Il-Kriminalità Vjolenti—X’Inhu Jiġri?
GĦODWA minnhom, huma u jimxu maʼ xatt il-baħar f’Oregon, ġewwa l-Istati Uniti taʼ l-Amerika, Frank u Gabriella qagħdu jaraw ix-xemx tielgħa. Ma kellhom l-ebda idea taʼ x’kien se jiġri. Ftit minuti wara, it-tnejn li huma sfaw mejtin. Xi ħadd, ftit ’il bogħod minnhom sparalhom ġo rashom. Kienet din vendetta? Jew għira? L-ebda waħda. Raġel armat, li ma kinux jafuh, issodisfa fantasija li kellu—ried ikun jaf kif tħossok meta toqtol lil xi ħadd.
“Il-Ħadd 28 t’April, 1996, Martin Bryant rebaħ l-attenzjoni tad-dinja tal-Punent permezz taʼ xi ħaġa li ħa gost ħafna jagħmilha. Hu u jdur f’Port Arthur, fit-Tasmanja, qabad jispara lil kull min iltaqaʼ miegħu u waqt li għamel dan, ħass ċertu eċċitament taʼ eżaltazzjoni u poter.” (A Study of Our Decline, minn Philip Atkinson) Hu kkaġuna wkoll il-mewt taʼ 35 ruħ!
Pensjonant taʼ 65 sena fil-Kanada ħareġ fil-għodu kmieni biex bħas-soltu joqgħod idur bir-rota. Waqt li kien qiegħed jagħmel dan, intlaqat minn wara minn sewwieq li ħallieh mejjet. Ir-rota tiegħu ġiet imkaxkra għal iktar minn 700 metru ’l bogħod. Għall-ewwel kien maħsub li kien aċċident fejn is-sewwieq daħal ġo fih mhux apposta u baqaʼ għaddej, iżda iktar investigazzjoni indikat li kien intlaqat minn sewwieq li seraq karozza u li kien qed jieħu rikba għal gost waqt li saq bl-addoċċ. Milli jidher, li jolqot ċiklista kien parti mill-“eċċitament.”
Tip Differenti taʼ Kriminalità?
Il-kriminalità ilha magħna għal mijiet taʼ snin, iżda dik li ssemmiet fil-bidu, iġġiegħel lin-nies jistaqsu: “Għala? Kif jistaʼ xi ħadd biss jaħseb li jagħmel xi ħaġa bħal din?” Għalkemm delitti komuni, bħalma huma s-serq u l-frodi, ma jattirawx l-attenzjoni tan-nies, hemm żjieda f’ċertu tip taʼ atti li jiġbdu l-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir u li jġagħlu lin-nies jgħidu lilhom infushom, ‘Din xi ħaġa bla sens! X’inhu jiġrilha d-dinja?’
Dawn id-delitti huma differenti. Taʼ spiss jaħsduk u huma krudili. Bħall-eżempji msemmijin fil-bidu, dawn taʼ spiss isiru fuq nies innoċenti li ma jkunux jafuh lil dak li jkun ikkaġuna d-delitt. Barra minn hekk, taʼ spiss jidher li ma jkun hemm l-ebda motiv ovvju għal dawn id-delitti vjolenti. Il-lista taʼ atti li jsiru bla raġuni taʼ xejn tibqaʼ dejjem tiżdied.
F’April taʼ l-1999 fil-Kolorado, l-Istati Uniti taʼ l-Amerika, 2 studenti fi skola waħda sparaw u qatlu lil 12-il student u lil għalliem, imbagħad qatlu lilhom infushom. Fl-1982, f’Kalifornja wieħed raġel miet wara li ħa mediċina li setaʼ jixtriha mingħajr riċetta tat-tabib. Dan ġara għax xi ħadd żidilha sustanza velenuża msejħa striknina. Fl-1993, żewġ subien taʼ għaxar snin ħajru lil tifel taʼ sentejn, James Bulger, biex jitlaq minn ċentru tal-ħwienet f’Bootle, Merseyside, fl-Ingilterra, fejn ommu kienet qiegħda tixtri minn ħanut tal-laħam. Ħaduh fejn tgħaddi l-ferrovija u qatluh bis-swat.
Xi atti jistgħu jiġu klassifikati bħala terroriżmu, bħalma kien l-ivvelenar ġos-sabwej f’Tokyo fl-1995. Il-Ġappun kien ixxokkjat meta membri taʼ kult, tefgħu gass velenuż f’sabwej taʼ Tokyo li qatel 12-il ruħ u għamel ħsara lil eluf oħra. Ftit jistgħu jinsew il-qerda li saret fil-World Trade Center fi New York u l-attakk fuq il-Pentagon, f’Washington, D.C., li ħadet il-ħajjiet taʼ madwar 3,000 ruħ, u l-isplużjonijiet li saru s-sena l-oħra ġewwa Bali, fl-Indoneżja, li qatlu kważi 200 ruħ.
Huwa ovvju li l-kriminalità vjolenti bħal din saret xi ħaġa mifruxa. Il-problema qiegħda madwar id-dinja kollha, u teffettwa lil ħafna nazzjonijiet u klassijiet taʼ nies.
F’xi każi jidher li qisu dawk l-uħud li wettqu dawn id-delitti kienu f’kompetizzjoni biex jaraw min minnhom setaʼ jwettaq l-iktar delitt xokkanti. Barra minn hekk, delitti li jsiru minħabba l-mibegħda taʼ kull tip, qegħdin isiru dejjem iktar komuni. Dawn isiru bi krudeltà estrema fuq nies li l-uniku “tort” li għandhom hu li huma taʼ razza, reliġjon, jew grupp etniku differenti—bħalma kien fl-1994 meta madwar 800,000 Tutsi ġew maqtula fl-Irwanda.
Dan kollu jġiegħel lil ħafna jaħsbu: ‘X’inhu jiġri? Kienu jsiru dawn l-affarijiet qabel? X’tistaʼ tkun ir-raġuni għal dawn id-delitti terribbli? X’tama hemm biex jitnaqqsu jew biex jitneħħew delitti vjolenti bħal dawn?’ L-artikli li jmiss se jitkellmu dwar dawn il-mistoqsijiet u oħrajn.
[Kumment f’paġna 4]
Taʼ spiss, il-kriminalità vjolenti ssir fuq vittmi jkunu min ikunu u mingħajr ebda motiv ovvju