Veru li l-Valuri Qabdu t-Triq għan-Niżla?
FOST l-akbar rigali li l-ġenituri jistgħu jagħtu lit-tfal tagħhom hemm l-imħabba tagħhom bla ebda kundizzjoni kif ukoll ġabra taʼ valuri, valuri li l-ġenituri stess jgħixuhom, mhux jgħallmuhom biss.
Mingħajr valuri xierqa, il-ħajja ma tkun xejn ħlief ġlieda ħarxa biex tgħix. Il-valuri jagħtu tifsir lill-ħajja. Jistabbilixxu l-prijoritajiet. Ipoġġu limiti morali u jagħmlu regoli għall-imġiba.
Xorta waħda, ħafna valuri tradizzjonali qed jinbidlu malajr. Per eżempju, il-Professur Ronald Inglehart jgħid li “s-soċjetà qed ixxaqleb lejn imġiba sesswali aċċettata li tagħti iktar spazju għal sodisfazzjon sesswali individwali u għall-abbiltà li individwu jesprimi l-personalità tiegħu.” Stħarriġ taʼ Gallup li sar fl-1997 staqsa lir-residenti f’16-il pajjiż differenti għall-opinjoni tagħhom dwar jekk it-twelid barra miż-żwieġ huwiex aċċettabbli. Gallup jirrapporta: “L-ammont taʼ nies li jaċċettaw din il-moda fl-istil taʼ ħajja taʼ żmienna jvarja minn 90% jew iktar fl-Ewropa tal-Punent sa inqas minn 15% f’Singapor u fl-Indja.”
Xi wħud faħħru lil din il-libertà sesswali ġdida. Iżda, il-ktejjeb The Rise of Government and the Decline of Morality taʼ James A. Dorn isemmi “l-ammont kbir taʼ twelid barra miż-żwieġ” u “t-tkissir tal-familji” bħala li huma “sinjali ovvji taʼ tmermir morali.”
Valuri Oħra li Sejrin Lura
Valuri oħra tradizzjonali batew telfa kbira. L-Istħarriġ dwar il-Valuri fid-Dinja, immexxi mill-Professur Inglehart, jirrapporta li “r-rispett lejn l-awtorità qiegħed dejjem jonqos” f’pajjiżi industrijalizzati.
Valur tradizzjonali ieħor kien id-dedikazzjoni għax-xogħol. Madankollu, jidher ċar li dan ukoll qabad it-triq għan-niżla. Fl-Istati Uniti, il-Federazzjoni Nazzjonali tan-Negozji Indipendenti għamlet stħarriġ fost iktar minn miljun persuna li jħaddmu lin-nies. “Wieħed u tletin fil-mija minn dawk li ġew mistħarrġa qalu li huwa diffiċli li jsibu nies għax-xogħol, u 21 fil-mija qalu li l-kwalità tax-xogħol ġeneralment ma kinitx tajba.” Wieħed li jħaddem qal: “Qed isir dejjem iktar diffiċli biex jinstabu ħaddiema li jaħdmu iktar minn ġurnata waħda, li jżommu l-ħin, u li ma jkunux fis-sakra.”
Fatturi ekonomiċi jistgħu jkomplu jkebbsu din it-tendenza ħażina. Hekk kif il-profitti jibdew jonqsu bil-mod il-mod, dawk li jħaddmu jkeċċu lill-impjegati jew jaqtgħu ċerti benefiċċji. Ġurnal wieħed jgħid: “Ħaddiema li jesperjenzaw dan in-nuqqas taʼ lealtà u dan il-ksur taʼ wegħdi jibdew biex huma stess juru l-istess imġiba negattiva lejn min iħaddimhom. Il-ħaddiem m’għadux iħoss l-obbligu li jaħdem iebes għax l-għada jistaʼ jispiċċa bla xogħol.”—Ethics & Behavior (Etika u Mġiba).
Qasam ieħor fejn il-valuri marru lura b’mod notevoli huwa fil-manjieri u l-ħlewwa man-nies. Stħarriġ fl-Awstralja kkonkluda: “Iktar minn 87.7% mill-impjegati rrapportaw li l-manjieri ħżiena fl-uffiċċju qed jeffettwaw il-moral taʼ l-istaff.” Fi stħarriġ taʼ professjonisti fin-negozju fl-Istati Uniti, “tmenin fil-mija min-nies irrapportaw żjieda fin-nuqqas taʼ raffinatezza fl-imġiba tan-nies fin-negozju.” Skond l-aġenzija taʼ l-aħbarijiet CNN, “tant saret xi ħaġa komuni li l-klijenti ma jingħatawx servizz taʼ kwalità li kważi nofs minn dawk li ġew mistħarrġa qalu li f’dik l-aħħar sena kellhom joħorġu ’l barra mill-ħanut minħabba f’hekk. Nofshom qalu li kemm-il darba jaraw nies li jgħajtu jew li jdejquk bil-mod kif jitkellmu bit-telefons ċellulari. U sitt sewwieqa minn kull 10 qalu li regolarment jaraw nies isuqu b’mod aggressiv jew bl-addoċċ.”
X’Valur Għandha l-Ħajja tal-Bniedem?
F’xi każi, in-nies jgħidu li saru jħaddnu ċerti “valuri,” imma mill-kliem għall-fatti ġieli jkun hemm baħar jikkumbatti. Per eżempju, l-Istitut taʼ l-Etika Globali għażel rappreżentanti minn 40 pajjiż differenti. Erbgħin fil-mija għażlu “rispett għal għomrok” bħala li huwa fost il-ħames valuri “l-iktar importanti.”a
Imma fil-fatt x’jiġri fir-realtà? Nazzjonijiet industrijalizzati żgur li għandhom ir-riżorsi biex jeliminaw ħafna mit-tbatija tal-bniedem. Imma ktieb miktub minn Carol Bellamy, id-direttriċi esekuttiva tal-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal, fl-1998 qal li l-malnutrizzjoni “tilgħab parti importanti f’iktar min-nofs taʼ ftit inqas minn 12-il miljun mewta kull sena taʼ tfal taħt il-ħames snin f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, ammont li qatt ma kien hemm bħalu minn mindu l-Pesta għamlet ħerba fl-Ewropa fis-seklu 14.” Rapporti bħal dawn huma allarmanti għal kulmin jgħożż il-ħajja tal-bniedem. “Madankollu,” tosserva Bellamy, “il-kriżi globali tal-malnutrizzjoni ma tantx qajmet tħassib fost il-pubbliku, minkejja li hemm evidenza xjentifika sostanzjali li dejjem tikber dwar il-periklu. Tinħela iktar attenzjoni fuq it-tidwir tas-suq taʼ l-ishma milli fuq il-potenzjal qerriedi li għandha l-malnutrizzjoni—jew fuq il-benefiċċji daqstant effettivi taʼ nutriment tajjeb.”
Ħaġa kurjuża hi l-ħarsa mgħawġa lejn il-ħajja li tintwera fin-nies li jaħdmu fil-qasam tal-mediċina. Reċentement, fil-bidu tas-snin 70, tarbija li kienet titwieled wara 23 ġimgħa biss fl-utru, kważi ma kellha l-ebda ċans li tgħix. Illum, forsi sa 40 fil-mija minn dawn it-trabi li jitwieldu qabel iż-żmien ikollhom iċ-ċans li jgħixu. Meta nikkunsidraw dan, kemm hija xi ħaġa ironika li madwar id-dinja jsiru minn 40 sa 60 miljun abort kull sena! Il-maġġuranza taʼ dawn l-aborti jsiru fuq trabi fil-ġuf li jkunu ftit ġimgħat biss iżgħar minn dawk it-trabi prematuri li t-tobba tant jitħabtu biex iżommuhom ħajjin! Dan kollu ma juriniex biċ-ċar x’konfużjoni morali kbira hawn?
Meħtieġa—Gwida Morali
Meta ġew mistoqsijin “X’jimporta l-inqas fil-ħajja?” il-maġġuranza minn dawk li ġew mistħarrġa mill-organizzazzjoni Gallup għażlu “li nkun leali lejn ir-reliġjon tiegħi” bħala waħda mill-inqas żewġ affarijiet li huma importanti. Mhix ħaġa taʼ l-iskantament, mela, li l-attendenza fil-knejjes qed tkompli tonqos. Il-Professur Inglehart huwa tal-fehma li l-prosperità fil-pajjiżi tal-punent “ipproduċiet sens taʼ sigurtà li qatt ma kien hawn bħalu qabel” u dan “naqqas il-bżonn t’assiguranza li r-reliġjon kienet tipprovdi tradizzjonalment.”
Mal-fiduċja li qed tonqos fl-organizzazzjonijiet reliġjużi hemm ukoll in-nuqqas taʼ fiduċja fil-Bibbja. Fi stħarriġ internazzjonali li sar, dawk li wieġbu ġew mistoqsijin fuq min jew fuq xiex kienu jserrħu meta riedu jkunu jafu x’inhu tajjeb moralment. Il-biċċa l-kbira minnhom semmew l-esperjenza persunali. “Fit-tieni post imma meqjusa ħafna inqas importanti kien hemm il-Kelma t’Alla,” jgħid ir-rapport dwar l-istħarriġ.
Mhux taʼ b’xejn li l-valuri qed jinbidlu u jmorru għall-agħar! In-nuqqas taʼ gwida morali, flimkien maʼ enfasi li dejjem tiżdied fuq miri materjalistiċi u individwaliżmu egoist, qed iġib ’il quddiem kultura taʼ regħba u indifferenza għal kif iħossu ħaddieħor. X’inhuma xi affarijiet importanti li ntilfu b’riżultat taʼ dawn il-bidliet?
[Nota taʼ taħt]
a Iktar minn 50 sena ilu, il-Ġnus Magħquda ħarġet id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Artiklu 1 taʼ dik id-Dikjarazzjoni jistqarr: “L-esseri umani kollha twieldu liberi u ndaqs fid-dinjità u fid-drittijiet.”
[Stampi f’paġna 4, 5]
Familji mkissrin, kondotta li tmur kontra r-regoli tax-xogħol, u mġiba diżubbidjenti huma karatteristiċi tal-morali taʼ llum li qabdu t-triq għan-niżla
[Stampa f’paġna 6]
Miljuni taʼ trabi, xi ftit ġimgħat biss iżgħar minn din it-tarbija prematura, jiġu abortiti kull sena