Il-Qawwa taʼ Tbissima
GĦALKEMM iddum biss ftit mumenti, it-tifkira tagħha tistaʼ tibqaʼ miegħek tul ħajtek kollha. Il-valur tagħha huwa kbir wisq, imma ħadd m’hu daqshekk fqir li ma jistax jagħtiha jew daqshekk sinjur li m’għandux bżonnha. Fuqiex qed nitkellmu? Fuq tbissima.
Tbissima ssir bit-tiġbid tal-muskoli li fih l-għajnejn jixegħlu u l-kantunieri tal-ħalq jitilgħu kemm kemm ’il fuq waqt li jesprimu sodisfazzjon. Fl-ewwel ftit ġimgħat wara t-twelid, tarbija titbissem, u dan, m’għandniex xi ngħidu, iferraħ lill-ġenituri ġodda li jħossuhom tant kburin. Dan l-ewwel tbissim hu magħruf bħala tbissim involontarju, jew bla ħsieb. L-esperti jispjegaw li dan it-tip taʼ tbissim spiss jidher waqt il-ħolm u donnu għandu x’jaqsam mas-sentimenti interni u l-attività tas-sistema nervuża ċentrali. Anki meta nsiru adulti, din it-tbissima involontarja tistaʼ tibqaʼ tidher wara xi ikla jew waqt li nkunu qed nisimgħu l-mużika.
Madankollu, minn meta jkollha madwar sitt ġimgħat, tarbija titbissem b’reazzjoni għal xi wiċċ jew vuċi. ‘Tbissima soċjali’—tbissima volontarja u bi ħsieb—tferraħna, sew jekk aħna trabi u sew jekk aħna adulti. Jingħad li tbissima bħal din saħansitra għandha influwenza pożittiva fuq is-saħħa fiżika tagħna. Mirtha Manno u Rubén Delauro, speċjalisti fil-kura għal dawk b’xi difett fil-kliem, għandhom klinika li jisimha Smiling and Health fejn in-nies jistgħu jitgħallmu dwar kif itejbu saħħithom stess permezz taʼ tbissim u metodi oħra. Skond dawn, is-sempliċi ġest taʼ tbissima jipproduċi stimulu elettriku li jeffettwa l-glandola pitwitarja. Imbagħad, din il-glandola toħroġ l-endorfini, sustanzi kimiċi fil-moħħ li jġagħluna nħossuna tajjeb.
Raġuni importanti oħra għala għandna nitbissmu hi l-effett pożittiv li dan iħalli fuq oħrajn. Tbissima sinċiera tikkomunika s-sentimenti tagħna mingħajr ma jkollna bżonn illissnu kelma, kemm jekk tkun tbissima taʼ tislima, taʼ simpatija, jew taʼ inkuraġġiment. Kultant, sempliċement ħarsa lejn tbissima ħelwa taʼ xi tifel jew tifla f’ritratt tistaʼ ġġibilna tbissima fuq xofftejna.
Tbissima ġenwina mingħand xi ħadd tistaʼ tgħinna biex inħossuna iktar rilassati u biex inkampaw aħjar maʼ xi diżappunt jew sfida. Il-Bibbja tirrikkmanda: “Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux, meta dan tistaʼ tagħmlu.” (Proverbji 3:27) Iva, b’dan il-ġest sempliċi nistgħu nibbenefikaw kemm aħna u kemm oħrajn. Għala ma tagħmilx sforz biex taqsam dan ir-rigal prezzjuż ferm m’oħrajn—tbissima mill-qalb?