LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 9/8 pp. 20-21
  • Diżastru fil-Baħar—Traġedja fuq l-Art

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Diżastru fil-Baħar—Traġedja fuq l-Art
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Sforzi Drastiċi
  • Effetti Traġiċi
  • ‘Aċċident Mistenni’
Stenbaħ!—2003
g03 9/8 pp. 20-21

Diżastru fil-​Baħar—Traġedja fuq l-​Art

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI SPANJA

DIŻASTRU ekoloġiku u ekonomiku beda jseħħ fit-​13 taʼ Novembru, 2002, meta f’baħar imqalleb it-​tanker taż-​żejt Prestige beda jitlef iż-​żejt. L-​isforzi li saru biex isalvaw il-​vapur milqut ma rnexxewx, u wara sitt ijiem—li matulhom ħarġu xi 20,000 tunnellata żejt—it-​tanker spiċċa biex inqasam fi tnejn u għereq, xi 200 kilometru ’l barra mill-​kosta taʼ Spanja.

It-tanker niżżel miegħu mal-​50,000 tunnellata żejt, u mill-​qafas kompla jnixxi mal-​125 tunnellata żejt kuljum. Bdew jifformaw irqajjaʼ ġodda taż-​żejt, u dawn ġrew b’ħeffa li ma bħala lejn il-​kosta. Minħabba li ż-​żejt kien taʼ densità qawwija u tossiku, dan ħalla impatt tassew traġiku fuq l-​ambjent.

Għadd taʼ volontiera li pprovaw inaddfu l-​bajjiet ma setgħux jagħmlu dan minħabba r-​riħa qawwija. Barra minn hekk, iż-​żejt tal-​fuel ifforma balla kbira taʼ qatran li weħlet mal-​blat qisha chewing gum iswed. “Hija waħda mill-​agħar irqajjaʼ taż-​żejt fl-​istorja,” ilmenta Michel Girin, direttur taċ-​Ċentru tad-​Dokumentazzjoni, ir-​Riċerka u l-​Esperimentazzjoni tat-​Tinġis taʼ l-​Ilma li Jseħħ Aċċidentalment.

Sforzi Drastiċi

Għal ġimgħat sħaħ, mijiet taʼ sajjieda ħarġu fl-​ibħra sabiex jissieltu kontra l-​irqajjaʼ taż-​żejt li kienu qed jheddu l-​għajxien tagħhom. Is-​sajjieda għamlu sforzi drastiċi biex jiġbru ż-​żejt qabel ma jsewwed il-​bajjiet tagħhom u jirvina wieħed mill-​aqwa reġjuni tas-​sajd fid-​dinja. Xi rġiel refgħu mill-​ilma b’idejhom stess biċċiet sħaħ taʼ tajn idellek. “Ix-​xogħol qalgħalna daharna, imma għal dawk minna li konna f’dgħajjes żgħar ma kellna ebda għażla oħra,” spjega Antonio, sajjied lokali.

Waqt li s-​sajjieda ssieltu biex jiġbru ż-​żejt mill-​baħar, eluf taʼ volontiera minn madwar Spanja kollha ħadmu biex inaddfu l-​bajjiet. Peress li kienu lebsin il-​maskli u libsa bajda li tgħattihom minn rashom sa saqajhom, kienu jidhru qishom qed jieħdu sehem fi gwerra bijoloġika. Iżda xogħolhom kien li jitħabtu biex jiġbru ż-​żejt bil-​pali u jitfgħuh fil-​bramel sabiex ikun jistaʼ jittieħed lil hinn. Bħas-​sajjieda, il-​volontiera saħansitra użaw idejhom stess biex ineħħu ż-​żejt li niġġes il-​bajjiet.

Effetti Traġiċi

“Għall-​ewwel ħassejtni se mmut bid-​dwejjaq li qabduni meta rajt il-​mewġ iswed jitfaʼ ż-​żejt mal-​moll taʼ Muxía,” qal Rafael Mouzo, is-​sindku taʼ Corcubión fit-​tramuntana taʼ Galicia, fejn il-​kosta nqerdet għalkollox. “Il-​firxa taż-​żejt effettwat l-​għajxien taʼ tant u tant nies fir-​raħal tagħna.”

Bi swied il-​qalb, il-​park nazzjonali ġdid u mill-​isbaħ taʼ Spanja, Las Islas Atlánticas (Il-Gżejjer Atlantiċi), intlaqat sew minn waħda mill-​irqajjaʼ taż-​żejt. Kolonji sħaħ taʼ għasafar kienu jbejtu f’dawn il-​ħames gżejjer mhux mimsusa li jinsabu ’l barra mill-​kosta taʼ Galicia. Il-​pjattaforma madwar dan il-​baħar kien fiha ħafna speċi differenti tal-​baħar.

Sal-bidu taʼ Diċembru, 95 fil-​mija tal-​kosta tal-​park spiċċat imniġġsa biż-​żejt. L-​ornitologi kkalkulaw li xi 100,000 għasfur kien se jiġi effettwat. Xi bugħaddasa raw ċapep sħaħ taʼ żejt magħqud tielaʼ f’wiċċ l-​ilma u jħassar l-​ekosistema delikata tal-​baħar.

Jay Holcomb, li organizza ċ-​ċentru għas-​salvataġġ taʼ l-​għasafar, irrapporta: “Ġeneralment, l-​għasafar imutu jew għax jegħrqu jew għax it-​temperatura taʼ ġisimhom tinżlilhom wisq. Iż-​żejt itaqqal ir-​rix, u għalhekk jeqirdilhom l-​attributi li jipproteġuhom u li jifilħu għall-​ilma. Barra minn hekk, iż-​żejt tqil jiġbidhom ’l isfel, l-​istess bħalma l-​ħwejjeġ għasra jistgħu jiġbdu ’l isfel lil min ikun qed jgħum. . . . Inħossu sodisfazzjon kbir meta jirnexxilna nsalvaw xi għasafar, avolja ftit huma dawk li jsalvaw.”

‘Aċċident Mistenni’

Id-​dinja tiddependi miż-​żejt għall-​enerġija, iżda biex ma jsirux ħafna spejjeż, spiss iż-​żejt jiġi trasportat b’vetturi perikolużi li ma jkunux miżmumin sew. Għalhekk, The New York Times tiddeskrivi s-​sitwazzjoni bħala ‘aċċident mistenni.’

Il-Prestige huwa t-​tielet tanker li għereq barra l-​kosta taʼ Galicia f’dawn l-​aħħar 26 sena. Xi għaxar snin ilu, l-​Aegean Sea għereq ħdejn La Coruña fit-​tramuntana taʼ Galicia u xerred maʼ l-​40,000 tunnellata żejt mhux irfinut, u minħabba fih hemm xi biċċiet mill-​kosta li għadhom ma ħadux ir-​ruħ sa llum. U fl-​1976 l-​Urquiola għereq fl-​istess inħawi, fejn reħa roqgħa żejt diżastruża taʼ iktar minn 100,000 tunnellata.

Wara li eżaminat l-​aħħar diżastru li seħħ, l-​Unjoni Ewropea ddeċidiet li tipprojbixxi t-​tankers taż-​żejt kollha li m’għandhomx qafas doppju. Però, għad irridu naraw jekk dawn il-​passi humiex se jkunu biżżejjed biex jipproteġu l-​kosta taʼ l-​Ewropa li xebgħet taqlaʼ.

Jidher ċar li l-​gvernijiet umani għad ma rnexxilhomx jiggarantixxu dinja ħielsa mit-​tinġis—kemm jekk mill-​irqajjaʼ taż-​żejt, l-​iskart tossiku, jew it-​tinġis taʼ l-​atmosfera. Madankollu, il-​Kristjani jħarsu ’l quddiem lejn żmien meta s-​Saltna t’Alla se tmexxi x-​xogħol biex il-​pjaneta tagħna terġaʼ ssir ġenna li qatt iktar m’hi se titniġġes.—Isaija 11:​1, 9; Apokalissi 11:18.

[Stampa f’paġna 20, 21]

Il-​Prestige niżżel miegħu f’qiegħ il-​baħar 50,000 tunnellata żejt

[Sors]

AFP PHOTO/DOUANE FRANCAISE

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja