Gvern li Jżomm mal-Valuri li Ġejjin minn Alla
IMMAĠINA dinja bi gvern wieħed biss għan-nies taʼ kull razza u lingwa. Immaġina gvern magħruf għall-fatt li jipproteġi l-iktar valuri nobbli u li jelimina l-gwerer, il-mibegħda, il-kriminalità, il-faqar, it-tinġis, il-mard, u saħansitra l-mewt!
‘Xi ħaġa meraviljuża, imma impossibbli,’ tistaʼ tgħid. Le, m’hijiex impossibbli. Fil-fatt hija xi ħaġa li se tiġri fiċ-ċert. Ġesù Kristu wiegħed gvern bħal dan. Hu għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għalih: “Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.’”—Mattew 6:9, 10.
Forsi inti familjari mal-kliem taʼ din it-talba, għax miljuni taʼ nies madwar id-dinja jafuha jew inkella semgħu biha. Imma ġieli qgħadt taħseb bir-reqqa dwar x’tassew qiegħed jgħid dak il-kliem? Innota li s-Saltna hija marbuta maʼ li ssir ir-rieda t’Alla fuq l-art. X’inhi, mela, is-Saltna t’Alla? U x’inhi r-rieda t’Alla għal din l-art?
X’Inhi s-Saltna t’Alla
Tifsira waħda taʼ saltna hija gvern immexxi minn sultan. Is-Saltna t’Alla hija l-mezz li bih Alla Jehovah jeżerċita s-sovranità universali tiegħu. Hija gvern irjali mmexxi minn Ibnu, Ġesù Kristu. Rigward ir-rieda t’Alla għall-art, din hija murija b’mod sempliċi u ċar f’Salm 37:10, 11: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; għad tħares fejn kien u ma ssibux. Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”
Għalhekk, jekk tħossok bla tama minħabba li l-valuri taʼ din id-dinja dejjem sejrin lura, qawwi qalbek. Il-Bibbja twiegħed li dalwaqt il-kundizzjonijiet tad-dinja u l-valuri tagħha se jgħaddu minn bidla kbira. Il-wegħda li s-Saltna t’Alla fi ftit żmien ieħor se taħkem fuq l-art biex issaħħaħ il-valuri li ġejjin minn Alla hija bażi ċerta għal tama.
Jekk nitgħallmu nafdaw fil-wegħdi tas-Saltna t’Alla nistgħu nħossuna iktar fiż-żgur. Aħseb ftit dwar il-valuri assoċjati mal-ħakma taʼ dik is-Saltna: “Ejjew, araw x’għamel il-Mulej, għemejjel taʼ l-għaġeb fuq l-art. Iwaqqaf il-gwerer sa truf l-art.” (Salm 46:9, 10, [46:8, 9, NW]) X’wegħda meraviljuża għall-paċi u s-sigurtà!
Fi profezija dwar is-Sultan tas-Saltna t’Alla, Ġesù Kristu, f’Salm 72:12-14 jgħid: “Hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva. Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.”
Il-Valuri tal-Bibbja
Ara x’inhuma xi ftit mill-valuri li l-Bibbja tħeġġeġ: “Henjin il-foqra fl-ispirtu [“konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom,” NW], għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.” (Mattew 5:3) Ieħor: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”—Proverbji 3:5, 6.
Il-Bibbja tgħallem ukoll li aħna rridu nagħtu kont tal-valuri li nagħżlu li ngħixu bihom. Ara x’jgħid Koħèlet 11:9: “Thenna, o żagħżugħ, fir-rebbiegħa taʼ ħajtek, u ħa tkun ferħana qalbek f’jiem żgħożitek. Imxi wara t-taħbit taʼ qalbek, u wara l-għaxqa taʼ għajnejk. Iżda kun af li taʼ dan kollu jitolbok kont Alla fil-ħaqq tiegħu.” Il-fatt li rridu nagħtu kont taʼ dak li nagħmlu huwa mistqarr ċar u tond fi Proverbji 2:21, 22: “It-tajbin jgħammru fl-art, u n-nies sewwa joqogħdu fiha; imma l-ħżiena mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.”
B’din it-tama pożittiva taʼ gvern ġust, kemm huwa taʼ benefiċċju li niżviluppaw ħbiberija mill-qrib m’Alla! Meta nagħmluha maʼ dawk li wkoll jixtiequ jkunu sudditi tas-Saltna t’Alla se nkunu nistgħu ngħixu b’tali mod li fil-futur ingawdu l-ħakma tas-Saltna glorjuża tiegħu u r-riżultati tal-valuri meraviljużi li din se tħaddan.
[Stampa f’paġna 10]
“Il-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—SALM 37:11.