Xi Ħaġa li Ebda Maltempata Ma Tistaʼ Tkissirha
MINN KITTIEBA GĦAL STENBAĦ! FIL-ĠERMANJA, FL-AWSTRIJA, FIL-MESSIKU, U FIL-KOREA
MATUL is-sena 2002 għamel maltemp li ħalla ħerba f’ħafna pajjiżi. L-Ewropa ntlaqtet minn serje taʼ għargħar diżastruż. F’partijiet oħra tal-globu, il-Messiku ntlaqat minn uragan qerriedi, u l-Korea minn tempesta. Kienu kemm kienu traġiċi dawn il-ġrajjiet, huma servew biex isaħħu r-rabtiet taʼ l-imħabba li hemm diġà bejn il-Kristjani veri.
Wara l-għargħar li seħħ fl-Ewropa fl-2002, Helmut Schmidt, li qabel kien il-kanċillier tal-Ġermanja tal-Punent, ġie mistoqsi dwar liema tip t’għajnuna kellhom bżonn il-vittmi. Hu wieġeb: “In-nies għandhom bżonn l-ikel u post fejn joqogħdu, għandhom bżonn xi ħaġa tal-flus f’idejhom, u għandhom bżonn min jieħu ħsiebhom spiritwalment.” Ix-Xhieda taʼ Jehovah kellhom sehem importanti biex jipprovdu lill-vittmi tal-maltemp kemm l-għajnuna fiżika kif ukoll dik spiritwali. Ikkunsidra x-xogħol li għamlu biex jagħtu l-għajnuna fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fil-Messiku, u fil-Korea.
Għajnuna mill-Qalb fil-Ġermanja
Meta saru jafu dwar it-theddida taʼ l-għargħar li kien riesaq, ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġermanja ngħaqdu mal-pubbliku fl-isforzi biex jikkontrollaw l-ilma. Kathleen, li għandha 19-il sena u toqgħod fi Dresden, tgħid: “Ma stajtx noqgħod bil-qiegħda u ma nagħmel xejn. Malli smajt li xi nies x’aktarx kienu se jitilfu kollox, bilfors kelli naqbad u mmur ngħinhom.”
Ix-Xhieda Ġermaniżi bdew jorganizzaw ruħhom biex mill-ewwel jagħtu għajnuna effettiva. Bħala Kristjani, ħassewhom obbligati b’mod speċjali biex jgħinu lil ħuthom spiritwali. Iżda huma wrew ukoll imħabba għal għajrhom. (Mark 12:31) Għalhekk, iktar minn 2,000 volontier tqassmu fi gruppi taʼ bejn 8 u 12-il ruħ, fejn kull grupp ġie inkarigat biex jagħmel biċċa xogħol speċifika fl-inħawi tad-diżastru. Fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Selters, il-Ġermanja, twarrbu 13-il linja tat-telefon apposta biex jirċievu l-eluf taʼ telefonati li saru min-nies li staqsew dwar id-diżastru u offrew l-għajnuna.
Ronnie u Dina huma ministri full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah li jqattgħu l-ħin tagħhom jgħinu lil sħabhom u lill-ġirien jitgħallmu l-veritajiet tal-Bibbja. Meta saru jafu dwar l-għargħar li kien riesaq, huma għall-ewwel marru fiċ-ċentru tal-belt taʼ Dresden biex jgħinu fl-isforzi kbar li saru ħalli jsalvaw il-bini storiku li fiha. Ladarba l-għargħar kien batta, Ronnie u Dina ngħaqdu maʼ Xhieda oħra biex inaddfu s-Sala tas-Saltna fil-belt taʼ Freital, li sfat mgħarrqa b’ilma nkallat. Imbagħad il-grupp beda jgħin lill-ġirien. Is-sid taʼ restorant faċċata tas-sala ħa r-ruħ meta x-Xhieda naddfulu l-kantina u s-sular t’isfel mit-terrapien u l-ħama.
Siegfried u Hannelore jgħixu f’Colmnitz, raħal li jinsab xi 40 kilometru fil-lbiċ taʼ Dresden. In-nixxiegħa li s-soltu tgħaddi mir-raħal għoliet u għarrqet id-dar u l-ġnien tagħhom. Ladarba l-ilma beda jbatti, il-ġirien baqgħu skantati meta raw xi 30 Xhud, li ma kinux mil-lokal, li waslu u taw l-għajnuna biex inaddfu d-dar taʼ Siegfried u Hannelore. Imbagħad, il-grupp beda jnaddaf il-ġonna li kienu fil-qrib. Ħafna nies tal-lokal staqsewhom x’qanqalhom jivvjaġġaw 100 kilometru biex jgħinu lil nies li qatt ma kienu ltaqgħu magħhom. Minħabba f’hekk, ix-Xhieda setgħu jagħtu inkuraġġiment spiritwali lill-vittmi f’Colmnitz.
L-irħula qrib taʼ Wittenberg intlaqtu wkoll mill-għargħar. Żewġ Xhieda miżżewġin li jisimhom Frank u Elfriede ħadmu mal-ġirien għal bosta ġranet qabel ma seħħ l-għargħar billi mlew l-ixkejjer bir-ramel u qegħduhom fuq xulxin ħalli jsaħħu x-xtut tax-xmara. Ladarba l-għargħar kien batta, Frank u Elfriede żaru lill-vittmi u ħadulhom l-ikel u farrġuhom. Frank jiftakar: “Waħda mara li żorna ma riditx temmen li aħna, nies li ma tafniex, ħadnielha x’tiekol mingħajr ma ridnieha tħallasna. Hi qaltilna li ħadd mill-knisja tagħha ma kien mar iżurha. U l-organizzazzjoni li ġabitilha x’tiekol talbitha tħallas kull darba. In-nies baqgħu skantati meta raw li x-Xhieda taʼ Jehovah marru għandhom b’ikla sħuna minflok bil-letteratura tal-Bibbja f’idejhom.”
L-Awstrija—Għajnuna fil-Pront Minħabba d-Diżastru
L-ilma taʼ l-għargħar għamel ħafna ħsara anki fl-Awstrija li tinsab fil-qrib. Twaqqfu tliet kumitati biex jindokraw l-għajnuna li kellha tingħata. Ngħatat prijorità biex jissewwew il-ħsarat kbar li ġarrbu tliet Swali tas-Saltna. Ukoll, kważi 100 familja tax-Xhieda ġiet effettwata mill-għargħar, u 50 dar ġew mgħarrqa. Xi wħud tilfu kollox minbarra l-ħwejjeġ taʼ fuqhom. L-uffiċċju tal-fergħa fl-Awstrija informa lill-kongregazzjonijiet lokali dwar is-sitwazzjoni, u twaqqaf fond biex permezz tiegħu tingħata l-għajnuna. Sa Settembru saru kontribuzzjonijiet taʼ iktar minn Lm13,171.
Waħda omm kitbet: “Ibni li għandu 8 snin joqgħod attent ħafna x’jonfoq u kien ġemmaʼ xi Lm5. Madankollu, meta semaʼ li xi wħud minn ħutna tilfu kulma kellhom, hu kien lest jagħti kulma ġemmaʼ għall-fond tad-diżastru.”
Bid-direzzjoni tal-Kumitati Reġjonali tal-Bini, li s-soltu jieħdu ħsieb ix-xogħol tal-bini tas-Swali tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah, ġew organizzati gruppi biex jgħinu ħalli jirranġaw id-djar li ġarrbu l-ħsara minħabba l-għargħar. Wieħed li kien qed josservahom qal: “Il-gazzetti għandhom jirrapportaw dwar dak li intom qed twettqu hawnhekk.” Xi wħud saħansitra bidlu l-ħarsa tagħhom lejn ix-Xhieda taʼ Jehovah. Omm li hi Xhud qalet: “S’issa, uliedi, li m’humiex Xhieda, qatt ma kienu semgħuni meta pprovajt naqsam magħhom it-twemmin tiegħi. Imma issa għall-ewwel darba qed jisimgħuni!”
Saru l-isforzi wkoll biex tingħata l-għajnuna lil dawk li m’humiex Xhieda. Per eżempju, waħda mara tassew laqatha l-fatt li wieħed Xhud mar għandha fis-7.30 taʼ fil-għodu u staqsieha jekk kellhiex bżonn l-għajnuna. Il-mara kellha tevakwa d-dar għaliex l-ilmijiet kienu diġà bdew deħlin f’darha. Madankollu, meta reġgħet lura hi sabet nota mingħand ix-Xhieda mal-grada tal-ġnien tagħha. Fuqha kien hemm miktub: “Jekk għandek bżonn l-għajnuna għidilna minnufih.” Ix-Xhieda għenuha tnaddaf id-dar u l-proprjetà tagħha mit-tajn u t-terrapien.
Grupp taʼ 100 Xhud marru fir-raħal t’Au biex jgħinu lix-Xhieda lokali u l-ġirien tagħhom. Dawk li mexxew il-gruppi marru minn bieb għal bieb jistaqsu lir-residenti jekk kellhomx bżonn l-għajnuna. In-nies baqgħu skantati meta raw li x-Xhieda marru armati bl-apparat tat-tindif u li jneħħi l-ilma, bħal pompi, xkupi, u pali. Ix-xogħol li normalment lill-inkwilini kien se jiħdilhom xi ġimgħa biex ilestuh, sar fi ftit sigħat. In-nies qagħdu jarawhom bid-dmugħ f’għajnejhom.
Xi 400 Xhud lokali kienu involuti fl-għajnuna li ngħatat—u spiss ħadmu lejl u nhar. Għal dawk li kienu qed jarawhom, din kienet xiehda li tispikka tal-qawwa tal-Kristjanità vera.
L-Uragan Isidore Jolqot il-Messiku
Isidore beda bħala tempesta tropikali fit-tramuntana tal-Venezwela. Fit-22 taʼ Settembru, 2002, Isidore laqat il-Peniżola Messikana taʼ Yucatán bħala uragan tat-3 kategorija. B’riħ qawwi taʼ 190 kilometru fis-siegħa u xita bil-qliel, dan ikkaġuna fost l-iktar ħsara gravi li qatt seħħet fl-istorja taʼ l-istati Messikani taʼ Yucatán u Campeche kif ukoll ikkaġuna xi ħsara fl-istat taʼ Quintana Roo. F’Yucatán biss, xi 95,000 dar ġarrbu ħsarat kbar li effettwaw lil xi 500,000 ruħ.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah tant kellhom irwol effettiv fl-għajnuna li ngħatat f’Yucatán li titlu taʼ gazzetta fit-tramuntana tal-Messiku kien jgħid: “Ix-Xhieda taʼ Jehovah Jiġu Jsalvaw lin-Nies.” Qabel ma waslet il-maltempata kien diġà ġie fformat kumitat biex joffri l-għajnuna. Saru xi arranġamenti għall-emerġenza biex mijiet taʼ Xhieda tal-lokal ikollhom fejn joqogħdu. Il-kongregazzjonijiet fil-qrib ipprovdew il-fondi għall-emerġenza. Il-ħwejjeġ, il-mediċina, u iktar minn 22 tunnellata ikel tqassam lil dawk li salvaw mill-maltempata, inkluż lil ħafna li m’humiex Xhieda. L-anzjani tal-lokal ġew inkarigati biex iżuru u jinkuraġġixxu lil dawk li sfaw vittmi taʼ Isidore.
Wara li t-tempesta laqtet il-pajjiż, ġew ifformati l-kumitati taʼ l-għajnuna lokali biex ifittxu lix-Xhieda li kienu neqsin. Bosta wħud damu sa tlett ijiem iżolati fil-foresta u f’postijiet oħra mingħajr ma kellhom x’jieklu u ilma x’jixorbu. F’xi nħawi l-ilma tant telaʼ ’l fuq li saħansitra għatta l-arbli tad-dawl! Għalhekk, kellhom jiksbu d-dgħajjes u dawn użawhom biex ifittxu l-vittmi, jitimgħuhom, u jiħduhom lura f’postijiet ħielsa mill-periklu.
L-awtoritajiet lokali sellfu d-dgħajjes u apparat ieħor lix-Xhieda, li offrew li jmorru jgħinu f’postijiet fejn ftit nies kienu se jażżardaw imorru. Għall-ewwel, uffiċjal taʼ l-armata ma riedx iħalli lix-Xhieda jagħmlu tfittxija perikoluża bħal din. Madankollu, meta ra kemm kienu qalbiena, hu qalilhom: “Naf ċert li intom lesti tużaw il-ħelikopters, jekk ikun hemm bżonn, biex issalvaw lin-nies tagħkom. Il-vetturi tagħna huma disponibbli biex tieħdu lin-nies tagħkom fejn tixtiequ.”
Sid taʼ ħanut ried ikun jaf għala xi Xhieda kienu qed jixtru l-ilma tal-flixkun fi kwantitajiet kbar. Huma spjegawlu li dan għamluh għal ħuthom spiritwali u għal oħrajn li kellhom bżonnu. Ir-raġel iddeċieda li jagħtihom il-fliexken kollha taʼ l-ilma li kellu—mingħajr ħlas. Il-jum taʼ wara reġaʼ ta ammont konsiderevoli ieħor taʼ ilma. F’ħanut ieħor, raġel li kien qed jixtri staqsa lix-Xhieda għala kienu qed jixtru daqshekk ikel. Meta sar jaf li dan kien għall-vittmi taʼ l-għargħar, hu tahom donazzjoni biex jixtru iktar.
Għalkemm kważi 3,500 familja tax-Xhieda tilfu l-affarijiet materjali minħabba Isidore, ħadd minnhom ma kien nieqes jew mejjet. Xorta waħda, minħabba li kien hemm 331 dar tax-Xhieda li ġarrbu l-ħsara jew inqerdu għalkollox, kien hemm bżonn taʼ programm biex jerġaʼ jsir il-bini mill-ġdid. Ix-Xhieda li kellhom l-esperjenza fil-bini żaru kull dar u Sala tas-Saltna biex jaraw kemm ġarrbu ħsarat. Sa llum, saru t-tiswijiet fuq xi 258 dar u reġgħu nbnew 172 dar. Ukoll, id-19-il Sala tas-Saltna li ġarrbu l-ħsara qed jerġgħu jinbnew.
Anzjan f’kongregazzjoni waħda fl-istat taʼ Yucatán tqanqal biex jgħid: “Kont qrajt fil-pubblikazzjonijiet tagħna dwar ix-xogħol li jsir biex tingħata għajnuna f’każ taʼ diżastru f’pajjiżi oħra. Madankollu, hi xi ħaġa differenti ħafna li tara dan b’għajnejk stess. Il-fidi tiegħi u taʼ ħafna aħwa oħra ssaħħet meta rajna b’liema ħeffa u interess ngħatajna għajnuna mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah u ħutna l-għeżież.”
Waħda mara qalet: “Mhux li kien il-knisja tiegħi tat l-għajnuna bħalma tajtu intom ix-Xhieda.” U mara oħra, li ġiet salvata mix-Xhieda, qalet: “Grazzi għax-Xhieda taʼ Jehovah, m’aħniex mejtin. Urewna mħabbithom billi meta darna kienet taħt l-ilma huma rriskjaw ħajjithom biex isalvawna.”
Tempesta Tolqot il-Korea
Fil-31 t’Awissu u l-1 taʼ Settembru, 2002, it-Tempesta Rusa laqtet parti kbira mill-Korea. Song-pil Cho, li jaqdi bħala anzjan f’kongregazzjoni, qal: “Kont qisni qiegħed nieħu doċċa. U x-xita baqgħet nieżla, u nieżla, u nieżla.” Niżlet iktar minn 870 millimetru xita f’inqas minn 24 siegħa—l-iktar darba li qatt niżlet xita f’ġurnata waħda f’dan il-post.
Skond The Korea Herald, mal-ġens kollu għerqu xi 28,100 dar u 849.87 kilometru kwadru għelieqi. Xi 70,000 ruħ kellhom bilfors jiġu evakwati. It-tempesta qatlet 301,000 annimal tal-merħliet, għarrqet 126 vapur, u waqqgħet mijiet t’arbli tad-dawl. Iktar minn 180 ruħ ġew rapportati mejtin jew nieqsa. Fosthom kien hemm tnejn mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Bħalma ġara fl-Ewropa u fil-Messiku, ix-Xhieda taʼ Jehovah aġixxew fil-pront. Il-kontribuzzjonijiet tax-Xhieda bdew jaslu mill-pajjiż kollu. Dawn kienu jinkludu ħwejjeġ, kutri, u bżonnijiet oħra. Xorta waħda, xi membri tal-kongregazzjoni kienu jgħixu fl-inħawi li spiċċaw imwarrba u iżolati. Xi toroq inqerdu għalkollox, u xi pontijiet tkissru. Ma kienx hemm elettriku jew servizz tat-telefon. Allura, ġew organizzati xi gruppi biex imorru jfittxu lin-nies bil-mixi u jagħtu l-għajnuna meħtieġa. Song-pil Cho, li ħadem maʼ wieħed mill-gruppi li taw l-għajnuna, jiddeskrivi post wieħed fejn għenu: “Sebaʼ pontijiet u biċċiet kbar mit-triq kienu nqerdu għalkollox. Meta fl-aħħar wasalna fiċ-ċentru, kullimkien kont tara d-djar li ġarrbu l-ħsara jew li nqerdu. Kien hemm riħa tinten pesta, u l-annimali mejtin kont tarahom maʼ kullimkien. Imma kemm fraħna meta ltqajna mas-sitt aħwa Kristjani tagħna! Kienu tilfu kulma kellhom materjalment, imma kollha kienu għadhom qawwijin u sħaħ.”
Fil-fatt, ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu preparati sew għad-diżastru. Peress li huma mdorrijin bl-għargħar fl-istaġun tal-monsun, il-Kumitat Reġjonali tal-Bini tagħhom fl-inħawi taʼ Seoul kien diġà beda jorganizza l-għajnuna għal diżastru li setaʼ jseħħ. Mill-1997, għamel sessjonijiet taʼ taħriġ kull sena sabiex il-volontieri jkunu lesti biex jagħtu l-għajnuna jekk tinqalaʼ xi emerġenza.
Fit-2 taʼ Settembru, il-ħaddiema mill-kumitat li jagħtu l-għajnuna waslu fil-belt taʼ Kangnŭng, li tinsab mal-kosta tal-lvant, u waqqfu l-kwartieri ġenerali fis-Sala taʼ l-Assemblea tax-Xhieda taʼ Jehovah lokali. X’kienet l-ewwel prijorità? Li jagħtu ilma nadif lil dawk li salvaw. Meta jkun hemm għargħar qawwi, il-kanen taʼ l-ilma ġeneralment iġarrbu l-ħsara; l-ilma taʼ l-għargħar ikun imniġġes ħafna. Il-kumitat ħejja trakkijiet kbar bit-tankijiet mimlijin bl-ilma biex jintbagħtu fl-inħawi li ġew effettwati.
Wara li l-ilma taʼ l-għargħar ibatti, kollox jispiċċa mgħotti b’tajn oħxon li jinten. Minkejja dan, ġie żviluppat mod effettiv għat-tindif. Peress li kważi d-djar kollha fl-inħawi huma magħmulin mis-siment, il-kmamar tagħhom jitqaxxrulhom il-karta taʼ mal-ħajt u l-linolju taʼ maʼ l-art u jiġu mlaħalħin bl-ilma bi pressa qawwija.
L-ilma taʼ l-għargħar iħassar kważi l-apparat kollu li jaħdem bl-elettriku. Madankollu, jekk fi ftit jiem elektrixin kwalifikat iżarma l-apparat bħal xi friġġ jew xi bojler, u mbagħad inaddafhom sew, inixxifhom, u jerġaʼ jwaħħalhom f’posthom, f’ħafna każi dawn jibqgħu jaħdmu. Il-Kumitat Reġjonali tal-Bini huwa organizzat biex jagħmel xogħlijiet bħal dawn. Il-bojlers li ma jkollhomx għalfejn jinbidlu jintużaw biex inixxfu d-djar. Dan il-proċess jieħu bejn ħmistax u tliet ġimgħat.
Il-ħwejjeġ u l-kutri li ssirilhom il-ħsara minħabba l-ilma taʼ l-għargħar ukoll iridu jinħaslu sew fi żmien ftit jiem sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw. Volontieri minn kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah għenu biex jiġbru l-affarijiet li tħammġu taʼ ħuthom Kristjani. Kienet biċċa xogħol diffiċli biex ineħħu t-tajn li kien daħal sew fil-ħwejjeġ—u l-ħasil kellu jsir bl-idejn f’nixxiegħa taʼ ilma verament kiesaħ. Wara li ġurnalist sar jaf b’dan ix-xogħol imqanqal mill-imħabba, ġie pubblikat ritratt kbir fil-gazzetta lokali li kien juri lix-Xhieda jagħmlu dan ix-xogħol.
L-għargħar diżastruż li seħħ fl-Ewropa, fl-Amerika taʼ Fuq, u l-Asja qered id-djar, il-proprjetà, u l-ħajjiet taʼ ħafna bnedmin innoċenti. Għalkemm dawn il-ġrajjiet huma verament traġiċi, huma komuni fl-“aħħar” taʼ din is-sistema dinjija, li huwa karatterizzat minn “żmien iebes.” (2 Timotju 3:1) Dawn id-diżastri jistgħu wkoll iservu bħala tfakkira drammatika taʼ dan il-fatt: Il-Kristjani veri jħobbu lil xulxin u lil ġarhom. Imħabba mhix egoista bħal din hija xi ħaġa li ebda maltempata ma tistaʼ tkissirha.
[Stampa f’paġna 18]
IL-ĠERMANJA—Dar meqruda mill-maltemp
[Stampi f’paġna 19]
IL-ĠERMANJA—Iktar minn 2,000 volontier taw l-għajnuna fil-pront
[Stampi f’paġna 20]
L-AWSTRIJA—Isewwu s-Sala tas-Saltna tagħhom f’Ottensheim
Xellug: Grupp taʼ volontiera jerġgħu lura minn Au, fejn għenu lix-Xhieda lokali u lill-ġirien tagħhom
[Stampi f’paġna 21]
IL-MESSIKU—Lemin: Kumitat li joffri l-għajnuna jipprovdi l-ilma tajjeb għax-xorb lil dawk li salvaw mill-maltemp;
Taħt: Jibnu dar mill-ġdid
[Stampi f’paġna 23]
KOREA—Mix-xellug għall-lemin: Parti mgħarrqa minn belt; tindif bl-ilma bi pressa qawwija; ħasil tal-ħwejjeġ f’nixxiegħa fil-qrib