LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 7/8 pp. 12-14
  • Kif Nistaʼ Nkampa Meta Niffaċċja Xi Traġedja?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Nkampa Meta Niffaċċja Xi Traġedja?
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Jiġru Affarijiet li Jnikktuna
  • Modi Prattiċi Kif Tkampa
  • Sparar fl-Iskejjel—X’Tgħid il-Bibbja?
    Iktar Suġġetti
  • Alla Għala Jħallina Nbatu?
    Stenbaħ!—2004
  • Ġob—Bniedem taʼ Sabar u Integrità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Min Hi l-Iktar Persuna Importanti f’Ħajtek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 7/8 pp. 12-14

“Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Kif Nistaʼ Nkampa Meta Niffaċċja Xi Traġedja?

“It-​terroristi għala kellhom għalfejn joqtlu lilommi?”—Kevin.a

“[Qabel il-​11 taʼ Settembru], il-​mini veru kienu jogħġbuni. Issa nimmaġinani mmut f’mina minħabba li xi ħadd jisplodiha.”​—Peter.

OMM Kevin inqatlet fl-​attakk tal-​11 taʼ Settembru, 2001, li seħħ fuq il-​World Trade Center fil-​belt taʼ New York. Peter ma sofriex l-​istess telfa terribbli, imma xorta ġie effettwat bil-​kbir mid-​diżastru.

Rapport wieħed taʼ l-​aħbarijiet jgħid: “Eluf taʼ tfal li jgħixu fi New York qed jissieltu maʼ problemi mentali li għandhom x’jaqsmu maʼ [l-attakki li saru] fil-​11 taʼ Settembru u ħafna minnhom se jibqgħu jbatu anki meta jsiru adulti.” B’mod allarmanti, sinjali taʼ trawma emozzjonali kienu “komuni fi tfal li ma kinux ħdejn il-​post taʼ diżastru, jew ground zero, daqs kemm kienu komuni f’dawk li raw l-​attakki b’għajnejhom stess.”b

L-istess jistaʼ jiġri fi traġedji oħra, bħalma huma l-​bumbardament suwiċidali f’Iżrael u sparar bl-​addoċċ f’postijiet oħra. Rigward sparar bħal dan, espert wieħed dwar l-​effetti tat-​trawma jgħid: “Anki jekk [it-tfal] jgħixu 3,000 kilometru ’l bogħod mill-​isparar, dawn il-​ġrajjiet jistgħu xorta jżidu l-​ansjetà [tagħhom].”

X’inhi r-​raġuni? Meta jseħħu ġrajjiet diżastrużi, iż-​żgħażagħ jaraw ruxxmata taʼ rapporti t’aħbarijiet li ma jaħbu xejn. Stampi tal-​biżaʼ taʼ bombi mit-​terroristi, sparar fl-​iskejjel, u diżastri naturali jintwerew darba wara l-​oħra, u dan jagħmilha diffiċli għal ħafna żgħażagħ biex ineħħu l-​istampi minn moħħhom. Mhux taʼ b’xejn li stħarriġ li sar għall-​Bord taʼ l-​Edukazzjoni taʼ New York wera: “Sitt xhur wara l-​waqgħa tal-​World Trade Center, 76 fil-​mija minn 8,266 student mill-​iskejjel pubbliċi għadhom jaħsbu spiss dwar l-​attakki terroristiċi.”

Aħna qed ngħixu fi żmien li l-​Bibbja ssejjaħlu “żmien iebes.” (2 Timotju 3:​1-5) Kif tistaʼ tkampa meta jiġru traġedji tal-​biżaʼ?c

Għala Jiġru Affarijiet li Jnikktuna

Mod wieħed kif tistaʼ tkampa maʼ emozzjonijiet li jkunu jidhru li se jaħkmuk huwa li tqajjem fik innifsek ‘ħsibijiet ċari.’ (2 Pietru 3:​1, NW) Ipprova ħares lejn l-​affarijiet b’mod raġunevoli, bħalma jħares lejhom Alla. Per eżempju, forsi jkollok bżonn tfakkar lilek innifsek li ħafna traġedji huma sempliċement ir-​riżultat taż-​“żmien u ċ-​ċirkustanzi.” (Koħèlet 9:11) Ġesù Kristu ta eżempju taʼ dan meta tkellem dwar il-​waqaʼ tat-​torri f’Silwam. Tmintax-il persuna nqatlu f’dak id-​diżastru lokali. Madankollu, Ġesù għamilha ċara li l-​vittmi ma kinux qed jiġu kastigati minn Alla. Huma mietu sempliċement minħabba li inzertaw kienu hemm f’dak il-​ħin. (Luqa 13:​1-5) Jekk timmedita fuq dan il-​fatt forsi se tkun tistaʼ tħares lejn id-​diżastri b’mod reali.

Ħsibijiet ċari jistgħu jgħinuna wkoll biex ma ‘niħduhiex kontra l-​Mulej ’ u nwaħħlu fih minħabba l-​ġrajjiet taʼ niket. (Proverbji 19:3) Jehovah mhux talli ma jikkaġunax in-​niket tagħna, imma talli hu “Alla taʼ kull faraġ.” (2 Korintin 1:3) Meta jiġru t-​traġedji, irridu nersqu qrib tiegħu​—mhux ninġibdu lura bir-​rabja. Immedita fuq il-​kliem tal-​Bibbja f’Ġakbu 1:13: “Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’ għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-​ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.”d

Ġrajja traġika li seħħet sekli ilu fil-​Lvant Nofsani tistaʼ tgħinna nifhmu dan il-​punt. Il-​Bibbja tgħidilna li l-​uniku wieħed li salva minn dan id-​diżastru rrapporta: “Niżel nar taʼ Alla mis-​sema, ħaraq l-​imrieħel u l-​qaddejja, u belagħhom.” (Ġob 1:16) X’diżastru terribbli! U dan ir-​raġel imbeżżaʼ ovvjament ħaseb li Alla kien responsabbli għal dak li ġara. Madankollu, mhux Alla kien responsabbli. Ġob 1:​7-12 juri li n-​nar ma ntbagħatx minn Alla, imma mill-​Avversarju t’Alla​—Satana x-​Xitan!

Din kienet sitwazzjoni unika: Jehovah ta permess speċjali lil Satana biex jittestja l-​integrità taʼ Ġob. Għalhekk, tikkonkludix li Satana huwa responsabbli direttament għad-​diżastri naturali bħalma huma t-​tempesti u l-​għargħar.e Minkejja dan, il-​Bibbja tgħid li “d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Għalhekk, jistaʼ juża nies umani biex jeqirdu u jagħmlu l-​ħsara.

Madankollu, m’hemmx għalfejn inħossu li m’għandniex għajnuna. Ikkunsidra ġrajja oħra mniżżla fil-​Bibbja fl-​1 Samwel 22:​12-23. Hawnhekk naraw il-​qtil vjolenti taʼ grupp taʼ qassisin leali u tal-​familji tagħhom. Bla dubju, Satana kellu sehem biex iħeġġeġ lis-​Sultan mill-​agħar Sawl biex jikkommetti dan l-​att brutali. Madankollu, David, li kien leali u li iktar tard sar is-​sultan, kiteb Salm 52, u hemmhekk esprima fiduċja li Alla kien se jġib fix-​xejn lill-​irġiel mill-​agħar li kienu responsabbli għal din id-​diżgrazzja.—Salm 52:7 (52:​5, NW).

B’mod simili llum, tistaʼ tibqaʼ ċert li Alla mhux se jittollera għal dejjem atti taʼ qtil u vjolenza li joriġinaw mix-​Xitan. Għal kuntrarju, il-​Bibbja twiegħed li Alla dalwaqt se juża lill-​Ibnu, Ġesù, biex “iħott kull ma għamel ix-​Xitan”! (1 Ġwanni 3:8) Eventwalment, ma se jifdal ebda ħjiel tal-​ħsara li għamel Satana. Permezz taʼ l-​irxoxt, Alla saħansitra jistaʼ jirxoxta wkoll lil dawk l-​individwi li mietu fi ġrajjiet traġiċi taʼ vjolenza jew terroriżmu.—Atti 24:15.

Modi Prattiċi Kif Tkampa

Din it-​tama bbażata fuq il-​Bibbja tistaʼ tgħinek tevita li tinħakem mill-​biżaʼ. Imma hemm ukoll passi prattiċi li tistaʼ tieħu. Per eżempju, innota l-​prinċipju Bibliku fi Proverbji 12:25. Huwa biss billi tesprimi s-​sentimenti tiegħek m’oħrajn li tistaʼ tirċievi l-​“kelma tajba” taʼ inkuraġġiment. Li tagħmel dan se jgħinek ukoll tirrealizza li m’intix tiffaċċja l-​problema waħdek. Mela jekk qed tħossok imnikket, ipprova iftaħ qalbek mal-​ġenituri tiegħek jew maʼ xi membru matur tal-​kongregazzjoni Kristjana.f

Suġġeriment ieħor huwa: Toqgħodx tara rapporti t’aħbarijiet dettaljati dwar xi ġrajja traġika darba wara l-​oħra, għax ikun iktar diffiċli li tneħħi minn moħħok stampi li jnikktuk.—Salm 119:37.

Inti Kristjan? Mela żomm mar-​rutina tiegħek t’attivitajiet Kristjani. (Filippin 3:16) Dawn l-​attivitajiet jinkludu li tattendi għal-​laqgħat maʼ sħabek fit-​twemmin u li taqsam il-​fidi tiegħek m’oħrajn. (Lhud 10:​23-25) Dan se jgħinek biex ma toqgħodx taħseb fuq affarijiet negattivi. Li tinqataʼ għalik waħdek se jikkaġuna iktar ħsara​—emozzjonalment u spiritwalment.—Proverbji 18:1.

Il-qari tal-​Bibbja kuljum jistaʼ jkun t’għajnuna b’mod speċjali f’kull sitwazzjoni stressanti. Omm taʼ żagħżugħa li jisimha Loraine kienet qed tmut bil-​kanċer. Innota kif Loraine kampat maʼ din is-​sitwazzjoni traġika: “Niftakarni naqra l-​ktieb taʼ Ġob diversi drabi waqt li kont għaddejja minn din is-​sitwazzjoni tant diffiċli. Il-​ktieb tas-​Salmi tani ħafna faraġ ukoll. Jiena u naqra l-​kliem mimli faraġ mill-​iskrittura, ħassejt li qisu Jehovah kien qed iħaddanni miegħu.” Oħtha Mishael tiftakar ukoll: “Jekk kien hemm ġurnata li m’għamiltx il-​qari tal-​Bibbja, kont ninnota d-​differenza. Moħħi awtomatikament kien jerġaʼ jibda jaħseb fuq affarijiet negattivi. Il-​qari tal-​Bibbja tani l-​ikel spiritwali li kelli bżonn biex ngħaddi kull ġurnata.”

Jekk int ġarrabt xi telfa​—speċjalment il-​mewt taʼ xi ħadd maħbub​—li taqra l-​browxer Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut g jistaʼ jkun taʼ faraġ kbir. Ħu l-​ħin biex taqra u timmedita fuq l-​iskritturi kwotati. Immedita wkoll fuq it-​tama taʼ l-​irxoxt. “Kont letteralment inġib quddiem għajnejja lil ommi ġejja lura fl-​irxoxt,” tgħid Loraine. “Kont nimmaġinaha tgħid: ‘Erġajt ġejt lura. X’sajjart għall-​ikel?’ Dan kien iġagħalni nitbissem.”

Li tistrieħ fuq Jehovah permezz tat-​talb ukoll jistaʼ jagħtik is-​saħħa li għandek bżonn biex tkampa maʼ traġedji mill-​agħar. Loraine tiftakar: “Jien kont fil-​kamra meta ommi ħadet l-​aħħar nifs tagħha. Mill-​ewwel tlabt lil Jehovah biex jagħtini s-​saħħa ħalli nkampa u ngħaddi minn din is-​sitwazzjoni. Mill-​ewwel ħassejt il-​paċi t’Alla.” Kun speċifiku fit-​talb tiegħek lil Jehovah. Għidlu eżatt dak li qed tħoss. Is-​salmista jħeġġiġna biex ‘niftħu qalbna quddiemu.’—Salm 62:9 (62:​8, NW).

X’aktarx li maż-​żmien is-​sofferenza fuq l-​art se tiżdied. (2 Timotju 3:13) Madankollu, il-​Bibbja twegħedna li: “Il-​ħżiena jitqaċċtu ’l barra . . . Imma l-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:​9-11, 29) Jekk iżżomm sod maʼ din it-​tama se tkun tistaʼ tkampa b’suċċess meta sseħħ xi traġedja.

[Noti taʼ taħt]

a Xi wħud mill-​ismijiet ġew mibdulin.

b Skond l-​esperti tas-​saħħa mentali, sintomi bħal dawn jistgħu jinkludu nuqqas taʼ emozzjonijiet, ħolm tal-​biżaʼ, iżolament min-​nies, waqfien minn attivitajiet normali, kif ukoll sentimenti taʼ ħtija u rabja.

c Għalkemm dan l-​artiklu qed jirreferi speċifikament għal traġedji fuq skala kbira, il-​parir jistaʼ japplika wkoll għal traġedji persunali, bħall-​mewt taʼ xi ħadd maħbub.

d Għal diskussjoni dwar għala Alla jippermetti l-​ħażen, ara kapitlu 7 tal-​ktieb Qim lill-​Uniku Alla Veru, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

e Ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” f’The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1974.

f F’każijiet estremi taʼ niket emozzjonali jew dipressjoni, x’aktarx ikun hemm bżonn t’attenzjoni medika.

g Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 14]

Forsi jkun għaqli li tillimita kemm tara rapporti t’aħbarijiet taʼ niket

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja