Kif Qtajt l-Għatx Spiritwali Tiegħi
KIF RAKKONTATA MINN LUCIA MOUSSANETT
IMKENNEN qalb il-muntanji tal-majjistral taʼ l-Italja, viċin l-Alpi Svizzeri u qrib il-famuża Mont Blanc fi Franza, hemm ir-reġjun taʼ Valle d’Aosta. Jien twelidt hemm fl-1941, fil-komunità żgħira taʼ Challant St. Anselme.
Kont il-kbira fost ħamest itfal; l-erbaʼ ħuti l-oħra kienu kollha subien. Ommi kienet mara ħabrieka ħafna u Kattolika devota. Missieri wkoll kien ġej minn familja reliġjuża. Tnejn minn ħutu kienu sorijiet. Il-ġenituri tiegħi għamlu ħafna sagrifiċċji materjali għalija, fosthom tawni l-opportunità biex ikolli edukazzjoni. Fil-komunità żgħira tagħna ma kienx hemm skejjel, għalhekk, meta kelli 11-il sena, il-ġenituri tiegħi bagħtuni ngħix ġo skola mmexxija mis-sorijiet.
Hemmhekk studjajt il-Latin u l-Franċiż, flimkien maʼ suġġetti oħra. Imbagħad, meta għalaqt 15-il sena, bdejt naħseb bis-serjetà dwar kif għandi naqdi lil Alla. Jien irraġunajt li l-aħjar mod kif nagħmel dan kien billi nidħol f’kunvent. Però, il-ġenituri tiegħi ma tantx għoġbithom l-idea għax ommi kienet se tispiċċa tieħu ħsieb ħuti waħedha. Il-ġenituri kienu ttamaw li l-edukazzjoni li ħadt kienet se tgħinni nsib xogħol tajjeb u b’hekk inkun nistaʼ ngħin lill-familja ekonomikament.
Għalkemm ir-reazzjoni tal-ġenituri tiegħi nikktitni, jien ridt skop veru fil-ħajja u ħassejt li Alla kellu jiġi l-ewwel. Għalhekk, fl-1961, dħalt f’kunvent Kattoliku Ruman.
Ħajti Bħala Soru
Għall-ewwel ftit xhur, studjajt ir-regoli tal-knisja u kont nagħmel xogħol fiżiku fil-kunvent. F’Awissu taʼ l-1961 bdejt in-novizzjat tiegħi, jew it-taħriġ, u bdejt nilbes il-libsa tas-sorijiet. Jien ipproponejt ukoll isem ġdid għalija, Ines, isem ommi. Meta l-isem ġie aċċettat, sirt magħrufa bħala Sor Ines.
Għalkemm ħafna min-novizzi kienu jaħdmu fil-kunvent, jien kont ħadt edukazzjoni biżżejjed biex inkun għalliema fi skola primarja. Sentejn wara, f’Awissu taʼ l-1963, għamilt il-wegħdiet tiegħi u sirt soru fl-ordni tas-Sorijiet taʼ San Ġużepp f’Aosta, l-Italja. Iktar tard, il-kunvent ħallasli biex nieħu iktar edukazzjoni billi bagħatni l-Università taʼ Maria Santissima Assunta ġo Ruma.
Meta rġajt lura f’Aosta fl-1967, wara li spiċċajt l-istudji tiegħi ġo Ruma, bdejt ngħallem fi skola sekondarja. Fl-1976, offrewli li nsir direttriċi taʼ l-iskola. Għalkemm bqajt ngħallem xi ftit klassijiet, ġejt inkarigata bl-amministrazzjoni taʼ l-iskola u sirt membru tal-bord taʼ l-iskejjel reġjonali taʼ Valle d’Aosta.
Ix-xewqa kbira li kelli kienet li ngħin lill-foqra. Qalbi kienet tingħafas għalihom. Allura, organizzajt diversi programmi soċjali, fosthom wieħed biex tingħata għajnuna lil dawk in-nies morda b’mard li ma jitfejjaqx u li ma jkollhomx familja. Barra minn hekk, bdejt programm biex ngħallem lit-tfal taʼ l-immigranti. Flimkien maʼ dan, lill-fqar kont insibilhom xogħol u post fejn joqogħdu kif ukoll kont norganizza għajnuna medika għal dawk fil-bżonn. Ipprovajt ngħix ħajti fi qbil mal-prinċipji reliġjużi tal-knisja.
Dak iż-żmien kont naċċetta t-teoloġija Kattolika, fosthom tagħlim ieħor tal-knisja bħat-Trinità, l-immortalità tar-ruħ, u l-fehmiet Kattoliċi dwar il-futur etern tal-bniedem. Dak iż-żmien, it-teoloġija Kattolika kienet tittollera wkoll ħarsiet bħall-pluralità tal-fidi, jiġifieri li wieħed jaċċetta u jgħix fil-paċi maʼ nies taʼ reliġjonijiet oħrajn.
Affarijiet li Bdew Idejquni
Iżda xi attivitajiet fil-Knisja Kattolika bdew idejquni. Per eżempju, qabel il-magħmudija u l-griżma, il-ġenituri u t-tfal suppost kellhom jistudjaw xi jfissru dawn il-passi. Imma ħafna minnhom lanqas biss kienu jiġu d-duttrina, u oħrajn ma kienu jagħmlu l-ebda sforz biex jistudjaw. Iktar minn hekk, xi ftit li ma kinux jiġu aċċettati għall-magħmudija u l-griżma f’parroċċa waħda kienu sempliċement imorru f’parroċċa oħra u jitgħammdu jew jagħmlu l-griżma hemmhekk. Għalija dan kien superfiċjali u mimli ipokrisija.
Kultant kont nistaqsi lili nnifsi u lil sorijiet oħrajn, “Mhux aħjar nippridkaw l-Evanġelju minflok ma niddedikaw lilna nfusna għal kull xorta t’attività oħra?” “Aħna nippridkaw billi nagħmlu l-ġid maʼ oħrajn,” kienet it-tweġiba li ngħatajt.
Kelli wkoll diffikultà biex naċċetta l-fatt li ridt immur għand qassis ħalli nqerr dnubieti. Jien ħsibt li stajt nitkellem m’Alla fuq suġġetti persunali bħal dawn. Iktar minn hekk, l-idea li ridt niftakar u nirrepeti t-talb kienet diffiċli għalija biex naċċettaha. Ma stajtx nemmen ukoll li l-papa kien infallibbli. Biż-żmien, jien iddeċidejt li nżomm it-twemmin persunali tiegħi dwar affarijiet bħal dawn u sempliċement inkompli għaddejja bil-ħajja reliġjuża tiegħi.
Xewqa għal Għarfien mill-Bibbja
Minn dejjem kelli rispett kbir għall-Bibbja u xewqa kbira biex nitgħallimha. Kulmeta kien ikolli nagħmel xi deċiżjoni jew kont inħoss li għandi bżonn l-għajnuna t’Alla, kont naqra l-Bibbja. Għalkemm qatt ma studjajnieha fil-kunvent, jien kont naqraha waħdi. Ir-rakkont f’Isaija 43:10-12 fejn Alla Jehovah qal, “Intom ix-xhieda tiegħi,” dejjem kien jolqotni. Però, dak iż-żmien ma kontx nifhem it-tifsir kollu taʼ dan il-kliem.
Meta kont nattendi l-università taʼ Ruma, f’nofs is-snin 60, kont ħadt kors fuq it-teoloġija għal erbaʼ snin, irranġat u mħallas mill-Vatikan. Imma l-Bibbja ma kinitx inkluża fost il-kotba li kellna nistudjaw. Wara li mort lura Aosta, attendejt ħafna konferenzi fejn jinġabru ħafna reliġjonijiet Kristjani u anki oħrajn li kienu jinżammu minn organizzazzjonijiet taʼ reliġjonijiet differenti u li m’humiex Kattoliċi. Kemm kien hemm konfużjoni bejn dawk il-gruppi li kienu jgħidu li qegħdin jgħallmu dwar l-istess ktieb!
Nitgħallem Iktar dwar il-Bibbja
Fl-1982, waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah ġiet ħdejn iċ-ċentru fejn kont nagħmel xi xogħol soċjali u pprovat tibda konversazzjoni miegħi dwar il-Bibbja. Għalkemm kelli ħafna x’nagħmel, il-ħsieb li nitgħallem iktar dwar il-Bibbja interessani. Allura għedtilha, “Tistaʼ jekk jogħġbok tgħaddi sa l-iskola tiegħi, u x’ħin ikolli siegħa ċans inkunu nistgħu nitkellmu.”
Għalkemm dik il-mara ġiet iżżurni, ma kelli l-ebda “siegħa ċans” fl-iskeda tiegħi. Imbagħad, ommi saret taf li għandha kanċer, u maż-żmien kelli nieħu permess biex nitlaq mix-xogħol sabiex immur ngħinha. Wara l-mewt tagħha f’April tas-sena 1983, erġajt lura x-xogħol, imma x-Xhieda taʼ Jehovah kienu laħqu tilfu l-kuntatt li kellhom miegħi. Madankollu, ftit wara, Xhud oħra li kellha madwar 25 sena, ġiet iżżurni biex nitkellmu dwar il-Bibbja. Jien kont bdejt naqra l-ktieb t’Apokalissi waħdi. Għalhekk staqsejtha, “Min huma l-144,000 imsemmijin hawn f’Apokalissi kapitlu 14?”
Jien kont mgħallma li n-nies tajbin kollha se jmorru s-sema, allura ma stajtx nifhem il-loġika taʼ 144,000 li milli jidher kellhom jinfirdu mill-oħrajn biex jitilgħu fis-sema. Kont noqgħod naħseb, ‘Min huma dawn il-144,000? X’jagħmlu?’ Dawn il-mistoqsijiet baqgħu jberrnu f’moħħi. Ix-Xhud kompliet tipprova ssibni, imma jien tant kont imħabbta li qatt ma rnexxielha.
Maż-żmien, din ix-Xhud tat l-indirizz tiegħi lil Marco, anzjan fil-kongregazzjoni tagħha. Fl-aħħar, fi Frar tas-sena 1985, irnexxielu jsibni. Tkellimna għal ftit minuti biss peress li kelli ħafna x’nagħmel, imma għamilna appuntament. Wara, hu u l-mara tiegħu Lina bdew iżuruni regolarment u jgħinuni nifhem il-Bibbja. Fi żmien qasir, stajt nara li tagħlim Kattoliku bażiku bħat-Trinità, l-immortalità tar-ruħ, u n-nar taʼ l-infern sempliċement ma kienx ibbażat fuq il-Bibbja.
Sħubija max-Xhieda
Meta mort għal waħda mil-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah fis-Sala tas-Saltna tagħhom, deher ċar li l-affarijiet kienu differenti mhux ħażin mill-Knisja Kattolika. Kulħadd kien ikanta, mhux kor biss. Imbagħad kollha kienu jipparteċipaw fil-laqgħa stess. Bdejt nara wkoll li l-organizzazzjoni kollha kienet magħmula minn “aħwa” rġiel u nisa. Kollha kienu jinteressaw ruħhom f’xulxin minn qalbhom. Dawn l-affarijiet impressjonawni.
Matul dan iż-żmien, kont nattendi għal-laqgħat bil-libsa taʼ soru. Xi wħud stajt tarahom vera mqanqlin meta raw soru fis-Sala tas-Saltna. Ħassejt dak il-ferħ u s-sodisfazzjon li jiġu meta tkun imdawra bl-imħabba taʼ familja kbira. Ukoll, meta bdejt nistudja, bdejt nara li ħafna mill-prinċipji li kont ibbażajt ħajti fuqhom ma kinux fi qbil mal-Kelma t’Alla. Per eżempju, il-Bibbja ma tgħid xejn dwar qaddejja t’Alla li jilbsu lbies speċjali. Il-ġerarkija u ċ-ċerimonji kbar tal-Knisja kienu differenti mhux ħażin minn dak li tgħallem il-Bibbja dwar anzjani umlin li jidderieġu l-kongregazzjoni.
Ħassejtni qisni qiegħda bil-wieqfa fuq ramel li qed iċedi bija, li m’għandi xejn sod fuq xiex inserraħ. Kienet tidher xi ħaġa impossibbli li għal 24 sena sħaħ ħaddant twemmin falz. Minkejja dan, indunajt biċ-ċar li din kienet il-verità. Il-ħsieb li taʼ 44 sena kelli nerġaʼ nibda ħajti mill-ġdid kien ibeżżagħni. Imma kif stajt inkompli nimxi b’għajnejja magħluqa issa li kont rajt it-tagħlim veru tal-Bibbja?
Deċiżjoni Importanti
Kont naf li jekk inħalli l-kunvent ma kien se jkolli xejn ekonomikament. Imma jien ftakart fil-kliem taʼ David dwar il-ġust li qatt ma jitħalla “minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom.” (Salm 37:25) Kont naf li sa ċertu punt ma kienx se jkolli sigurtà fiżika, imma poġġejt il-fidi tiegħi f’Alla u għedt, ‘Minn xiex għandi għalfejn nibżaʼ?’
Il-familja tiegħi ħasbitni miġnuna. Għalkemm ma ħadtx pjaċir b’dan, jien ftakart fil-kliem taʼ Ġesù: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi.” (Mattew 10:37) Fl-istess ħin, ġesti sempliċi mingħand ix-Xhieda inkuraġġewni u saħħewni. Hekk kif kont inkun miexja fit-triq bil-libsa taʼ soru, kienu dejjem jieħdu ħsieb li jiġu fuqi u jkellmuni. Dan għenni nħossni iktar qrib tal-fratellanza u parti mill-familja tagħhom.
Fl-aħħar mort għand il-Madre Superjura u spjegajtilha għala kont iddeċidejt li nħalli l-kunvent. Minkejja li offrejtilha li nuriha mill-Bibbja għala kont ħadt din id-deċiżjoni, hi ma riditx tismaʼ, u qaltli: “Jekk inkun irrid nifhem xi ħaġa mill-Bibbja nistaʼ nistaqsi lil xi espert tal-Bibbja!”
Il-Knisja Kattolika xxokkjat ruħha bid-deċiżjoni tiegħi. Akkużawni li kont immorali u li kont qed nitlef minn moħħi. Madankollu, dawk li kienu jafuni kienu jafu li dawn l-akkużi kienu foloz. In-nies li kont naħdem magħhom irreaġixxew b’modi differenti. Xi wħud ħasbu li vera kelli kuraġġ biex nagħmel dak li għamilt. Oħrajn iddispjaċiehom għax ħasbu li kont se naqbad triq ħażina. Xi wħud saħansitra tħassruni.
Fl-4 taʼ Lulju, 1985, tlaqt mill-Knisja Kattolika. Peress li x-Xhieda kienu jafu kif ġew trattati nies oħrajn meta ħadu l-istess pass, huma beżgħu għas-sigurtà tiegħi u ħbewni għal madwar xahar. Kienu jgħaddu għalija biex immorru l-laqgħat u jerġgħu jwassluni lura fejn kont noqgħod. Bqajt moħbija sakemm l-affarijiet bdew jikkalmaw. Imbagħad, fl-1 t’Awissu, 1985, bdejt nieħu sehem fil-ministeru max-Xhieda taʼ Jehovah.
Iktar tard f’Awissu, meta attendejt Konvenzjoni Distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah, il-mezzi tax-xandir saru jafu li jien tlaqt mill-knisja u ppubblikaw l-istorja tiegħi. Meta fl-aħħar tgħammidt, fl-14 taʼ Diċembru, 1985, il-gazzetti u l-istazzjon lokali tat-televixin tant ħasbu li kienet xi ħaġa skandaluża li reġgħu ġabu l-istorja mill-ġdid, biex żgur kulħadd jismaʼ dwar dak li kont għamilt.
Meta ħallejt il-kunvent, ma kelli assolutament xejn materjalment. La kelli xogħol, la dar, u lanqas pensjoni. Għalhekk, għal madwar sena, ħdimt billi ħadt ħsieb persuna paralizzata. F’Lulju taʼ l-1986, sirt pijuniera, kif jissejħu l-ministri full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah. Mort noqgħod f’post fejn kien hemm kongregazzjoni żgħira li kienet għadha kemm ġiet ifformata. Hemmhekk kont nagħti xi privat tal-lingwi u ngħallem xi affarijiet oħra, u b’hekk ħadt vantaġġ mill-edukazzjoni li kont ħadt. Dan ippermettieli li jkolli skeda flessibbli.
Naqdi f’Art Barranija
Issa li kont tgħallimt il-verità mill-Bibbja, xtaqt naqsamha maʼ kemm jistaʼ jkun nies. Ladarba kont naf il-Franċiż, ħsibt biex naqdi f’xi art Afrikana fejn jiġi mitkellem il-Franċiż. Imma mbagħad, fl-1992, ix-Xhieda taʼ Jehovah ġew rikonoxxuti legalment fl-Albanija, pajjiż li qiegħed fil-viċin. Fl-aħħar taʼ dik is-sena, grupp żgħir taʼ pijunieri mill-Italja ngħata inkarigu hemmhekk. Fosthom kien hemm Mario u Cristina Fazio mill-kongregazzjoni tiegħi. Huma stidnuni biex immur inżurhom u biex nikkunsidra li mmur naqdi fl-Albanija. Għalhekk, wara li ħsibtha sew u tlabt dwar dan, meta kelli 52 sena rġajt ħallejt iċ-ċertu ammont taʼ sigurtà li kelli biex nintefaʼ f’dinja kompletament differenti.
Dan ġara f’Marzu tas-sena 1993. Hekk kif wasalt, mill-ewwel innotajt li għalkemm ġeografikament ma kontx ’il bogħod ħafna mill-pajjiż tiegħi, kont qiegħda f’dinja oħra. In-nies kienu jmorru kullimkien bil-mixi, u kienu jitkellmu bl-Albaniż, lingwa li jien ma kont nifhem xejn minnha. Il-pajjiż kien qed jagħmel bidliet kbar, billi kien qed jaqleb minn sistema politika waħda għal oħra. Madankollu, in-nies kienu bl-għatx għall-verità tal-Bibbja, u kienu tassew iħobbu jaqraw u jistudjaw. L-istudenti tal-Bibbja kienu jagħmlu progress spiritwali malajr, u dan kien iferraħli qalbi u jgħinni biex nidra f’dan l-ambjent ġdid.
Meta fl-1993 wasalt f’Tirana, il-belt kapitali taʼ l-Albanija, kien hemm biss kongregazzjoni waħda ġo l-Albanija u mxerrdin mal-pajjiż kien hemm biss ftit iktar minn 100 Xhud. Dak ix-xahar, fil-jum t’assemblea speċjali, l-ewwel wieħed li nżamm f’Tirana, attendew 585 u tgħammdu 42 ruħ. Għalkemm ma fhimt xejn, verament tqanqalt meta smajt lix-Xhieda jkantaw u rajthom daqshekk attenti. F’April waslet l-osservanza tat-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù Kristu, u kien hemm 1,318-il ruħ preżenti! Minn hemm ’il quddiem, l-attività Kristjana fl-Albanija bdiet twarrad.
Kien hemm żmien meta kont inħares lejn Tirana mill-gallerija tiegħi fir-rabaʼ sular u naħseb, ‘Meta se nkunu nistgħu nilħqu dawn in-nies kollha?’ Alla Jehovah ħa ħsieb taʼ dan. Illum hemm 23 kongregazzjoni f’Tirana. Fil-pajjiż kollu hemm 68 kongregazzjoni u 22 grupp, b’2,846 Xhud. Din iż-żjieda kollha fi ftit snin biss! U fl-2002 kellna 12,795 preżenti għat-Tifkira!
Matul dawn l-għaxar snin fl-Albanija, kien il-privileġġ kbir tiegħi li ngħin mill-inqas 40 persuna sal-punt tal-magħmudija. Numru minnhom issa jservu wkoll bħala pijunieri u f’aspetti oħrajn tas-servizz full-time. Matul is-snin, sitt gruppi taʼ pijunieri Taljani ġew inkarigati biex jgħinu fix-xogħol fl-Albanija. Għal kull grupp, inbeda kors tal-lingwa għal tliet xhur, u jien irċivejt l-istedina biex ngħallem l-aħħar erbaʼ klassijiet.
Għall-bidu, meta l-ħbieb semgħu bid-deċiżjoni tiegħi li nitlaq mill-knisja, huma ħaduha bi kbira ħafna. Madankollu, wara dawn is-snin kollha, l-attitudni tagħhom inbidlet hekk kif bdew jarawni kalma u fil-paċi. B’ferħ, il-familja tiegħi, fosthom zija taʼ 93 sena li għadha soru, saret tappoġġani iktar.
Minn mindu sirt naf lil Jehovah, hu ħa ħsiebi f’ħafna ċirkustanzi differenti! Hu dderiġieni lejn l-organizzazzjoni tiegħu. Meta nħares lura, niftakar dwar kemm kont nixtieq ngħin lill-fqar, lil dawk inqas privileġġati, u lil dawk fil-bżonn, u dwar ix-xewqa tiegħi li nkun involuta kompletament fis-servizz tiegħi lil Alla. Jien lil Jehovah għalhekk nirringrazzjah, għaliex hu ħa ħsieb li l-għatx spiritwali tiegħi jinqataʼ.
[Stampa f’paġna 29]
Familja Albaniża li studjajt il-Bibbja magħha. Ħdax tgħammdu
[Stampa f’paġna 29]
Il-biċċa l-kbira minn dawn in-nisa li studjajt il-Bibbja magħhom fl-Albanija issa qegħdin fil-ministeru “full-time”