ilu żmien twil jinħadem, jiġi negozjat, u jitqies bħala oġġett taʼ valur. Għall-ewwel, il-bniedem x’aktarx li ma kien jagħmel xejn għajr li jiġbor il-friegħi li l-mewġ ikun tellaʼ fuq ix-xtut tal-Mediterran. Biċċiet taʼ qroll aħmar, li wisq probabbli kienu jintużaw bħala amuleti, instabu f’oqbra antiki fl-Isvizzera. Kien ukoll fost il-ġojjelli taʼ alla mara Sumerjana. L-Eġizzjani kienu jqisuh taʼ valur għoli ħafna. Il-Lhud tal-qedem kienu jistmaw il-qroll daqs il-fidda u d-deheb pur. (Proverbji 8:10, 11; Lamentazzjonijiet 4:7) Anki ċ-Ċelti kienu jqisuh taʼ valur għoli, u kienu jużawh biex iżejnu l-armi u l-ilġiem taż-żwiemel tagħhom.
In-naturalista Ruman Plinju jirrapporta li fl-ewwel seklu E.K., il-qroll aħmar kien jinġabar mill-Golf taʼ l-Iljuni (Franza), matul il-kosta fil-punent tal-peniżola Taljana, u madwar Sqallija. Il-kolonji kienu jiġbduhom bix-xbieki jew jaqtgħuhom b’għodda tal-ħadid li tkun taqtaʼ ħafna. Lura f’dak iż-żmien, il-qroll kien meqjus bħala rimedju għad-deni, għall-ġebel fil-kliewi, u għall-mard taʼ l-għajnejn. Kienu jaħsbu wkoll li dawk li kienu jippossiedu l-qroll kienu jiġu protetti mill-uragani u s-sajjetti.
Sas-seklu 10 E.K., l-Għarab mill-Afrika taʼ Fuq kienu vvintaw apparat biex jiġbru l-qroll—salib kbir djagonali li t-travi tiegħu kellhom tul taʼ bejn 4 u 5 metri. Miegħu kienu jorbtu ġebla tqila biex jagħmluh itqal u fin-nofs u mat-truf kienu jdendlu għadd taʼ xbieki, li xi wħud minnhom kienu twal 8 metri. L-apparat kien jitniżżel minn fuq id-dgħajsa f’qiegħ il-baħar fejn ikun hemm il-qroll u jkaxkruh min-naħa għall-oħra. B’dan il-mod, il-friegħi tal-qroll kienu jitqaċċtu, jitħabblu fix-xbieki, u jinġabru meta l-apparat kien jittellaʼ mill-ġdid fil-wiċċ. Sa ftit snin ilu, kienu għadhom jiġu użati varjazzjonijiet taʼ dan l-apparat u taʼ dan il-metodu, sakemm il-biżaʼ li kienet qed issir ħsara lil qiegħ il-baħar u l-fawna tiegħu wassal biex dawn jiġu projbiti u minflokhom jintużaw il-bugħaddasa. Fit-teorija, il-bugħaddasa jistgħu jkunu iktar selettivi u jeqirdu inqas, imma fil-prattika, xi wħud minnhom urew biċ-ċar li kienu kapaċi jneżżgħu qiegħ il-baħar mill-qroll.
Sengħa Tradizzjonali Taljana
F’Ruma tal-qedem, nies tas-sengħa pproduċew amuleti, żibeġ għall-kullani, u skulturi li jirrappreżentaw suġġetti mill-mitoloġija u n-natura. Sas-seklu 12, l-esportazzjoni kummerċjali taʼ żibeġ, buttuni, u oġġetti oħra bejn Ġenova u Kostantinopli u diversi portijiet oħra fil-Mediterran kienet qabdet sew. Fi żmien Marco Polo (is-seklu 13), il-qroll Mediterranju kien imfittex ħafna fl-Indja u l-Indo-Ċina, u l-merkanti Għarab ħaduh ’il bogħod saċ-Ċina.
Trapani, Napli, u Ġenova, flimkien maʼ bliet oħrajn, ipproduċew kwantità kbira taʼ ornamenti b’wiċċ lixx. L-iktar li spikkaw fil-perijodi taʼ l-hekk imsejħin Manjeriżmu u Barokk (mis-seklu 16 sas-seklu 18) kienu l-prodotti taʼ Trapani, fejn disinni żgħar tal-qroll, imwaħħlin fuq uċuħ taʼ l-injam jew tal-metall indurat bid-deheb, kienu jżejnu diversi tipi taʼ oġġetti—kaxxi tal-ġojjelli, gabarrejiet, gwarniċi, mirja, u ornamenti tal-knisja. Xeni elaborati tat-twelid taʼ Ġesù ġew imnaqqxin fil-qroll, u eluf taʼ żibeġ żgħar tal-qroll ġew meħjutin fuq ilbies prezzjuż u tapizzeriji taʼ fuq l-artal. Speċjalment fis-seklu 19, inħadmu diversi ornamenti persunali f’kull stil u forma—settijiet tal-ġojjelli, tjari, imsielet, pendenti, kullani, gamewwi, labar, u ċpiepet li tnaqqxu f’sura taʼ fjuri, weraq, annimali, u disinji b’ispirazzjoni klassika.
Il-belt taʼ Torre del Greco, fil-Bajja taʼ Napli, l-Italja, tispeċjalizza fix-xogħol tal-qroll aħmar. Fil-fatt, huwa kalkulat li l-belt taħdem 90 fil-mija tal-qroll aħmar kollu li jinġabar mad-dinja kollha. Hawnhekk, l-artiġjani tas-sengħa jużaw segi li jaqtgħu fit-tond biex jaqtgħu l-friegħi tal-qroll f’biċċiet. Xi wħud jinħadmu bil-magni biex jipproduċu żibeġ forma taʼ sfera. Oħrajn jinħadmu bl-idejn f’daqsijiet u forom differenti, u mbagħad jiġu illostrati, u montati fuq ċrieket, imsielet, u oġġetti oħra. Matul il-produzzjoni, minn 50 sa 75 fil-mija tal-materja prima kollha tintilef jew titwarrab, u din hi waħda mir-raġunijiet għala l-ġojjelli magħmulin mill-qroll finalment jiswew iktar kull gramma mill-ġojjelli tad-deheb.
Din l-industrija kellha l-mumenti tagħha taʼ glorja u bosta nies stagħnew minn fuqha. Sfortunatament, skond il-ktieb Il Corallo Rosso (Qroll Aħmar), il-qroll ġibed lejh ukoll individwi li huma dominati mix-xewqa li jagħmlu ħafna flus fl-inqas żmien possibbli, u li huma kapaċi jisfruttaw is-sikek tal-qroll sakemm jeqirduhom. Tħassib dwar il-futur taʼ dan it-tip taʼ qroll u l-industrija li tiddependi minnu qanqal lil xi persuni interessati biex jirrikkmandaw li dawn ir-riżorsi jintużaw b’mod raġunevoli. Għalkemm m’humiex meqjusin bħala xi speċi li qiegħda fil-periklu taʼ l-estinzjoni, qed isir dejjem iżjed diffiċli li jinstabu friegħi kbar biżżejjed biex jintużaw mill-ġojjelliera. Illum il-materja prima għall-ġojjelli tal-qroll Taljani tiġi wkoll mill-Paċifiku. Speċi differenti jinġabru minn madwar il-Ġappun u t-Tajwan, f’fond taʼ madwar 320 metru, u dan jagħmluh saħansitra permezz taʼ sottomarini żgħar u robots kontrollati bir-remote. Elfejn kilometru ’l hinn mill-Ħawajj, jikber qroll prezzjuż f’fond taʼ 1,500 metru.
Ġojjelli u skulturi mill-isbaħ magħmulin mill-qroll jagħtu prova tas-sengħa taʼ l-artiġjani li mexxew ’il quddiem din it-tradizzjoni meraviljuża. U għal dawk in-nies li japprezzaw xogħol idejn il-Ħallieq tagħna, “id-deheb aħmar” tal-Mediterran huwa eżempju tar-rigali li Hu ta b’abbundanza lil bniedem biex jitgħaxxaq bihom.—Salm 135:3, 6.
[Stampa f’paġna 16]
Kullana tas-seklu 19 magħmula minn 75,000 żibġa tal-qroll
[Sors]
Per gentile concessione del Museo Liverino, Torre del Greco
[Stampa f’paġna 17]
Qroll ħaj
[Stampi f’paġna 18]
Tjara
Kalċi tas-seklu 17
Sett tal-ġojjelli
[Sors]
Ir-ritratti kollha: Per gentile concessione del Museo Liverino, Torre del Greco
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 17]
Per gentile concessione del Museo Liverino, Torre del Greco